Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ April 2019 mill-Asociación de fabricantes de morcilla de Burgos mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-14 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-709/18, Asociación de fabricantes de morcilla de Burgos vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-309/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Asociación de fabricantes de morcilla de Burgos (rappreżentanti: J. J. Azcárate Olano u E. Almarza Nantes, abogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla kompletament id-digriet appellat u, għaldaqstant, tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn din il-parti bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1214 tad-29 ta’ Awwissu 2018 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti “Morcilla de Burgos” (IĠP) 1 ; sabiex, sussegwentement, wara eżami tal-mertu tal-kawża, tingħata sentenza li permezz tagħha l-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1214 tad-29 ta’ Awwissu 2018 jiġi ddikjarat null u bla effett,

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-aggravju huwa bbażat fuq l-irregolarità tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li tippreġudika l-interessi ta’ din l-appellanti, li tirriżulta minn żball ta’ liġi, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 73(1) et seq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-ġurisprudenza li tiżviluppah, skont il-bażijiet legali sussegwenti:

id-digriet appellat essenzjalemnt jafferma, b’mod żbaljat, li t-talba kien fiha “biss firem skannjati” tar-rappreżentati tal-appellanti, meta, fir-realtà, din kien fiha firem elettroniċi kkwalifikati, b’ċertifikat ikkwalifikat ACA, li għandhom effett ġuridiku ekwivalenti għal dak ta’ firma bl-idejn.

dawn il-firem elettroniċi kkwalifikati huma rrikonoxxuti u protetti mir-Regolament eIDAS, Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 2 .

il-firem elettroniċi kkwalifikati, b’ċertifikati kkwalifikati ACA, josservaw kompletament l-essenza u l-bażi tal-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali: “bil-għan ta’ ċertezza legali, tiġi ggarantita l-awtentiċità ta’ dan l-att proċedurali u jiġi eskluż ir-riskju li dan ma jkunx, fir-realtà, xogħol ta’ awtur awtorizzat għal dan il-għan”, hekk kif jindika d-digriet appellat.

l-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tħassar permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 2018, fejn din l-emenda daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2018 (jumejn wara t-tressiq tat-talba), filwaqt li l-applikazzjoni tar-regola l-iktar favorevoli tikkostitwixxi prinċipju fundamentali u universali fid-dritt ta’ sanzjoni tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Punent.

il-ġurisprudenza invokata fid-digriet appellat, sabiex tiġi ġġustifikata l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn din il-parti, tirrigwarda prinċipalment il-firem skannjati. Madankollu, il-każ inkwistjoni f’din il-kawża (talba b’firma elettronika kkwalifikata, b’ċertifikat ACA) ma ġiex deċiż mill-qrati tal-Unjoni.

ir-regoli għandhom jiġu interpretati b’rabta mar-realtà soċjali taż-żmien li fih għandhom jiġu applikati, filwaqt li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-essenza u għall-għan tagħhom.

____________

1 ĠU 2018, L 224, p. 3.

2 Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU 2014, L 257, p. 73).