Language of document : ECLI:EU:C:2019:110

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 4 – Riferimenti pubbliċi għall-ħtija – Deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja – Rimedji ġudizzjarji – Proċedura ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni – Osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza – Artikolu 267 TFUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-fakultà tal-qrati nazzjonali li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew li tobbligahom jiddeċiedu mingħajr ma jistennew ir-risposta għal din id-domanda – Sanzjonijiet dixxiplinari f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni”

Fil-Kawża C-8/19 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il‑Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura kriminali kontra

RH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relature), A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-27 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2019, li tissuġġetta r-rinviju preliminari għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2019 tal-Ewwel Awla li tilqa’ din it-talba,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), moqri flimkien mal-premessa 16 ta’ din.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra RH dwar iż-żamma tiegħu taħt detenzjoni provviżorja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-KEDB

3        Taħt it-titolu “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

[…]

ċ)      l-arrest jew detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna effettwata sabiex tiġi miġjuba quddiem l-awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikommettiet reat jew meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ biex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun għamlet reat;

[…]

4.      Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi.

[…]”

4        L-Artikolu 6(1) tal-KEDB intitolat “Dritt għal smigħ xieraq” jipprovdi li:

“Fid-determinazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi.[…]”

 Id-dritt tal-Unjoni

5        Il-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343 hija fformulata kif ġej:

“Il-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il-persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti ta’ prosekuzzjoni li għandhom l-għan li juru l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, bħall-att ta’ akkuża, u mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li bħala riżultat tagħhom issir effettiva sentenza sospiża, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi.”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.”

7        Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Oneru tal-prova”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.”

 Id-dritt Bulgaru

8        B’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), kull kawża kriminali għandha tiġi eżaminata u deċiża f’terminu raġonevoli, speċjalment meta l-persuna akkużata tkun f’detenzjoni.

9        Skont l-Artikolu 56(1) u l-Artikolu 63(1) tan-NPK, miżura ta’ detenzjoni provviżorja tista’ tiġi adottata u pprolongata meta jkunu jeżistu “raġunijiet plawżibbli li jiġi preżunt” li l-persuna akkużata wettqet reat.

10      Skont l-Artikolu 65(4) tan-NPK, meta l-persuna akkużata tikkuntesta quddiem qorti li l-kundizzjonijiet legali tal-prolongament tad-detenzjoni provviżorja tagħha kollha huma ssodisfatti, inkluż li għadhom jeżistu raġunijiet plawżibbli li jiġi preżunt li wettqet ir-reat inkwistjoni, il-qorti għandha tirrispondi għall-argumenti tagħha u tevalwa jekk dawn ir-raġunijiet għadhomx jeżistu jew le.

11      Skont l-Artikolu 489(2) tan-NPK, f’każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, minkejja li l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tkun sospiża, il-partijiet jistgħu jagħmlu talba ta’ modifika tal-miżura ta’ detenzjoni provviżorja u l-qorti hija obbligata tagħti deċiżjoni dwar din il-talba permezz ta’ deċiżjoni fil-mertu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      RH huwa ssuspettat li pparteċipa fi grupp kriminali organizzat sabiex iwettaq qtil, reat ipprojbit bl-Artikolu 321(3) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), moqri flimkien mal-Artikolu 321(2) ta’ dan il-kodiċi. Dan ir-reat huwa kkastigat b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn 3 u 10 snin.

13      Fit-22 ta’ Ottubru 2018, miżura ta’ detenzjoni provviżżorja ttieħdet kontra RH, wara li l-qorti tal-ewwel istanza u l-qorti tal-appell ikkunsidraw li kienu jeżistu raġunijiet plawżibbli li jiġu preżunt li dan tal-aħħar kien wettaq ir-reat li huwa akkużat bih.

14      Fl-20 ta’ Diċembru 2018, l-avukat ta’ RH ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju talba għal-liberazzjoni tal-klijent tiegħu billi kkontesta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 56(1) u tal-Artikolu 63(1) tan-NPK, l-eżistenza tar-raġunijiet plawżibbli li jippreżupponu l-parteċipazzjoni tiegħu għall-imsemmi reat.

15      F’dak li jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjoni tal-liberalizzazzjoni ta’ RH tiddependi biss mill-eżistenza ta’ raġunijiet plawżibbli li jippreżupponu li huwa l-awtur tar-reat inkwistjoni.

16      Sabiex tiddeċiedi dwar dan il-punt, din il-qorti għandha dubju ta’ żewġ tipi. Minn naħa, matul l-eżami tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ raġunijiet plawżibbli li jippreżupponu li wettaq ir-reat inkwistjoni, din tindika li hija kkonfrontata b’diffikultajiet importanti rigward il-formulazzjoni li għandha tiġi adottata fid-deċiżjoni tagħha b’mod li ma tippreżentax lil RH bħala ħati u fl-istess ħin li tipprovdi risposta għall-oġġezzjonijiet imressqa mill-avukat tiegħu.

17      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza nazzjonali l-iktar reċenti jirriżulta li, fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, u sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tar-raġunijiet plawżibbli li jippreżupponu li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata li wettqet l-atti inkwistjoni, għandha ssir evalwazzjoni “prima facie” skont liema l-akkuża hija pprovata.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja diġà kienet is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C-310/18 PPU, EU:C:2018:732). F’din il-kawża, wara r-rinviju għal deċiżjoni preliminari u s-sospensjoni tal-proċedura, il-persuna akkużata talbet darbtejn l-eżami mill-ġdid tal-legalità tad-detenzjoni tagħha għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

19      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, bit-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari u bis-sospensjoni tal-proċedura dwar il-kawża quddiemha, hija tosservax id-dritt tal-Unjoni, inkluż l-obbligu li tiddeċiedi f’terminu raġonevoli. Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 489(2) tan-NPK ma jipprovdix espressament jekk din il-qorti għandhiex tiddeċiedi dwar talba għall-modifika ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, il-ġurisprudenza l-ġdida tinterpreta l-imsemmija dispożizzjoni fis-sens li rinvju għal deċiżjoni preliminari jkun impossibbli.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti adita bil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C-310/18 PPU, EU:C:2018:732) kienet għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari u ssospendiet il-proċedura minkejja l-istruzzjonijiet vinkolanti tal-istanza superjuri, li wassal għal proċedura dixxiplinari quddiem il-Visshia sadeben savet (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, il-Bulgarija) minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 489(2) tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), li tobbliga lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi direttament dwar il-legalità ta’ detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mingħajr ma tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja minkejja li tkun għamlet talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-legalità ta’ din id-detenzjoni, hija konformi mal-Artikolu 267 TFUE u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

2)      a)      Fuq il-bażi tal-aħħar sentenza tal-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343a Nru 343/2016, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt tagħha fis-sens li, qabel ma tagħti deċiżjoni li testendi d-detenzjoni provviżorja, hija għandha ‘tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti […] li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata’?

b)      F’sitwazzjoni fejn l-avukat difensur jikkontesta, b’mod argumentat u serju, speċifikament l-eżistenza ta’ ‘biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti’ fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-estensjoni tad-detenzjoni provviżorja, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tagħti tweġiba, konformement mar-rekwiżit ta’ rimedu effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

c)      Il-qorti nazzjonali tikser l-Artikolu 4 tad-Direttiva Nru 343/2016, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Milev (C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732), jekk timmotiva d-deċiżjoni tagħha dwar l-estenzjoni tad-detenzjoni provviżorja konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB, u tikkonstata ġustament l-eżistenza ta’ provi insostenn tal-akkuża li, min-natura tagħhom, huma ‘tali li jipperswadu lil osservatur newtrali u oġġettiv li l-individwu inkwistjoni seta’ wettaq ir-reat’ [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll dwar l-Artikolu 5(4) tal-KEDB, u dan, b’mod partikolari, filwaqt li tiddeċiedi, b’mod effettiv u reali, fuq l-oġġezzjonijiet tal-avukat difensur dwar il-legalità tad-detenzjoni provviżorja?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

22      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, relattiv għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant hija tista’ tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

24      Fir-rigward tal-kriterju dwar l-urġenza, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa importanti li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u ż-żamma f’detenzjoni tagħha tiddependi fuq is-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C-551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Kif intqal fil-punti 12 sa 14 ta’ dan id-digriet, fil-kawża prinċipali, RH huwa ssuspettat li pparteċipa fi grupp kriminali organizzat sabiex iwettaq qtil u deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja ttieħdet kontra tiegħu fit-22 ta’ Ottubru 2018. Fl-20 ta’ Diċembru 2018, l-avukat ta’ RH adixxa lill-qorti tar-rinviju b’talba għal-liberazzjoni tal-klijent tiegħu billi kkontesta r-“raġunijiet plawżibbli li jippreżupponu” il-parteċipazzjoni ta’ dan fir-reat inkwistjoni.

26      Minn dan isegwi li ż-żamma ta’ RH f’detenzjoni provviżorja tiddependi mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-risposta ta’ din għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jista’ jkollha konsegwenza immedjata fuq id-destin tad-detenzjoni provviżorja tiegħu.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis-16 ta’ Jannar 2019, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

28      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

29      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza, li għandha l-konsegwenza li l-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, mingħajr il-possibbiltà li ssir talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li tiġi mistennija r-risposta ta’ din.

31      Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li ma jinkisirx id-dritt tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata għal eżami tat-talba tagħha dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja f’teminu raġonevoli, u bir-riskju għall-membri ta’ din il-qorti, jekk tinkiser din il-leġiżlazzjoni, li jesponu ruħhom għal sanzjonijiet dixxiplinari.

32      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-persuni akkużati li l-kawża tagħhom tinstema’ f’terminu raġonevoli ġie stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, f’dak li jikkonċerna l-proċedura ġuridika. Fil-qasam kriminali, dan id-dritt għandu jiġi rrispettat mhux biss matul din il-proċedura, iżda wkoll matul il-fażi tal-informazzjoni preliminari, mill-mument meta l-persuna kkonċernata tiġi akkużata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C-612/15, EU:C:2018:392, punti 70 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jekk domanda preliminari titqajjem f’kawża quddiem qorti nazzjonali li tirrigwarda persuna f’detenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fl-iqsar żmien.

34      F’dan ir-rigward il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, stabbilita mill-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi waħda mill-modalitajiet intiżi sabiex jimplimentaw id-dritt tal-persuni kollha li l-kawża tagħhom tinstema’ f’terminu raġonevoli.

35      Minn dan isegwi li proċeduri bħal dawk previsti fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma intiżi preċiżament sabiex dan id-dritt, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jiġi rrispettat.

36      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-possibbiltà li ssir talba għal deċiżjoni preliminari jew li tiġi mistennija r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jipprovdi b’mod partikolari, fit-tieni paragrafu tiegħu, li qorti nazzjonali tista’ tagħmlilha domandi preliminari, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

37      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu mill-evalwazzjoni tar-rilevanza u tan-neċessità ta’ dan ir-rinviju li tagħmel il-qorti nazzjonali (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley, C-430/15, EU:C:2017:74, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-fatt, il-qrati nazzjonali għandhom setgħa diskrezzjonali mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      B’mod iktar partikolari, il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din il-possibbiltà f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq. Fil-fatt, l-għażla tal-iktar mument opportun sabiex isiru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kompetenza li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi kkontestat bl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jippermettu lill-qorti adita b’appell li tirriforma d-deċiżjoni għal rinviju preliminari quddiem il-qorti tar-rinviju, li twarrab dan ir-rinviju u tordna lill-qorti li tkun tat l-imsemmija deċiżjoni tkompli bil-proċedura interna li kienet ġiet sospiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, punti 95 u 98).

41      Fir-rigward tal-ħtieġa, għall-qorti tar-rinviju, li tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari jew tal-possibbiltà, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddeċiedi dwar talba ta’ liberazzjoni mressqa matul il-perijodu ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu qabel xejn jiġi ppreċiżat li xejn ma jostakola lill-qorti tar-rinviju milli tillibera lill-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata, b’mod partikolari jekk il-provi għad-dispożizzjoni tagħha jxaqilbu f’dan is-sens.

42      Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 100(1) tar-Regoli tal-Proċedura li jistabbilixxi li qorti tar-rinviju żżomm il-possibbiltà li tirtira d-domanda preliminari tagħha sakemm id-data tal-għoti tas-sentenza tkun għadha ma ġietx innotifikata lill-partijiet.

43      F’dan il-kuntest, skont ġurisprudenza stabbilita, qorti nazzjonali adita bi kwistjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni, għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu miżuri provviżorji sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-effett utli tas-sistema stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE tiddgħajjef li kieku l-qorti nazzjonali, li tissospendi l-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ma setgħetx tieħu miżuri provviżorji sakemm tagħti d-deċiżjoni tagħha wara r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punti 21 u 22).

44      Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hi stess, fi kwalunkwe mument, tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-kompetenza tagħha għadhomx issodisfatti, kif jirriżulta mill-Artikolu 100(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

45      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-iskema tal-Artikolu 267 TFUE li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tassumi li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħhom hija mistennija li tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza għal d-deċiżjoni preliminari (digriet tal-5 ta’ Ġunju 2014, Antonio Gramsci Shipping et, C-350/13, EU:C:2014:1516, punt 10 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riskju ta’ sanzjonijiet dixxiplinari f’każ li jiġux obduti l-istruzzjonijiet vinkolanti tal-istanza superjuri invokat mill-qorti tar-rinviju, u fir-rigward tal-indipendenza ta’ din, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li jinkarna l-mekkaniżmu ta’ rinviju preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss minn istanza, responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tirrispondi, b’mod partikolari, għal dan il-kriterju ta’ indipendenza (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), imsejjħa “LM”, C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, l-istess bħall-inamovibbiltà tal-membri tal-istanza kkonċernata, jew id-dħul minn dawn ta’ livell ta’ remunerazzjoni skont l-importanza tal-karigi li jeżerċitaw, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimponi wkoll li s-sistema dixxiplinari ta’ dawk li għandhom l-obbligu li jiddeċiedu jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), imsejjħa “LM”, C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 64 u 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li ma jkunux esposti għal sanzjonijiet dixxiplinari għall-eżerċizzju ta’ possibbiltà, bħal dik li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew li tiġi mistennija r-risposta għal tali domanda qabel ma tingħata d-deċiżjoni fil-mertu tal-kawża li huma aditi biha, u li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom, jikkosititwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punti 17 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan isegwi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza, li għandha l-konsegwenza li l-qorti nazzjonali hija obbligata tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, mingħajr il-possibbiltà li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li tistenna r-risposta ta’ din.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343, moqri flimkien mal-premessa 16 ta’ din, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza jeħtieġu li, meta qorti kompetenti teżamina r-raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata wettqet ir-reat inkwistjoni, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, din il-qorti għanda tibbilanċja provi inkriminanti u skaġonanti ppreżentati quddiemha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha mhux biss billi turi l-provi milqugħa, iżda wkoll billi tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet tal-avukat tal-persuna kkonċernata.

50      Minkejja li l-qorti tar-rinviju taf bl-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev (C-310/18 PPU, EU:C:2018:732), peress li din tirreferi espressament għaliha, din il-qorti tikkunsidra li l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li tingħata risposta kompleta għad-domandi tagħha.

51      Għandu jitfakkar li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħal deċiżjoni ta’ żamma ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja meħuda minn awtorità ġudizzjarja, li huma bbażati fuq suspetti jew provi inkriminanti, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jkunux jippreżentaw lill-persuna detenuta bħala ħatja u li, min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tirregolax il-kundizzjonijiet li fihom id-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja jistgħu jiġu adottati.

52      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tinsab fil-kuntest l-iktar wiesa’ tal-kunċett ta’ “raġunijiet plawżibbli li jiġi preżunt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB, u jidher li tqum partikolarmnet mill-aħħar sentenza tal-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343, li tistabbilixxi li, “[q]abel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi”.

53      F’dan il-każ, il-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343 tikkorrispondi għall-Artikolu 4 tagħha, sa fejn tal-ewwel hija intiża li tispjega l-għanijiet tat-tieni b’mod li l-aħħar sentenza tal-premessa 16 għandha tinqara fid-dawl ta’ din il-premessa fl-intier tagħha u tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

54      F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”, u l-ewwel sar-raba’ sentenza tal-premessa 16 ta’ din id-direttiva jiffokaw fuq il-fatt li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, minbarra dawk li jiddeċiedu dwar ħtija, ma għandhomx jippreżentaw persuna ssuspettata jew persuna akkużata bħala li hija ħatja. It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 jippreċiża espressament fil-fatt li din id-dispożizzjoni hija “mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti”.

55      Minn naħa, għalkemm l-ewwel u t-tieni sentenza tal-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343 sempliċement ifakkru l-bżonn li titkompla l-preżunzjoni ta’ innoċenza fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, it-tielet u r-raba’ sentenza ta’ din il-premessa jtennu l-idea li l-kawtela fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi hija mingħajr effett fuq l-atti ta’ tħarrik jew id-deċiżjonijiet preliminari proċedurali b’mod partikolari dawk dwar id-detenzjoni provviżorja.

56      Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Oneru tal-prova”, jippreċiża espliċitament, fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li din id-dispożizzjoni testendi mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu prova “kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna”, u mingħajr preġudizzju għad-dritt tad-difiża li tippreżenta provi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

57      Għalhekk, jekk, wara eżami tal-provi inkriminanti kif ukoll skaġunanti, qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li jeżistu raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li persuna wettqet l-atti li hija akkużata bihom u tieħu deċiżjoni preliminari f’dan is-sens, dan ma jistax ikun ekwivalenti għall-preżentazzjoni tal-persuna ssuspettata jew akkużata bħala ħatja ta’ dawn il-fatt, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343.

58      Fil-fatt, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din id-dispożizzjoni testendi mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjrji, u r-raba’ sentenza tal-premessa 16 tal-imsemmija direttiva tinkludi, fost dawn id-deċiżjonijiet preliminari, dawk relatati mad-detenzjoni provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C-310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 44).

59      Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jitfakkar li d-Direttiva 2016/343 ma tistax tiġi interpretata, fid-dawl tan-natura minima tal-għan ta’ armonizzazzjoni li hija tfittex, li hija strument komplet u eżawrjenti li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, kemm jekk ikun każ tal-modalitajiet ta’ eżami tad-diversi provi jew tal-portata tal-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 47).

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-premessa 16 ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza ma jipprekludux li, meta qorti kompetenti teżamina r-raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata wettqet ir-reat inkwistjoni, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, din il-qorti tibbilanċja l-provi inkriminanti u skaġunanti prodotti quddiemha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha mhux biss billi turi l-provi milqugħa, iżda wkoll billi tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet tal-avukat tal-persuna kkonċernata, sakemm din id-deċiżjoni ma tippreżentax lill-persuna detenuta bħala ħatja.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 267 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza, li għandha l-konsegwenza li l-qorti nazzjonali hija obbligata tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, mingħajr il-possibbiltà li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li tistenna r-risposta ta’ din.

2)      L-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, moqrija flimkien mal-premessa 16 ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza ma jipprekludux li, meta qorti kompetenti teżamina r-raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata wettqet ir-reat inkwistjoni, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, din il-qorti tibbilanċja l-provi inkriminanti u skaġunanti prodotti quddiemha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha mhux biss billi turi l-provi milqugħa, iżda wkoll billi tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet tal-avukat tal-persuna kkonċernata, sakemm din id-deċiżjoni ma tippreżentax lill-persuna detenuta bħala ħatja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.