Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Marzu 2013 - Ir-Renju ta Spanja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-146/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentanti: E. Chamizo Llatas u S. Centeno Huerta, aġenti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara legalment ineżistenti r-Regolament (UE) Nru 1257/2012  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja u, sussidjarjament, tannullah fl-intier tiegħu.

sussidjarament, tiddikjara n-nullità:

tal-Artikolu 9(1) fl-intier tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 9(2) fit-termini indikati fil-ħames motiv ta' dan ir-rikors.

tal-Artikolu 18(2) fl-intier tiegħu, kif ukoll tar-riferimenti kollha li r-Regolament jagħmel għall-Qorti Unifikata tal-Privattivi bħala sistema ġudizzjarja tal-privattiva Ewropea b'effett unitarju (iktar 'il quddiem il-"PEEU") u bħala sors tad-dritt tal-PEEU.

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ksur tal-valuri tal-istat tad-dritt peress li ġie stabbilit regolament ibbażat fuq titlu maħruġ mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, li l-atti tiegħu ma humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

Ineżistenza ta' att tal-Unjoni u, sussidjarjament, nuqqas ta' bażi legali tar-Regolament peress li ma ġewx introdotti miżuri li jiggarantixxu l-protezzjoni uniformi prevista fl-Artikolu 118 TFUE.

Użu ħażin ta' poter peress li ntużat il-kooperazzjoni msaħħa għal finijiet differenti minn dawk previsti fit-Trattati.

Ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE u, sussidjarjament, ksur tal-ġurisprudenza Meroni peress li ġiet irregolata s-sistema ta' ffissar ta' taxxi annwali u ta' determinazzjoni tal-kwota ta' distribuzzjoni tagħhom.

Ksur tal-ġurisprudenza Meroni peress li ġew iddelegati lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi kompiti amministrattivi partikolari fir-rigward tal-privattiva Ewropea b'effett unitarju.

Ksur tal-prinċpji ta' awtonomija u ta' uniformità fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tas-sistema ta' dħul fis-seħħ tar-Regolament.

____________

1 - ĠU L 361, p. 1.