Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ April 2020 minn WV mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-29 ta’ Jannar 2020 fil-Kawża T-471/18, WV vs SEAE

(Kawża C-162/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: WV (rappreżentant: É. Boigelot, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tad-29 ta’ Jannar 2020 tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-471/18, sa fejn dan ċaħad ir-rikors għal annullament inizjali tal-appellant bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt, u kkundanna lill-appellant għall-ispejjeż;

tikkundanna lill-konvenut oriġinali għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; u

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant iqis li bid-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ produzzjoni libera tal-prova u l-kunċett ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti u, għaldaqstant, kisret ir-regoli relatati mal-oneru tal-prova, b’mod partikolari fir-rigward tal-provi u tal-indizji prodotti mill-appellant dwar l-allegat ksur tal-Artikoli 1e u 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-uniku aggravju invokat mill-appellant huwa wkoll ibbażat fuq ċaħda ta’ ġustizzja, diskriminazzjoni, żnaturament tal-fatti mid-digriet ikkontestat u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li wasslu għal motivazzjoni mhux eżatta fid-dritt.

____________