Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) fil-21 ta’ Ottubru 2019 – NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites A.E. – LDK Symvouloi Michanikoi A.E., NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites A.E., LDK Symvouloi Michanikoi A.E. vs Archi Exetasis Prodikastikon Prosfygon (AEPP), ATTIKO METRO A.E.

(Kawża C-771/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Symvoulio tis Epikrateias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites A.E. – LDK Symvouloi Michanikoi A.E., NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites A.E., LDK Symvouloi Michanikoi A.E.

Konvenuti: Archi Exetasis Prodikastikon Prosfygon (AEPP), ATTIKO METRO A.E.

Domandi preliminari

1)    a)    L-Artikoli 1(3), 2(1)(a) u (b) u 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE 1 [...] moqrija fid-dawl tas-sentenzi Fastweb (C-100/12), PFE (C-689/13), Archus u Gama (C-131/16) u Lombardi (C-333/18), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prassi ġudizzjarja nazzjonali li permezz tagħha, meta, b’deċiżjoni tal-awtorità kontraenti adottata mhux matul il-fażi finali tal-għoti tal-kuntratt, iżda fi stadju iktar bikri tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku (bħal fażi tal-verifika ta’ offerti tekniċi), offerent jiġi eskluż minn proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li parti kkonċernata oħra (kompetitur) tiġi madankollu ammessa, l-offerent eskluż iżomm – f’każ li t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni li huwa jkun ressaq tiġi miċħuda mill-qorti kompetenti billi din tkun immirata kontra l-esklużjoni tiegħu - l-interess ġuridiku tiegħu sabiex jinvoka kontra l-offerent l-ieħor, f’din l-istess talba, l-ilment uniku skont liema l-ammissjoni tiegħu tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet?

b)    Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 1(a), id-disposizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-offerent eskluż kif deskritt hawn fuq jista’, permezz ta’ din it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, iressaq kull ilment kontra l-parteċipazzjoni tal-kompetitur tiegħu fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku; fi kliem ieħor, jista’ jilmenta wkoll minn nuqqasijiet oħra, distinti, li jivvizzjaw l-offerta tal-kompetitur li ma għandhom l-ebda rabta man-nuqqasijiet li għalihom ġiet eskluża l-offerta tiegħu, sabiex tinkiseb sospensjoni tat-tkomplija tal-proċedura u tal-għoti tal-kuntratt pubbliku lill-kompetitur tiegħu f’deċiżjoni li għandha tiġi adottata fi stadju iktar tard tal-proċedura, sabiex jekk ir-rikors prinċipali (talba għal annullament) jiġi milqugħ sussegwentement, il-kompetitur tiegħu jiġi eskluż, li l-għoti tal-kuntratt jiġi kkanċellat u l-unika possibbiltà li jibqa’ se tkun li titnieda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha r-rikorrent eskluż ikun jista’ jipparteċipa?

2.    Il-fatt li l-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja provviżorja (u anki finali) jippreżupponi li jkun ġie preċedentement miċħud ilment mingħajr suċċess, quddiem entità nazzjonali ta’ reviżjoni indipendenti ta’ rikors prekontenzjuż, jaffettwa r-risposta għal domanda preċedenti, ukoll fir-rigward ta’ dak li ġie deċiż fid-dawl tas-sentenza Bietergemeinscaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich (C-355/15)?

3.    Il-konstatazzjoni li, fl-eventwalità fejn l-ilmenti tal-offerent eskluż invokati kontra l-parteċipazzjoni tal-kompetitur fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jintlaqgħu, (a) il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jkun impossibbli jew (b) ir-raġuni għall-esklużjoni tar-rikorrent tagħmilha impossibbli li dan tal-aħħar jipparteċipa fil-każ li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura, taffettwa r-risposta għall-ewwel domanda?

____________

1 Direttiva Tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315, rettifika fil-ĠU 2018, L 176, p. 23).