Language of document : ECLI:EU:C:2018:432

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

13 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(a) – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Provvista ta’ oġġetti magħmula bi ħlas – Trasferiment, minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ta’ proprjetà immobbli għall-benefiċċju ta’ azzjonist b’korrispettiv għax-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet tiegħu”

Fil-Kawża C‑421/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Szef Krajowej Administracji Skarbowej

vs

Polfarmex Spółka Akcyjna w Kutnie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Owsiany‑Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn Szef Krajowej Administracji Skarbowej(id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali Nazzjonali, il-Polonja) u Polfarmex Spółka Akcyjna w Kutnie (iktar ’il quddiem “Polfarmex”), dwar deċiżjoni tat-taxxa indirizzata lil din il-kumpannija mill-Minister Finansów (il-Ministru tal-Finanzi, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), li biha dan tal-aħħar ikkunsidra li tranżazzjoni li fil-kuntest tagħha Polfarmex beħsiebha tittrasferixxi proprjetajiet immobbli lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, proprjetarja ta’ azzjonijiet maħruġa minn Polfarmex, bi ħlas ta’ dawn tal-aħħar, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet awtorizzata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 7 u 35 tad-Direttiva dwar il-VAT jinqraw kif ġej:

“(7)      Is-sistema komuni ta’ VAT għandha twassal, anki jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet ma jkunux armonizzati b’mod sħiħ, għal newtralità fil-kompetizzjoni, b’mod li fit-territorju ta’ kull pajjiż merkanzija u servizzi simili jġorru l-istess piż ta’ taxxa, hu x’inhu t-tul tal-produzzjoni u l-katina tad-distribuzzjoni.

[…]

(35)      Għandha titfassal lista komuni ta’ eżenzjonijiet sabiex ir-riżorsi tal-Komunitajiet infushom ikunu jistgħu jinġabru b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.”

4        Din id-direttiva tistipula, fl-Artikolu 2(1) tagħha:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

5        L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

6        Skont l-Artikolu 12(1) u (2) tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli lil kull min iwettaq transazzjoni, fuq bażi okkażjonali, li jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajiet imsemmija fit–tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) u partikolarment waħda mit-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta’ bini jew parti minn bini u ta’ l-art li fuqha jinstab il-bini;

b)      il-provvista ta’ art għall-bini.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), ‘bini’ għandha tfisser kull struttura fissa ma’ jew fl-art.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fil-paragrafu 1(a) għal bdil ta’ bini u jistgħu jistabbilixxu t-tifsira ta’ ‘l-art li fuqha jinstab il-bini’.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw kriterji oħra barra dak ta’ l-ewwel okkupazzjoni, bħalma huwa l-perijodu ta’ żmien bejn id-data tat-tlestija tal-bini u d-data ta’ l-ewwel provvista, jew il-perijodu bejn id-data ta’ l-ewwel okkupazzjoni u d-data tal-provvista sussegwenti, sakemm dawk il-perijodi ma jaqbżux il-ħames snin u s-sentejn rispettivament.”

7        Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, jitqies “provvista ta’ merkanzija” it-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala proprjetarju.

8        L-Artikolu 135(1) ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu 3 ta’ din, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

f)      transazzjonijet, inkluż negozjar iżda mhux l-immaniġġjar jew iż-żamma fiż-żgur, f’ishma, interessi [ishma] f’kumpanniji jew assoċjazzjonijet, obbligazzjonijiet (debentures) u sigurtajiet oħrajn, iżda esklużi dokumenti li jistabbilixxu titolu għal merkanzija, u d-drittijiet jew sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 15(2);

[…]

j)      il-provvista ta’ bini jew partijiet minnu, u ta’ l-art li fuqha hija tinsab, ħlief il-provvista msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1);

[…]”

 Id-dritt Pollakk

 Il-liġi li timplimenta l-liġi dwar l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali

9        Konformement mal-Artikolu 206(1) tal-Przepisy wprowadzające ustawę o Krajowej Administracji Skarbowej (il-Liġi li timplimenta l-Liġi dwar l-Amministrazzjoni Fiskali Nazzjonali), kif emendata (Dz. U. de 2016, pożizzjoni 1948), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2017, fil-proċeduri ġudizzjarji marbuta ma’ talbiet għal deċiżjonijiet tat-taxxa li fihom il-Ministru kompetenti fil-qasam tal-finanzi pubbliċi huwa parti jew jista’ jkun parti abbażi ta’ dispożizzjonijiet preċedenti, id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali nazzjonali jassumi d-drittijiet u l-obbligi, b’riżerva għal dispożizzjonijiet kuntrarji.

 Il-Liġi dwar il-VAT

10      L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT ġie traspost fid-dritt Pollakk mill-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. no 54, pożizzjoni 535), kif emendata (Dz. U. de 2011, no 177, pożizzjoni 1054) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), li biha huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi, bi ħlas, fit-territorju nazzjonali.

11      L-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-VAT jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma japplikawx “għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ stabbiliment organizzat tal-impriża”.

12      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT hija trasposta fid-dritt Pollakk permezz tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar il-VAT, li jipprevedi li “il-provvista ta’ oġġetti, li hemm riferiment għaliha fil-punt 1 tal-Artikolu 5(1), tinkludi t-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi mill-oġġetti bħala proprjetarju”.

13      Skont l-Artikolu 15(1) sa (2) tal-Liġi dwar il-VAT:

“1.      Il-persuni ġuridiċi, l-organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika u l-persuni fiżiċi li jwettqu, fuq bażi indipendenti, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament mill-iskop u mir-riżultati ta’ din l-attività, huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli.

2.      Kwalunkwe attività ta’ produttur, kummerċjant jew persuna li tagħti servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u dawk tal--professjonijiet liberi, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. B’mod partikolari, attività ekonomika tfisser ukoll l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.”

 Il-Kodiċi tal-Kumpanniji Kummerċjali

14      L-Artikolu 359 tal-Kodeks spółek handlowych (il-Kodiċi tal-Kumpanniji Kummerċjali), tal-15 ta’ Settembru 2000, kif emendat (Dz. U. tal-2016, pożizzjoni Nru 1578, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kumpanniji Kummerċjali”), jipprevedi:

“1.      L-azzjonijiet jistgħu jiġu rtirati meta l-istatuti jipprevedu dan. L-azzjoni tista’ tiġi rtirata kemm bi ftehim mal-azzjonist permezz ta’ akkwist mill-kumpannija (irtirar volontarju), jew ukoll mingħajr il-ftehim tal-azzjonist (irtirar furzat). L-irtirar volontarju ma jistax iseħħ aktar minn darba kull sena finanzjarja. Huma l-istatuti li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-mod tal-irtirar furzat.

2.      L-irtirar ta’ azzjoni jirrikjedi riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali. Ir-riżoluzzjoni għandha tiddefinixxi b’mod partikolari l-bażi legali tal-irtirar, l-ammont tar-remunerazzjoni li jiġi għand l-azzjonist li l-azzjonijiet tiegħu ġew irtirati, jew ir-raġunijiet għall-irtirar tal-azzjonijiet mingħajr remunerazzjoni u l-mod tat-tnaqqis tal-kapital azzjonarju. L-irtirar furzat iseħħ bi skambju għal remunerazzjoni li ma tistax tkun inqas mill-valur tal-attiv nett li jikkorrispondi għal azzjoni, kif indikat fil-kont annwali tal-aħħar sena finanzjarja, nieqes l-ammont allokat għall-qsim bejn l-azzjonisti. […]”

15      L-Artikolu 360(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li l-irtirar ta’ azzjonijiet jirrikjedi tnaqqis tal-kapital azzjonarju. Ir-riżoluzzjoni tat-tnaqqis tal-kapital azzjonarju għandha tiġi adottata matul il-laqgħa ġenerali jew meta r-riżoluzzjoni dwar l-irtirar tal-azzjonijiet tkun ġiet adottata.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Polfarmex, kumpannija b’responsabbiltà limitata bis-sede tagħha f’Kutno (il-Polonja) teżerċita l-attività ekonomika tagħha fil-qasam tal-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi. Bħala tali, hija suġġetta għall-VAT.

17      Polfarmex ipprevediet li tirristruttura l-kapital azzjonarju tal-impriża billi tipproċedi b’xiri mill-ġdid ta’ parti mill-azzjonijiet miżmuma f’dan il-kapital minn kumpannija b’responsabbiltà limitata, skont wieħed mill-modalitajiet ta’ “irtirar” previsti fil-Kodiċi tal-Kumpanniji Kummerċjali, jiġifieri l-irtirar awtomatiku, obbligatorju jew volontarju. Il-kumpens li jkun dovut minħabba dan l-irtirar jikkonsisti fit-trasferiment, għall-benefiċċju ta’ din il-kumpannija b’responsabbiltà limitata l-oħra, tal-proprjetà ta’ ċerti artijiet kif ukoll ta’ binjiet li jinsabu hemmhekk u tat-tagħmir tagħhom.

18      F’din il-perspettiva, Polfarmex ressqet talba għal deċiżjoni tat-taxxa quddiem il-Ministru sabiex jiġi ddeterminat jekk l-irtirar tal-azzjonijiet miżmuma mill-kumpannija b’responsabbiltà limitata, minn naħa, u t-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli għall-benefiċċju ta’ din tal-aħħar, min-naħa l-oħra, ikunux suġġetti għall-VAT.

19      Fit-talba tagħha, Polfarmex issostni li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għall-VAT, sa fejn, billi tagħmel hekk, hija ma taġixxix fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħha, kemm jekk tkun fi stadju ta’ irtirar ta’ azzjonijiet jew dak ta’ trasferiment ta’ proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli. L-imsemmija kumpannija hija tal-opinjoni li dawn it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxu tranżazzjoni kumplessa unika, li tinkludi l-irtirar tal-azzjonijiet u l-ħlas magħmul għal dan il-għan u li teżisti relazzjoni kawżali bejn dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet, b’tali mod li jkun żbaljat li jiġu ttrattati separatament, għal skopijiet fiskali.

20      Fid-deċiżjoni tat-taxxa tiegħu, il-Ministru qies li t-trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli bħala korrispettiv tal-irtirar ta’ azzjonijiet għandha titqies bħala provvista ta’ oġġetti bi ħlas suġġetta għall-VAT, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar il-VAT. Skont il-Ministru, teżisti bejn il-partijiet fit-tranżazzjoni relazzjoni ta’ obbligu, Polfarmex timpenja ruħha li tittrasferixxi lill-kumpannija b’responsabbiltà limitata detentriċi ta’ azzjonijiet fil-kapital tagħha l-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli u l-azzjonijiet li huma s-suġġett tal-irtirar li jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ dan it-trasferiment. Fi kliem ieħor, peress li ser ikun hemm provvista ta’ oġġetti bi skambju ta’ korrispettiv, it-tranżazzjoni għandha tkun suġġetta għall-VAT.

21      Polfarmex ppreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni tat-taxxa quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ voïvodie ta’ Łódź, il-Polonja).

22      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Marzu 2015, din il-qorti annullat l-istess deċiżjoni tat-taxxa, billi qieset mhux biss li t-tranżazzjoni prevista minn Polfarmex ma hijiex tranżazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha, iżda wkoll li l-eżami dwar l-applikabbiltà tal-VAT għandha tkun dwar din it-tranżazzjoni kollha. Issa, f’dan il-każ, hemm tranżazzjoni waħda u unika ta’ natura kumplessa, ikkostitwita minn irtirar ta’ azzjonijiet flimkien ma’ trasferiment lil azzjonist ta’ korrispettiv ta’ natura ta’ skambju ta’ azzjonijiet irtirati. L-irtirar tal-azzjonijiet huwa għalhekk strettament marbut mat-trasferiment tal-proprjetà ta’ oġġetti bħala kumpens, peress li dawn iż-żewġ naħat tat-tranżazzjoni huma interdipendenti. Minn dan jirriżulta li t-trasferiment tal-proprjetajiet immobbli lill-azzjonist ma tkunx analizzata bħala tranżazzjoni awtonoma u distinta suġġetta għall-VAT, peress li, konformement mal-Liġi dwar il-VAT, l-irtirar tal-azzjonijiet ma huwiex suġġett għall-VAT.

23      Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni mill-Ministru quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja).

24      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti tindika li, skont il-ġurisprudenza tagħha fil-qasam ta’ kumpanniji b’ responsabbiltà limitata, it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, minn tali kumpannija, lil assoċjat b’korrispettiv tal-akkwist tal-ishma li jżomm f’din il-kumpannija, tikkostitwixxi tranżazzjoni taxxabbli, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar il-VAT. Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, minkejja x-xebh bejn l-irtirar tal-kapital azzjonarju u dak tal-azzjonijiet, l-issuġġettar għall-VAT tat-tranżazzjoni prevista fil-kawża quddiemha jqajjem dubji dwar il-kundizzjoni li wieħed jaġixxi bħala persuna taxxabbli u l-karattru oneruż tal-imsemmija tranżazzjoni sa fejn, wara l-irtirar tal-azzjonijiet, kumpannija b’responsabbiltà limitata, bħal ma hija Polfarmex, ma tirċievi ebda korrispettiv dirett, peress li l-azzjonijiet li jirrappreżentaw parti tal-kapital azzjonarju tagħha jitneħħew u l-imsemmi kapital azzjonarju jitnaqqas fuq bażi pro rata.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“It-trasferiment ta’ proprjetà immobbli minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata lil azzjonist bħala korrispettiv għall-fidi tal-ishma tiegħu, huwa suġġett għal taxxa fuq il-valur miżjud [l-oġġetti u s-servizzi] skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment, minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata lil wieħed mill-azzjonisti tagħha, tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli, li serviet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala korrispettiv għax-xiri mill-ġdid, mill-imsemmija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ irtirar ta’ azzjonijiet previst mill-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ azzjonijiet miżmuma fil-kapital azzjonarju tagħha minn dan l-azzjonist, tikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti bi ħlas suġġetta għal VAT.

27      Qabelxejn għandu jitfakkar li d-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għalhekk, skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, il-provvisti ta’ oġġetti magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, huma suġġetti għall-VAT.

29      Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT, jitqies bħala “persuna taxxabbli” kull min jeżerċita, indipendentement u fi kwalunkwe post, attività ekonomika, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ din l-attività. B’mod partikolari għandha tiġi meqjusa bħala “attività ekonomika” l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.

30      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jiddefinixxi “provvista ta’ merkanzija [oġġetti]” bħala t-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi minn oġġett tanġibbli bħala proprjetarju.

31      Minn dan isegwi li tranżazzjoni tista’, fil-prinċipju, tkun suġġetta għall-VAT biss jekk tinvolvi t-trasferiment, għal remunerazzjoni, ta’ dritt ta proprjetà li jappartjeni lil persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali fit-territorju ta’ Stat Membru.

32      Fir-rigward ta’ tranżazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li t-tranżazzjoni prevista bejn Polfarmex u l-azzjonarju tagħha timplika t-trasferiment ta’ dritt ta’ proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli u, it-tieni nett, li Polfarmex għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli.

33      It-tielet nett, il-kundizzjoni tal-post tal-provvista tal-oġġetti hija inkontestabbilment issodisfatta, peress li t-tranżazzjoni twettqet fit-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri fil-Polonja.

34      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tan-natura possibbilment oneruża tat-tranżazzjoni tat-trasferiment, minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli, b’korrispettiv ta’ xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet miżmuma minn dan l-azzjonist, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu previst mill-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li provvista ta’ oġġetti ssir “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, biss jekk ikun hemm bejn il-fornitur u x-xerrej relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-prezz irċevut mill-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-oġġett ipprovdut (sentenzi tas-27 ta’ April 1999, Kuwait Petroleum, C‑48/97, EU:C:1999:203, punt 26, u tal-21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail, C‑494/12, EU:C:2013:758, punt 32).

35      F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, diġà ddeċidiet li t-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetà immobbli, minn persuna suġġetta għall-VAT, favur it-Teżor ta’ Stat Membru jew awtorità lokali ta’ tali Stat, li jsir bi ħlas ta’ arretrati tat-taxxa, ma huwiex suġġett għall-VAT għar-raġuni li ma jikkostitwixxix, fir-rigward tan-natura unilaterali tal-ħlas ta’ dejn fiskali, provvista ta’ oġġetti magħmula bi ħlas (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C‑36/16, EU:C:2017:361, punti 35 u 36), għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li teżisti bejn il-fornitur tal-proprjetà immobbli u l-benefiċjarju ta’ dawn relazzjoni legali fil-kuntest ta’ liema Polfarmex tittrasferixxi l-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli lill-azzjonist tagħha bi skambju tal-azzjonijiet miżmuma minn dan tal-aħħar. Għalhekk, billi jittrasferixxu drittijiet ta’ proprjetà lil xulxin, iż-żewġ partijiet huma involuti fit-tranżazzjoni kemm bħala fornitur kif ukoll bħala xerrej.

36      Konsegwentement, dan huwa każ ta’ relazzjoni legali li abbażi tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, waħda minnhom tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-oħra, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

37      Fir-rigward, il-ħames nett, tal-kundizzjoni li wieħed jaġixxi bħala persuna taxxabbli fil-kuntest tat-tranżazzjoni prevista, għandu jiġi rrilevat li persuna taxxabbli, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT taġixxi, fil-prinċipju, f’din il-kwalità jekk tagħmel dan fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht, C‑291/92, EU:C:1995:304, punt 17).

38      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan għandu jinftiehem bħala li jkopri l-attivitajiet kollha ta’ produttur, ta’ negozjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi. L-analiżi ta’ dawn id-definizzjonijiet turi l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni kopert minn dan il-kunċett kif ukoll in-natura oġġettiva tiegħu, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha. Għalhekk, attività hija, bħala regola ġenerali, ikklassifikata bħala “ekonomika” meta tkun ta’ natura kontinwa u ssir bl-għoti ta’ remunerazzjoni lill-awtur tat-tranżazzjoni (digriet tal-20 ta’ Marzu 2014, Gmina Wrocław, C‑72/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:197, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn dan isegwi li l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jassenja kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Saudaçor, C‑174/14, EU:C:2015:733, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-amministrazzjoni fiskali, Polfarmex sostniet li ż-żewġ tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu tranżazzjoni kumplessa unika, li tinkludi l-irtirar tal-azzjonijiet u l-ħlas imwettaq għal dan, jiġifieri l-provvista ta’ oġġetti.

41      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tan-natura reċiproka tal-prestazzjonijiet bejn iż-żewġ kumpanniji u l-kwalità doppja ta’ kull parti fil-kuntest tar-relazzjoni legali tagħhom, bħala fornitur, minn naħa, u ta’ benefiċjarju, min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tranżazzjonijiet.

42      Fir-rigward tat-tranżazzjoni ta’ provvista tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jidher li dawn l-oġġetti, li l-proprjetà tagħhom ser tkun ittrasferita minn Polfarmex bħala korrispettiv tal-“irtirar” previst, huma beni assenjati għall-“attività ekonomika” ta’ din il-kumpannija, fis-sens wiesa’, kif stabbilit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, għandu jiġi kkunsidrat li tali tranżazzjoni hija suġġetta għall-VAT. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li dan it-trasferiment tal-proprjetà kien ikkawżat mill-ħlas ta’ dawn l-azzjonijiet u li din it-tranżazzjoni kienet tagħmel parti minn ristrutturazzjoni ta’ Polfarmex ma tistax twassal għall-konklużjoni li tali provvista ta’ proprjetajiet immobbli hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT.

43      Dan kollu jibqa’, madankollu, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Artikolu 135(1)(j) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi eżenzjoni mill-VAT għall-benefiċċju ta’ provvisti ta’ bini, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 12(1)(a) tiegħu, li jirreferi għall-provvista ta’ binja jew frazzjoni ta’ binja u l-art tagħha, imwettqa qabel l-ewwel okkupazzjoni tagħha. Fil-fatt, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel distinzjoni bejn in-natura antika u n-natura ġdida ta’ binja, bil-bejgħ ta’ proprjetà immobbli antika ma huwiex, fil-prinċipju, suġġett għall-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2012, J.J. Komen en Zonen Beheer Heerhugowaard, C‑326/11, EU:C:2012:461, punt 21 u tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection, C‑308/16, EU:C:2017:869, punt 30). Peress li d-domanda għal deċiżjoni preliminari ma hijiex rigward l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda informazzjoni fuq dan il-pjan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, skont il-każ, tiddetermina s-sistema applikabbli, f’dan ir-rigward, għall-proprjetajiet immobbli li huma s-suġġett tal-provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44      Fir-rigward tat-tranżazzjoni ta’ “irtirar” ta’ azzjonijiet, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sempliċi akkwist u s-sempliċi detenzjoni ta’ azzjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala “attivitajiet ekonomiċi” fis-sens tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, is-sempliċi teħid ta’ ishma finanzjarji f’impriżi oħra ma jikkostitwixxix sfruttament ta’ proprjetà li jħalli dħul fuq bażi kontinwa peress li d-dividend eventwali, il-frott ta’ din il-parteċipazzjoni, jirriżulta mis-sempliċi proprjetà tal-oġġetti u ma huwiex il-kontroparti ta’ ebda attività ekonomika fis-sens ta’ din id-direttiva (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C‑465/03, EU:C:2005:320, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għaldaqstant, jekk l-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet finanzjarji f’impriżi oħra ma jikkostitwixxix, fih innifsu, attività ekonomika fis-sens tal-imsemmija direttiva, l-istess għandu jingħad għat-tranżazzjonijiet li jikkonsistu fit-trasferiment ta’ parteċipazzjonijiet bħal dawn (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust, C‑155/94, EU:C:1996:243, punt 33).

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment, minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata lil wieħed mill-azzjonisti tagħha, tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli, li serviet,, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala korrispettiv għax-xiri mill-ġdid, mill-imsemmija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ irtirar ta’ azzjonijiet previst mill-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ azzjonijiet miżmuma fil-kapital azzjonarju tagħha minn dan l-azzjonist, tikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti bi ħlas suġġetta għal VAT sakemm l-imsemmija proprjetajiet immobbli huma allokati għall-attività ekonomika ta’ din l-istess kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment, minn kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, lil wieħed mill-azzjonisti tagħha, tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli, li serviet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala korrispettiv għax-xiri mill-ġdid, mill-imsemmija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ irtirar ta’ azzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ azzjonijiet miżmuma fil-kapital azzjonarju tagħha minn dan l-azzjonist, tikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti bi ħlas suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud sakemm l-imsemmija proprjetajiet immobbli huma allokati għall-attività ekonomika ta’ din l-istess kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.