Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 8 (ir-Repubblika Ċeka) fis-26 ta’ Frar 2020 – mBank S.A. vs PA

(Kawża C-98/20)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Obvodní soud pro Prahu 8

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: mBank S.A.

Konvenuta: PA

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ “domiċilju tal-konsumatur” konformement mal-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) 1 , fis-seħħ mill-10 ta’ Jannar 2015, għandu jinftiehem bħala d-domiċilju tal-konsumatur fid-data tal-preżentata tal-azzjoni, jew ukoll fid-data tal-ħolqien ta’ relazzjoni ta’ obbligu bejn il-konsumatur u l-parti kontraenti l-oħra (jiġifieri, pereżempju fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt), jiġifieri fil-każ fejn fid-data tal-preżentata tal-azzjoni d-domiċilju tal-konsumatur ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-pajjiż fejn il-parti kontraenti l-oħra jkollha l-attività professjonali jew kummerċjali tagħha, dan għandu wkoll jitqies li huwa kuntratt konkluż mal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1)(c) tal-imsemmi regolament?

Konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), fis-seħħ mill-10 ta’ Jannar 2015, konsumatur li jkollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi mħarrek fil-qorti tal-post li fih ġie eżegwit jew kellu jiġi eżegwit l-obbligu kuntrattwali (irrispettivament mill-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 26(2) ta’ dan ir-regolament), għar-raġuni li l-parti kontraenti l-oħra ma għandhiex l-attività professjonali jew kummerċjali tagħha fil-pajjiż li fih il-konsumatur ikollu d-domiċilju tiegħu fid-data tal-preżentata tal-azzjoni?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1.