Language of document :

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tat-13 ta' Settembru 2011 - AA vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-101/09) 1

(Servizz pubbliku - Ħatra - Membri tal-persunal temporanju maħtura uffiċjali - Klassifikazzjoni fi grad - Eżekuzzjoni ta' res judicata - Telf ta' possibbiltà)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: AA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: inizjalment K. Van Maldegem u C. Mereu, avukati, sussegwentement K. Van Maldegem, C. Mereu u M. Velardo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Berardis-Kayser u J. Baquero Cruz, aġenti)

Suġġett

Talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni li tikklassifika lir-rikorrenti fil-grad AD6, skala 2 u li l-konvenuta tiġi kkundannata tħallas kumpens għad-dannu kkawżat lir-rikorrent.

Dispożittiv

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrent, minħabba dannu materjali li ġie kkawżat qabel ma ngħatat is-sentenza preżenti, somma ekwiparabbli għad-differenza bejn, minn naħa, ir-remunerazzjoni mingħajr kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali u taxxi li kienet tkun tiegħu kieku ġie rreklutat bħala uffiċjal fil-grad intermedjarju A*6 fl-1 ta' Awwissu 2004 u li, konsegwentement, il-karriera tiegħu żvolġiet skont il-progress ta' skala previst mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u skont it-tul medju li uffiċjal għamel f'kull grad, kif jirriżulta mill-Anness I(b) tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni mingħajr kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali u taxxi li r-rikorrent irċieva bejn l-1 ta' Awwissu 2004 u d-data ta' meta ngħatat is-sentenza preżenti, għall-ewwel fil-kwalità tiegħu ta' uffiċjal nazzjonali, sussegwentement, b'effett mill-15 ta' Marzu 2009, fil-kwalità tiegħu ta' uffiċjal tal-Unjoni Ewropea, differenza li fir-rigward tagħha għandu jiġi applikat koeffiċjent ta' 0.8.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 120 000 bħala dannu materjali li ġie kkawżat wara li ngħatat is-sentenza preżenti.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrent l-ammont ta' somom li l-ħlas tagħhom diġà skada u li huma dovuti bl-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti, flimkien ma' interessi moratorji, ikkalkolati b'effett mid-dati li fihom l-imsemmija somom kienu rispettivament dovuti, u fil-każ li dawn id-dati jippreċedu l-15 ta' Marzu 2009, b'effett minn din id-data. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati, sad-data tal-ħlas effettiv, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid u applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b' żewġ punti.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrent l-ammont ta' EUR 2 000 bħala kumpens għal dannu morali.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrent.

Ir-rikorrent għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu.

____________

1 - ĠU C 63, 13.03.10, p. 52.