Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Diċembru 2019 – CF, DN vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-901/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CF, DN

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

L-Artikolu 15(c) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 jipprekludu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li ma jistax ikun hemm theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza nondiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat (fis-sens li persuna ċivili taffaċċja, unikament minħabba l-preżenza tagħha fit-territorju kkonċernat, minn riskju veru li ġġarrab tali theddid), fil-każijiet fejn din il-persuna ċivili ma tkunx ikkonċernata speċifikament minħabba ċirkustanzi inerenti għas-sitwazzjoni personali tagħha, ħlief jekk ikun ġie kkonstatat li numru minimu ta’ vittmi ċivili (mejta jew midrubin) kien diġà ġie stabbilit?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk theddid f’dan is-sens iseħħx għandha tkun ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, liema rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni japplikaw għal din l-evalwazzjoni?

____________

1 ĠU 2011, L 337, p. 9