Language of document : ECLI:EU:F:2011:196

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2011

Kawża F‑9/11

Verónica Sabbag Afota

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Promozzjoni — Proċedura ta’ Promozzjoni 2010 — Nuqqas ta’ rapport ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih Sabbag Afota, uffiċjal tal-Kunsill, titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha stabbilit għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kunsill li ma tippromwovihiex taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2010.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kunsill.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Effett — Riferiment lill-qorti tal-att ikkontestat — Eċċezzjoni — Deċiżjoni li ma għandhiex natura konfermatorja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni — Fajl individwali mhux komplut — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kriterji — Merti — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati u tal-kompetenzi lingwistiċi — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

6.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Kundizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2), 45 u 90(2))

1.      Mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti jirriżulta li r-rikors ta’ persuna intiż mir-Regolamenti, kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra jew kontra n-nuqqas ta’ din l-awtorità li tieħu miżura preskritta mir-Regolamenti jkun ammissibbli biss jekk, għall-inqas b’mod parzjali, il-persuna kkonċernata kellha diġà lment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra li jkun ġie miċħud b’mod espliċitu jew impliċitu.

L-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċitu jew impliċitu, għaldaqstant jagħmlu parti integrali ta’ proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni minn qabel għar-riferiment lill-qorti. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors, anki jekk formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu bħala effett li jirreferi lill-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu l-ilment ġie ppreżentat, ħlief fl-ipoteżi fejn iċ-ċaħda tal-ilment għandha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu ġie ffurmat l-ilment. Fil-fatt, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment, tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew ukoll tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi dan tal-aħħar.

(ara l-punti 24 u 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, punt 9; 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punti 7 u 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑338/00 u T-376/00, punt 35, 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, punt 31; 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑389/02, punt 49; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, punti 63 sa 66, 25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il‑Kummissjoni, T‑281/04, punt 26

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 50 sa 59 u 64, 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 32

2.      Ir-rapport tal-evalwazzjoni jikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni indispensabbli kull darba li l-karriera ta’ uffiċjal tittieħed inkunsiderazzjoni bl-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-promozzjoni tiegħu.

Minn dan isegwi li proċedura ta’ promozzjoni hija vvizzjata b’irregolarità meta l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx tista’ twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati minħabba li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-karriera ta’ wieħed jew uħud minnhom ikun ġie redatt mill-amministrazzjoni b’dewmien sostanzjali.

Tali irregolarità, madankollu, ma tagħtix lok għal sanzjoni fiċ-ċirkustanzi fejn in-nuqqas tar-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi kkumpensat permezz tal-eżistenza ta’ informazzjoni oħra fuq il-merti tal-uffiċjal. Barra minn hekk, ma huwiex biżżejjed, sabiex jiġu annullati l-promozzjonijiet, li l-fajl ta’ kandidat ikun irregolari u mhux komplut, għandu xorta jkun stabbilit li din iċ-ċirkustanza seta’ jkollha effett deċiżiv fuq il-proċedura tal-promozzjoni.

(ara l-punti 42 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Diċembru 1980, Gratreau vs Il‑Kummissjoni, 156/79 u 51/80, punti 22 u 24

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Settembru 1996, Allo vs Il‑Kummissjoni, T‑386/94, punt 38; Morello vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata, 8 ta’ Marzu 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑289/04, punt 62

3.      Taħt l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tingħata promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami komparattiv il-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, b’mod partikolari, ir-rapporti li l-uffiċjali huma s-suġġett tagħhom, l-użu fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom tal-lingwi barra mil-lingwa li tagħha huma ġġustifikati li għandhom konoxxenza wiesgħa u, jekk ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati. Huwa fid-dawl ta’ dawn it-tliet elementi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha twettaq l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi. L-imsemmija Awtorità tal-Ħatra tista’, sussidjarjament, fil-każ ta’ parità fil-merti bejn l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi fuq il-bażi tat-tliet elementi msemmija espliċitament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tieħu elementi oħra inkunsiderazzjoni, bħalma huma l-età tal-kandidati u l-anzjanità fil-grad jew fis-servizz tagħhom.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta f’dan is-sens lill-Awtorità tal-Ħatra hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u inkonformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli.

(ara l-punti 53, 55 u 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Novembru 2007, Hinderyckx vs Il‑Kunsill, F‑57/06, punt 45; 5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑53/08, punt 50

4.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-proċeduri u tal-mezzi li l-amministrazzjoni tista’ tuża fl-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fil-limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u ma użatx l-awtorità tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għalhekk, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati flok dik magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punt 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Casini vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Fir-rigward tal-kriterju tal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, dan il-livell ma jistax jiġi stabbilit qabel kollox permezz tal-importanza tal-kompiti tal-ġestjoni eżerċitati, billi uffiċjal jista’ jassumi livell ta’ responsabbiltajiet għolja mingħajr ma jissorvelja diversi subordinati u, bil-maqlub, uffiċjal jista’ jissorvelja diversi subordinati mingħajr ma jeżerċita responsabbiltajiet partikolarment għoljin.

Bl-istess mod, fir-rigward tal-kriterju tal-kompetenzi lingwistiċi, jekk uffiċjal jenfasizza li jaf diversi lingwi tax-xogħol, ma jibqa’ xejn ħlief, kif jirriżulta mit-test tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-użu tal-lingwi, mhux il-konoxxenza tagħhom, li għandu jittieħed kont tiegħu għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti.

(ara l-punti 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kunsill vs Stols, T‑175/09 P, punt 48

6.      Jekk l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li timmotiva d-deċiżjonijiet tal-promozzjoni fir-rigward tal-uffiċjali mhux promossi, hija tkun, min-naħa l-oħra, obbligata li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment ta’ uffiċjal mhux promoss kontra d-deċiżjoni tan-nuqqas ta’ promozzjoni li jikkonċernah, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda hija suppost li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li l-ilment kien intiż kontriha. Barra minn hekk, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-elementi sostanzjali tal-argumenti li l-istituzzjoni twieġeb għalihom.

F’dan ir-rigward, sakemm l-ewwel motivazzjoni ġiet ipprovduta mill-Awtorità tal-Ħatra, jistgħu jiġu prodotti iktar dettalji fil-mori tal-kawża.

(ara l-punti 62, 63 u 65)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, punt 42; 4 ta’ Lulju 2007, Lopparelli vs Il‑Kummissjoni, T‑502/04, punt 77

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Hinderyckx vs Il‑Kunsill, iċċitata, punt 32