Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2018 minn Furukawa Electric Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-444/14: Furukawa Electric vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-589/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Furukawa Electric Co. Ltd (rappreżentanti: C. Pouncey, A. Luke, Solicitors)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Viscas Corp.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza fil-kawża T-444/2014, Furukawa Electric vs Il-Kummissjoni, sa fejn ċaħdet: (i) l-ewwel parti tal-ħames motiv ta’ Furukawa; u (ii) it-tielet parti tat-tielet motiv ta’ Furukawa; fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Furukawa u l-kundanna ta’ Furukawa għall-ispejjeż;

tannulla l-Artikolu 2(n) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali1 sa fejn tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Furukawa għal EUR 8 858 000;

tistabbilixxi l-multa imposta fuq Furukawa fl-Artikolu 2(n) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għal EUR 4 844 000;

fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza fil-Kawża T-422/2014, Viscas vs Il-Kummissjoni, u tnaqqas il-multa imposta fuq Viscas taħt l-Artikolu 2(p) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali, tagħti lil Furukawa tnaqqis ekwivalenti fuq l-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli in solidum taħt il-punt 291 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-444/2014; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ Furukawa f’din il-proċedura u fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tissottometti li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata għal dawn ir-raġunijiet:

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Punt 18 tal-Linji Gwida dwar il-multi2 billi qieset li l-Kummissjoni Ewropea kienet intitolata tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiddetermina l-valur tal-bejgħ rilevanti tal-appellanti għall-perijodu 18 ta’ Frar 1999 – 30 ta’ Settembru 2001, bejgħ magħmul minn Fujikura Ltd. Peress li ma kien hemm ebda rabtiet strutturali, organizzattivi jew ġuridiċi bejn dik l-entità u l-appellanti f’dan il-perijodu. L-appellanti u Fujikura Ltd. ma ffurmawx impriża waħda matul dan il-perijodu ta’ żmien u għaldaqstant ma kienx legalment korrett li jittieħed dan il-bejgħ inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-bejgħ tal-appellanti. L-inklużjoni ta’ dan il-bejgħ kiser il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u wassal għal żieda fl-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti ta’ iktar minn EUR 200 000.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi applikat ħażin ir-regoli dwar trattament ugwali meta qieset li l-Kummissjoni kienet intitolata tapplika l-Punt 18 tal-Linji Gwida dwar il-Multi lid-destinatarji kollha tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kejbils tal-Elettriku, minkejja s-sitwazzjonijiet fundamentalment differenti tal-partijiet. Il-produtturi Ewropej ipparteċipaw f’kartell dinji ta’ qsim kif ukoll f’kartell Ewropew, filwaqt li l-produtturi Ġappuniżi u Koreani (inkluża l-appellanti) ipparteċipaw f’kartell dinji ta’ qsim biss. Fid-dawl tal-ksur ta’ trattament ugwali li jirriżulta minn applikazzjoni għal kulħadd tal-Punt 18 tal-Linji Gwida dwar il-Multi lid-destinatarji kollha li ppremjat lill-produtturi Ewropej bi tnaqqis għall-valur tal-bejgħ rispettiv tagħhom (u għaldaqstant tal-multi tagħhom) ta’ 44 %, u wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-580/12 P, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrimedja l-ksur billi tagħti tnaqqis fuq il-multa imposta fuq l-appellanti ta’ 44 %.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39610 — Kejbils tal-Elettriku) (notifikat bid-dokument C(2014) 2139 finali) (ĠU 2014, C 319, p. 10)

2 Linji Gwida fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli) (ĠU 2006, C 210, p. 2)