Language of document : ECLI:EU:F:2014:55

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

30 ta’ April 2014

Kawża F‑28/13

José Manuel López Cejudo

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Allowance ta’ kuljum – Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Ammonti miżmuma mir-remunerazzjoni – Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal – Intenzjoni deliberata li l-amministrazzjoni titwassal biex twettaq żball – Terminu raġonevoli”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu J.M. López Cejudo jitlob, prinċipalment, l-annullament tan-nota tas-6 ta’ Lulju 2012 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) informat lir-rikorrent rigward id-deċiżjoni tagħha li tirkupra l-allowances ta’ kuljum, flimkien mal-interessi, li dan tal-aħħar kien irċieva fl-1997 u fl-1998 kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2012 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra, fir-rigward ta’ dawn l-allowances, ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrent (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. J.M. López Cejudo għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25(2))

2.      Uffiċjali – Rimbors ta’ spejjeż – Allowance ta’ kuljum – Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 20 u 71; Anness VII, Artikolu 10(2))

3.      Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Irregolarità evidenti tal-ħlas – Għarfien mill-persuna kkonċernata – Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85; Anness VII, Artikolu 10)

4.      Uffiċjali – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Terminu ta’ preskrizzjoni – Uffiċjal li kellu intenzjoni deliberata li l-amministrazzjoni titwassal biex twettaq żball – Nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-imsemmi terminu fuq l-amministrazzjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ premura – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11, 71 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 85)

1.      Ir-rekwiżit imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u li jinsab ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu l-għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala regola ġenerali, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Meta l-Awtorità tal-Ħatra tkun ipprovdiet motivazzjoni adegwata fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u din id-deċiżjoni tikkonferma n-nota li permezz tagħha din l-istess awtorità informat lir-rikorrent dwar id-deċiżjoni tal-irkupru tal-allowances ta’ kuljum, il-legalità tal-att inizjali li jikkawżalu preġudizzju għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tissemma’ fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li din il-motivazzjoni hija kkunsidrata li hija l-istess bħal ta’ dan l-att. Deċiżjoni hija suffiċjentement motivata meta l-att li huwa s-suġġett tar-rikors isir f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, bħal dak li jirriżulta mid-diversi seduti tar-rikorrent quddiem l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, u li jippermettilu li jifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tiegħu. Dan huwa partikolarment minnu meta n-natura elaborata tal-ilment tar-rikorrent tiżvela l-fatt li fehem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, permezz tan-nota tagħha, li tieħu passi għall-irkupru tal-allowances ta’ kuljum ikkontestati.

(ara l-punti 34 u 36 sa 38)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, punt 22; 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il-Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, punt 26; 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, punt 50

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Frar 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑118/11 R, punt 73; 19 ta’ Marzu 2013, Infante Garcia-Consuegra vs Il-Kummissjoni, F‑10/12, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata; 11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, punti 138 sa 140

2       Meta l-uffiċjal huwa obbligat li jbiddel ir-residenza tiegħu sabiex jissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance ta’ kuljum hija intiża essenzjalment li tikkumpensa l-ispejjeż u l-inkonvenjenza li tinħoloq minħabba n-neċessità li jsir ċaqliq u installazzjoni provviżorja fil-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-għoti tal-allowances ta’ kuljum huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, għal kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun biddlet ir-residenza tagħha sabiex tissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, għal kundizzjoni li l-allowance għandha tkopri spejjeż jew inkonvenjenzi li nħolqu minħabba fin-neċessità li jsir iċ-ċaqliq jew l-installazzjoni provviżorja fil-post ta’ assenjazzjoni. Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-allowance ta’ kuljum ma tistax, b’mod partikolari, tingħata lil uffiċjal li ma jipproduċix prova li għamel tali spejjeż jew kellu tali inkonvenjenzi. Għalkemm id-dritt għall-allowance ta’ kuljum ċertament jibda japplika minn qabel ma l-persuna kkonċernata tkun ċaqalqet ir-residenza tagħha għall-post il-ġdid ta’ assenjazzjoni, madankollu, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 10(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, fl-ebda każ din l-allowance ma għandha tingħata wara d-data li fiha l-uffiċjal jiċċaqlaq sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, id-data taċ-ċaqliq tikkostitwixxi d-data tal-iskadenza li awtomatikament twaqqaf l-għoti tal-allowance ta’ kuljum. Madankollu, din ir-raġuni ta’ dekadenza tad-dritt għal din l-allowance ma tbiddilx il-fatt li, sabiex tibbenefika mill-imsemmija allowance, il-persuna kkonċernata għandha tissodisfa, minn tal-inqas, iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 43, 44, 46 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Frar 1987, Mouzourakis vs Il-Parlament, 280/85, punt 9

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1992, Benzler vs Il-Kummissjoni, T‑63/91, punt 20

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Diċembru 2008, Baniel-Kubinova et vs Il-Parlament, F‑131/07, punti 17 sa 24; Infante Garcia-Consuegra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.

3       Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex somma li ngħatat indebitament tiġi rkuprata, huwa neċessarju li tiġi prodotta prova li l-benefiċjarju kien jaf li ma kien hemm l-ebda raġuni dovuta għall-pagament jew li l-fatt tal-ħlas żejjed kien tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jindunax bih. F’dan ir-rigward, kull uffiċjal diliġenti huwa obbligat li jkollu għarfien tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, fid-dawl tal-grupp ta’ funzjoni li jagħmel parti minnu l-uffiċjal ikkonċernat, tal-grad għoli tiegħu, tal-anzjanità għolja tiegħu u tal-esperjenza sostanzjali tiegħu, kemm fi kwistjonijiet ta’ baġit kif ukoll fi kwistjonijiet ta’ bdil fil-post ta’ assenjazzjoni, huwa ma jistax jargumenta b’mod raġonevoli li tali leġiżlazzjoni dwar l-allowance ta’ kuljum kienet kumplessa għalih u li ma setax jagħmel il-verifiki neċessarji.

(ara l-punti 61 sa 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Ottubru 1979, Berghmans vs Il-Kummissjoni, 142/78, punt 9

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑34/96 u T‑163/96, punt 168; 15 ta’ Lulju 2004, Gouvras vs Il-Kummissjoni, T‑180/02 u T‑113/03, punt 111; 16 ta’ Mejju 2007, F vs Il-Kummissjoni, T‑324/04, punti 144 u 145 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il-Kummissjoni, F‑18/08, punt 29; 12 ta’ Marzu 2014, CR vs Il-Parlament, F‑128/12, punt 45

4       B’mod ġenerali, l-għan imfittex mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest speċifiku tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħhom, jiġifieri persuni li huma marbuta ma’ dawn l-istituzzjonijiet permezz ta’ obbligu ta’ lealtà speċifika, kif inhu speċifikat formalment fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal issemmi s-sitwazzjoni fejn il-membru tal-persunal, sabiex jikseb ammont indebitu, deliberatament jagħti informazzjoni ħażina lill-Awtorità tal-Ħatra li twassalha sabiex twettaq żball, b’mod partikolari jew billi jħalli barra l-informazzjoni kollha dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu, jew inkella billi jonqos milli jgħarrafha bil-bidliet intervenjenti fis-sitwazzjoni personali tiegħu, jew inkella billi jieħu azzjonijiet sabiex jagħmlu iktar diffiċli għall-Awtorità tal-Ħatra biex tinduna bin-natura indebita tal-ħlas li huwa rċieva inkluż billi jipprovdi informazzjoni żbaljata jew mhux eżatta.

Issa, l-allowance ta’ kuljum hija benefiċċju ta’ natura ripetittiva li tingħata fuq perijodu ta’ żmien. Konsegwentement, il-persuna kkonċernata għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-għoti tagħha mhux biss waqt it-talba inizjali, iżda wkoll matul il-perijodu kollu kopert minn tali allowances. Għalhekk, hija obbligata, b’mod partikolari skont l-obbligu ta’ lealtà tagħha, li tinforma lill-amministrazzjoni tagħha dwar kull tibdil li jista’ jaffettwa d-dritt tagħha għall-benefiċċju inkwistjoni. Barra minn hekk, jekk ikollu dubju dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet tal-allowances ta’ kuljum, l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jikkuntattja lill-amministrazzjoni tiegħu u jippreżentalha l-interpretazzjoni awtonoma tiegħu tal-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiżgura l-ħlas tal-allowances essenzjali previsti skont l-Artikolu 71 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument li jgħid li, essenzjalment, l-amministrazzjoni għandha, sabiex tkun tista’ tinvoka t-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, tkun tista’ tistabbilixxi, f’terminu ta’ ħames snin minn meta tkun saret l-irregolarità, li hija kienet deliberatament ingħatat informazzjoni ħażina mill-uffiċjal ikkonċernat u li, fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-preskrizzjoni għandha titqies li għaddiet. Fil-fatt, tali argument jinterpreta, b’mod żbaljat, il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u, li kieku jintlaqa’, iċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effettività kollha tagħha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-intenzjoni tiegħu li jwassal lill-Awtorità tal-Ħatra biex twettaq żball, ir-rikorrent ma jistax jikkritikaha talli naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ premura meta fil-fatt huwa l-uffiċjal stess li naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ lealtà kif issa huwa formalment imfakkar fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 66, 67, 69, 78, 79 u 103)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Settembru 2005, Thommes vs Il-Kummissjoni, T‑195/03, punt 126

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: CR vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61