Language of document : ECLI:EU:C:2011:631

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2011 (*)

Werrej


I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-dritt internazzjonali

B –  Id-dritt tal-Unjoni

1.  Id-direttivi fil-qasam tax-xandir

2.  Id-direttivi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali

C –  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

II –  Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A –  Il-konċessjoni taħt liċenzja tad-drittijiet ta’ xandir ta’ logħob tal-“Premier League”

B –  Ix-xandir tal-logħob tal-“Premier League”

III –  Fuq id-domandi preliminari

A –  Fuq ir-regoli marbuta mar-riċezzjoni ta’ trażmissjonijiet ikkowdjati li joriġinaw minn Stati Membri oħra

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Id-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali

a)  Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali (l-ewwel domanda fil-Kawża C-403/08, kif ukoll l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C-429/08)

b)  Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali (it-tielet domanda fil-Kawża C-429/08)

c)  Fuq id-domandi l-oħra li jirrigwardaw d-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali

3.  Ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi

a)  Fuq il-projbizzjoni tal-importazzjoni, tal-bejgħ u tal-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin [id-domanda 8(b) u l-ewwel parti tad-disa’ domanda fil-Kawża C-403/08, kif ukoll id-domanda 6(i) fil-Kawża C-429/08]

i)  Fuq l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli

ii)  Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertŕ li jiġu pprovduti servizzi

iii)  Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz ta’ għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

–  Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

–  Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

iv)  Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz tal-għan li tiġi inkoraġġita l-preżenza tal-pubbliku fl-istejdjums tal-futbol

b)  Fuq l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin wara l-indikazzjoni ta’ identitŕ falza u ta’ indirizz falz u fuq l-użu ta’ dawn l-apparati għal finijiet kummerċjali [id-domanda 8(c) fil-Kawża C-403/08 u d-domanda 6(ii) u (iii) fil-Kawża C-429/08]

c)  Fuq id-domandi l-oħra dwar il-moviment liberu (it-tieni parti tad-disa’ domanda fil-Kawża C-403/08 u s-seba’ domanda fil-Kawża C-429/08)

4.  Ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni

B –  Fuq ir-regoli marbuta mal-użu tat-trażmissjonijiet wara r-riċezzjoni tagħhom

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (ir-raba’ domanda fil-Kawża C-403/08)

3.  Fuq l-eċċezzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (il-ħames domanda fil-Kawża C-403/08)

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur

4.  Fuq il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (is-sitt domanda fil-Kawża C-403/08)

5.  Fuq l-effett tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita (is-seba’ domanda fil-Kawża C-403/08)

IV –  Fuq l-ispejjeż


“Xandir bis-satellita – Xandir ta’ logħob tal-futbol – Riċezzjoni tax-xandira permezz ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita – Kards ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita imqiegħda legalment fis-suq ta’ Stat Membru u użati fi Stat Membru ieħor – Projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu fi Stat Membru – Viżwalizzazzjoni ta’ xandiriet bi ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija – Drittijiet tal-awtur – Dritt ta’ xandir televiżiv – Liċenzji esklużivi għax-xandir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Protezzjoni ta’ servizzi b’aċċess kundizzjonali – Apparat illeċitu – Direttiva 98/84/KE – Direttiva 2001/29/KE – Riproduzzjoni ta’ xogħlijiet fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni – Eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni – Komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet fil-kafetteriji-ristoranti – Direttiva 93/83/KEE”

Fil-Kawżi magħquda C‑403/08 u C‑429/08,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), u mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), b’deċiżjonijiet tal-11 u tat-28 ta’ Lulju 2008, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 u fid-29 ta’ Settembru 2008 rispettivament, fil-proċeduri

Football Association Premier League Ltd,

NetMed Hellas SA,

Multichoice Hellas SA

vs

QC Leisure,

David Richardson,

AV Station plc,

Malcolm Chamberlain,

Michael Madden,

SR Leisure Ltd,

Philip George Charles Houghton,

Derek Owen (C-403/08)

u

Karen Murphy

vs

Media Protection Services Ltd (C-429/08)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Football Association Premier League Ltd, NetMed Hellas SA u Multichoice Hellas SA, minn J. Mellor, QC, N. Green, QC, C. May, A. Robertson, barristers, S. Levine, M. Pullen u R. Hoy, solicitors,

–        għal QC Leisure, D. Richardson, AV Station plc, M. Chamberlain u M. Madden, SR Leisure Ltd, P. G. C. Houghton u D. Owen, minn M. Howe, QC, A. Norris, S. Vousden, T. St Quentin kif ukoll minn M. Demetriou, barristers, P. Dixon u P. Sutton, solicitors,

–        għal K. Murphy, minn M. Howe, QC, W. Hunter, QC, M. Demetriou, barrister, u P. Dixon, solicitor,

–        għal Media Protection Services Ltd, minn J. Mellor, QC, N. Green, QC, H. Davies, QC, C. May kif ukoll minn A. Robertson u P. Cadman, barristers,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson u S. Hathaway, bħala aġenti, assistiti minn J. Stratford, QC,

–        għall-Gvern Ċek, minn K. Havlíčková, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Parlament Ewropew, minn J. Rodrigues u L. Visaggio, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Florindo Gijón u G. Kimberley, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn X. Lewis, H. Krämer, I. V. Rogalski, J. Bourke u J. Samnadda, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità tas-sorveljanza EFTA, minn O. J. Einarsson u M. Schneider, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni

–        tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 147, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali”),

–        tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita”),

–        tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘televiżjoni mingħajr fruntieri’”),

–        tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur”),

–        kif ukoll tal-Artikoli 34 TFUE, 36 TFUE, 56 TFUE u 101 TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kwistjonijiet bejn, minn naħa, Football Association Premier League Ltd. (iktar ’il quddiem “FAPL”), NetMed Hellas SA (iktar ’il quddiem “NetMed Hellas”) u Multichoice Hellas SA (iktar ’il quddiem “Multichoice Hellas”) (iktar ’il quddiem, flimkien, “FAPL et”) u, min-naħa l-oħra, QC Leisure, D. Richardson, AV Station plc (iktar ’il quddiem “AV Station”), M. Chamberlain u M. Madden, SR Leisure Ltd, P. G. C. Houghton u D. Owen (iktar ’il quddiem, flimkien, “QC Leisure et”) (fil-Kawża C-403/08), kif ukoll bejn, minn naħa, K. Murphy u, min-naħa l-oħra, Media Protection Services Ltd. (iktar ’il quddiem “MPS”) (fil-Kawża C-429/08), fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni u l-użu, fir-Renju Unit, ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni li jagħtu aċċess għas-servizzi ta’ xandir bis-satellita minn organizzazzjoni tax-xandir, immanifatturati u kkummerċjalizzati bl-awtorizzazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni, iżda huma użati, kontra r-rieda ta’ din tal-aħħar, barra miż-żona ġeografika li għaliha dawn ngħataw (iktar ’il quddiem l-“apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin”).

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-dritt internazzjonali

3        Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ u li jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marakexx fil-15 ta’ April 1994, ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

4        L-Artikolu 9(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ jipprovdi:

“Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971) u l-Appendiċi tagħha. Madankollu, il-Membri ma għandhomx ikollhom id-drittijiet jew l-obbligi taħt dan il-Ftehim dwar id-drittijiet mogħtija taħt l-Artiklu 6bis ta’ dik il-Konvenzjoni jew id-drittijiet li joħorġu minnu.”

5        Skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Berne għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”):

“L-awturi ta’ xogħlijiet drammatiċi, drammatiko-mużikali u mużikali jgawdu minn dritt esklużiv li jawtorizzaw:

i)      wirjiet pubbliċi tax-xogħlijiet tagħhom, inklużi l-wirjiet pubbliċi b’kull mezz jew proċess;

ii)      it-trażmissjoni pubblika b’kull mezz tal-wirjiet tax-xogħlijiet tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 11 bis(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berne jipprovdi:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi protetti minn din il-konvenzjoni jgawdu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw:

i)      ix-xandir tax-xogħlijiet tagħhom jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet b’kull mezz ieħor għax-xandir mingħajr fili tas-sinjali, tal-ħsejjes jew tal-immaġni;

ii)      kull komunikazzjoni lill-pubbliku, kemm bil-fili kif ukoll mingħajr fili, tax-xogħol imxandar, meta din il-komunikazzjoni hija magħmula minn korp li ma huwiex l-oriġinali;

iii)      il-komunikazzjoni lill-pubbliku, permezz ta’ lawdspiker jew permezz ta’ kull strument ieħor simili li jittrażmetti sinjali, ħsejjes jew immaġni, tax-xogħol imxandar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Ġinevra, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (iktar ’il quddiem it-“Trattat dwar il-prestazzjonijiet u l-fonogrammi”) kif ukoll it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur”). Dawn iż-żewġ trattati kienu ġew approvati f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

8        Skont l-Artikolu 2(g) tat-Trattat dwar il-prestazzjonijiet u l-fonogrammi:

“Għall-finijiet ta’ dan it-trattat:

[...]

g)      ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ ta’ prestazzjoni jew fonogramma tfisser it-trażmissjoni lill-pubbliku, b’kull mezz għajr dak tax-xandir frekwenzjali, ta’ ħsejjes li joriġinaw minn prestazzjoni jew ta’ ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes stabbiliti f’fonogramma. Għall-finijiet tal-Artikolu 15, il-kliem ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ jinkludu wkoll il-fatt li l-ħsejjes jew ir-rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes stabbiliti f’fonogramma jiġu reżi awdibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 15(1) ta’ dan it-trattat jistipula:

“L-artisti li jagħmlu prestazzjonijiet u l-produtturi ta’ fonogrammi għandhom dritt għal rimunerazzjoni ġusta waħda meta fonogrammi ppubblikati għall-finijiet ta’ kummerċ jintużaw direttament jew indirettament għax-xandir frekwenzjali jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      It-Trattat dwar it-drittijiet tal-awtur jipprovdi fl-Artikolu 1(4) tiegħu li l-partijiet kontraenti għandhom ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 21 u mal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

B –  Id-dritt tal-Unjoni

1.           Id-direttivi fil-qasam tax-xandir

11      It-tielet premessa tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” tipprovdi:

“[...] xandiriet trasmessi tul il-fruntieri permezz ta’ teknoloġiji varji huma wieħed mill-mezzi għat-twettiq ta’ l-objettivi tal-Komunità; [...] għandhom jiġu adottati miżuri sabiex jippermettu u jassiguraw it-transizzjoni minn swieq nazzjonali għal suq ta’ programm komuni ta’ produzzjoni u distribuzzjoni u sabiex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta mingħajr preġudizzju għar-rwol ta’ l-interess pubbliku li għandu jiġi mwettaq mis-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni.”

12      Skont il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 97/36:

“[…] avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà għandhom, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, jissodisfaw ċerti kriterji, jiġifieri li jkunu avvenimenti eċċezzjonali li huma ta’ interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru partikolari jew f’parti importanti li hija komponent tad Stat Membru partikolari u li jkunu organizzati minn qabel minn organizzatur ta’ l-avvenimenti li huwa legalment intitolat li jbigħ id-drittijiet li jappartjenu għal dak l-avveniment”.

13      It-tielet, il-ħames, is-seba’, l-erbatax, il-ħmistax u s-sbatax-il premessa tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita jipprovdu:

“(3)      […] xandiriet trasmessi bejn fruntieri fil-Komunità, b’mod partikolari permezz tas-satellita jew cable, huma wieħed mill-modi l-aktar importanti biex ikunu milħuqa […] għanijiet tal-Komunità, li jkunu fl-istess ħin politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u legali;

[…]

(5)      […] dawk li jkollhom jeddijiet huma esposti għat-theddida li jaraw ix-xogħlijiet tagħhom sfruttati mingħajr ħlas ta’ remunerazzjoni jew li dawk l-individwi li jkollhom jeddijiet esklussivi f’diversi Stati Membri jimblukkaw l-isfruttar tal-jeddijiet tagħhom; […] l-inċertezza legali b’mod partikolari tikkostitwixxi ostakolu dirett għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ programmi fil-Komunità;

[…]

(7)      […] x-xandir liberu ta’ programmi hu wkoll impedit minħabba l-inċertezza legali preżenti dwar jekk xandir bis-satellita li s-sinjali tagħha jistgħu jkunu rċevuti direttament jaffettwa l-jeddijiet fil-pajjiż ta’ trasmissjoni biss jew fil-pajjiżi kollha ta’ reception flimkien; […]

[…]

(14)      […] l-inċertezza legali dwar il-jeddijiet li għandhom ikunu akkwistati li timpedixxi xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra għandha tkun megħluba billi jkun definit il-kunċett ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita fuq livell tal-Komunità; […] din id-definizzjoni għandha fl-istess waqt tispeċifika fejn isir l-att ta’ komunikazzjoni; […] dik it-tifsira hi meħtieġa biex tkun evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi liġijiet nazzjonali għal att wieħed ta’ xandir; […]

(15)      […] l-akkwist fuq bażi kuntrattwali ta’ jeddijiet esklussivi ta’ xandir għandu jkun konformi ma’ kull leġislazzjoni dwar drittijiet ta’ l-awtur u jeddijiet dwar drittijiet ta’ l-awtur fl-Istati Membri li fihom isseħħ il-komunikazzjoni mal-pubbliku bis-satellita;

[…]

(17)      […] biex wieħed jasal għall-ammont tal-pagament li għandu jsir għall-jeddijiet akkwistati, il-partijiet għandhom jikkunsidraw l-aspetti kollha tax-xandir, bħall-udjenza attwali, l-udjenza potenzjali u l-verżjoni tal-lingwa”.

14      Skont l-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) ta’ din id-direttiva:

“(a)      Għall-fini ta’ din id-Direttiva, “komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita” tfisser l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal reception mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

(b)      L-att ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz ta’ satellita jseħħ biss fl-Istati Membri billi, taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

(ċ)      Jekk is-sinjali li jġorru programmi huma encrypted, allura jkun hemm komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita bil-kondizzjoni li l-mezzi għal decrypting ix-xandir ikunu provduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha.”

15      L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita jipprovdi:

“Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”

16      It-tieni, it-tielet, is-sitt u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali jipprovdu:

“(2)      […] l-disposizzjoni trans-fruntieri tas-soċjetà tas-servizzi tax-xandir u l-informazzjoni tista’ tikkontribwixxi, mill-punto di vista individwali għall-effettività sħiħa tal-libertà ta’ l-espressjoni bħala dritt fundamentali, u mill-punto di vista kollettiv, għall-ksib ta’ l-għanijiet stabbiliti fit-Trattat;

(3)      […] t-Trattat jipprovdi għall-moviment liberu tas-servizzi kollha li huma soltu pprovduti bi ħlas; […] dan id-dritt, kif applikat għas-servizzi tas-soċjetà tax-xandir u l-informazzjoni, huwa wkoll manifestazzjoni speċifika fil-liġi tal-Komunità ta’ prinċipju aktar ġenerali, prinċipalment il-libertà ta’ l-espressjoni kif inhi misjuba fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropeja għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fondamentali; […] dak l-Artikolu espliċitament jagħraf id-dritt taċ-ċittadini li jirċievu u jaqsmu bejniethom informazzjoni bla ebda konsiderazzjoni tal-fruntieri u […] kwalunkwe restrizzjoni ta’ dak id-dritt għandha tkun ibbażata fuq konsiderazzjoni ċara ta’ l-interessi leġittimi oħra li huma mistħoqqa ta’ protezzjoni legali;

[…]

(6)      […] l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali jipprovdu l-potenzjal biex titkabbar l-għażla tal-konsumatur u l-kontrubuzzjoni għal-pluraliżmu kulturali, permezz tal-iżvilupp ta’ servizzi aktar vasti fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikoli [56 TFUE u 57 TFUE]; […] l-vijabbilità ta’ dawk is-servizzi ta’ spiss sejra tiddependi mill-użu ta’ l-aċċess kondizzjonali sabiex ikun akwistat ħlas għal min jipprovdi s-servizz, […] għalhekk, il-protezzjoni legali ta’ dawk li jipprovdu s-servizz kontra mezzi illeċiti li jippermetti l-aċċess għal dawn is-servizzi bla ħlas ma tidhirx neċessarja biex tassigura l-vijabbilità ekonomika ta’ dawn is-servizzi;

[…]

(13)      […] jidher neċessarju li jkun assigurat li l-Istati Membri jipprovdu protezzjoni legali xierqa kontra l-ippjazzar fuq is-suq, għal gwadanni finanzjarji diretti jew indiretti, ta’ apparat illeċitu li jippermetti jew jiffaċilita mingħajr awtorità l-ksur tal-liġi ta’ xi miżuri teknoloġiċi ddisinjati li jipproteġu l-ħlas għal servizz legalment ipprovdut”.

17      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      servizz protett għandu jfisser kwalunkwe mis-servizzi li ġejjin, meta pprovduti bi ħlas u fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali:

–        xandir bit-televiżjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 1(a) tad-[Direttiva ‛televiżjoni mingħajr fruntieri’],

[…]

(b)      aċċess kondizzjonali għandha tfisser kwalunkwe miżura teknika u/jew arranġament li permezz tiegħu aċċess għas-servizz protett f’forma konkreta hu magħmul kondizzjonali fuq l-awtorizzazzjoni individwali magħmula minn qabel;

(ċ)      apparat ta’ l-aċċess kondizzjonali għandu jfisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta;

[…]

(e)      apparat illeċitu għandu ifisser apparat jew programmi (tal-kompjuter) iddisinjat jew adattat li jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz;

(f)      kamp ikkordinat minn din id-Direttiva għandu jfisser kwalunkwe disposizzjoni li għandha x’taqsam mal-ksur ta’ l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 4.”

18      Skont l-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxi fuq it-territorju tiegħu l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 4, u biex jipprovdi għas-sanzjonijiet u rimedji stabbiliti fl-Artikolu 5.

2.      Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, l-Istati Membri ma jistgħux:

(a)      jirrestrinġu l-disposizzjoni tas-servizzi protetti, jew is-servizzi assoċjati li joriġinaw fi Stati Membru ieħor; jew

(b)      jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ apparat ta’ l-aċċess kondizzjonali; għal raġunijiet li jaqgħu fil-kamp ikkoordinat minn din id-Direttiva.”

19      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu fuq ir-territorju tagħhom l-attivitajiet segwenti kollha:

(a)      il-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, l-bejgħ, il-kera jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

(b)      l-istallazzjoni, il-manteniment jew ir-rimpjazzament għal skopijiet kummerċjali ta’ apparat illeċitu;

(ċ)      l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali biex ikunu promossi apparat illeċitu.”

2.           Id-direttivi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali

20      Id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tistipula fid-disa’, l-għaxar, il-ħmistax, l-għoxrin, it-tlieta u għoxrin, il-wieħed u tletin u kif ukoll it-tlieta u tletin premessa:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. […]

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom […]

[…]

(15)      […] Din id-Direttiva sservi […] biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda [li joħorġu mit-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur u t-trattat dwar il-prestazzjonijiet u l-fonogrammi].

[…]

(20)      Din id-Direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-Direttivi preżentement fis-seħħ [fil-qasam tal-proprjetà intellettwali], b’mod partikolari [d-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120)], u tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dawn id-Direttivi, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

[...]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]

[…]

(33)      Id-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni għandu jkun bla ħsara għal eċċezzjoni biex tippermetti ċerti atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li huma riproduzzjonijiet temporanji jew inċidentali, li jagħmlu parti integrali u essenzali mill-proċess teknoloġiku u mwettaq għal fini unika li tippermetti jew trasmissjoni effiċjenti f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir. L-atti ta’ riproduzzjoni relatati m’għandu jkollhom l-ebda valur ekonomiku separat għalihom waħedhom. Sa fejn dawn jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet, din l-eċċezzjoni għandha tinkludi atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, kemm-il darba li l-intermedjarju ma jimmodifikax l-informazzjoni u ma jfixkilx l-użu legali tat-teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill-industrija, biex jikseb data dwar l-użu ta’ l-informazzjoni. Użu għandu jiġi kkunsidrat legali fejn ikun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet jew ma jkunx ristrett bil-liġi.”

21      Fi kliem l-Artikolu 2(a) u (e) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

22      L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

23      L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a)      trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

[…]

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

(i)      inklużjoni inċidentali ta’ xogħol jew suġġett f’materjal ieħor;

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

24      Skont il-ħames premessa tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU L 376, p. 28, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet relatati”:

“Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. […]”

25      L-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trażmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, inklużi bil-kejbil jew bis-satellita.

26      L-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.”

27      Il-ħames premessa u l-Artikoli 7(2) u 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet relatati jirriproduċu, essenzjalment, is-seba’ premessa u l-Artikoli 6(2) u 8(3) tad-Direttiva 92/100.

C –  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

28      Skont l-Artikolu 297(1) tal-Att tal-1988 dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi (Copyright, Designs and Patents Act 1988, iktar ’il quddiem l-“Att dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi”):

“Persuna li tirċievi, b’mod frawdolenti, programm inkluż f’servizz ta’ xandir ipprovdut minn post fir-Renju Unit bl-intenzjoni li tevita l-ħlas ta’ kwalunkwe prezz dovut għar-riċezzjoni tal-programm twettaq reat suġġett, fuq kundanna sommarja, għal piena ta’ multa li ma teċċedix il-livell 5 tal-iskala ta’ riferiment.”

29      L-Artikolu 298 ta’ dan l-istess att jipprovdi:

“1.      Persuna li

(a)      titlob ħlasijiet għar-riċezzjoni ta’ programmi inklużi f’servizz ta’ xandir ipprovdut minn post fir-Renju Unit jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, jew

(b)      tibgħat trażmissjonijiet ikkowdjati ta’ kull tip ieħor minn post fir-Renju Unit jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor,

[…]

tibbenefika mid-drittijiet u rimedji li ġejjin.

2.      Hija għandha l-istess drittijiet u rimedji kontra persuna

(a)      li

(i)      tipproduċi, timporta, tiddistribwixxi, tbigħ jew tislef, toffri jew tesponi għall-bejgħ jew għall-kiri, jew tirriklama għall-bejgħ jew għall-kiri,

(ii)      iżżomm fil-pussess tagħha għal finijiet kummerċjali, jew

(iii) tinstalla, iżżomm jew tibdel għal finijiet kummerċjali,

kull apparat intiż jew adattat sabiex jippermetti li persuni jkollhom aċċess għall-programmi jew għal trażmissjonijiet oħra jew sabiex jagħtihom għajnuna għal dan il-għan jew sabiex jevita t-teknoloġija ta’ aċċess kundizzjonali marbut mal-programmi jew ma’ trażmissjonijiet oħra, meta dawn ma humiex awtorizzati għal dan, […]

[…]

bħalma għandu proprjetarju ta’ drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur.

[…]”

II –  Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

30      FAPL tamministra l-“Premier League”, il-kampjonat ewlieni tal-futbol professjonali għall-klabbs tal-futbol stabbiliti fl-Ingilterra.

31      L-attivitajiet ta’ FAPL jinkludu, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-iffilmjar tal-logħob tal-“Premier League” u l-eżerċizzju, fir-rigward ta’ dan il-logħob, ta’ drittijiet ta’ xandir televiżiv, jiġifieri drittijiet sabiex il-kontenut awdjoviżiv ta’ logħob sportiv jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ xandir televiżiv (iktar ’il quddiem id-“drittijiet ta’ xandir”).

A –  Il-konċessjoni taħt liċenzja tad-drittijiet ta’ xandir ta’ logħob tal-“Premier League”

32      FAPL tagħti konċessjoni taħt liċenzja ta’ dawn id-drittijiet ta’ xandir, b’mod dirett, fuq bażi territorjali u għal perijodi ta’ tliet snin. F’dan ir-rigward, l-istrateġija ta’ FAPL hija dik li tipprovdi dan il-kampjonat lit-telespettaturi madwar id-dinja kollha, filwaqt li tkabbar il-valur ta’ dawn id-drittijiet favur il-membri tagħha li huma l-klabbs.

33      Għalhekk, dawn id-drittijiet jingħataw lill-organizzazzjonijiet tax-xandir televiżiv permezz ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni miftuħa li tibda bis-sejħa għal offerti fuq bażi dinjija, reġjonali jew ta’ żona b’żona. Imbagħad, id-domanda tiddetermina l-bażi territorjali li fuqha FAPL tbigħ id-drittijiet internazzjonali tagħha. Madankollu, bħala prinċipju, din il-bażi hija nazzjonali peress li hemm biss domanda limitata min-naħa ta’ offerenti għad-drittijiet dinjija jew pan-Ewropej, inkwantu l-organizzazzjonijiet tax-xandir normalment joperaw fuq bażi territorjali u jaqdu s-suq domestiku fil-pajjiż tagħhom stess jew f’numru żgħir ta’ pajjiżi ġirien li jkollhom lingwa komuni.

34      Meta offerent jikseb, għal żona, pakkett ta’ drittijiet ta’ xandir dirett ta’ logħob tal-“Premier League”, dan jingħata d-dritt esklużiv tax-xandir tagħhom tagħhom f’din iż-żona. Skont FAPL, dan huwa neċessarju għal ksib tal-aqwa valur kummerċjali ta’ dawn id-drittijiet kollha, peress li l-organizzazzjonijiet tax-xandir huma lesti li jħallsu premium sabiex jiksbu din l-esklużività, peress li din tippermettilhom jiddistingwu s-servizzi tagħhom minn dawk ipprovduti mill-kompetituri tagħhom u jżidu għalhekk il-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw dħul.

35      Issa, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-esklużività territorjali tal-organizzazzjonijiet tax-xandir kollha, kull waħda minnhom tintrabat, fil-ftehim ta’ liċenzjar tagħha ma’ FAPL, li timpedixxi lill-pubbliku milli jirċievi x-xandiriet tagħha barra miż-żona li għaliha hija għandha liċenzja. Minn banda, dan jippresupponi li kull organizzazzjoni tiżgura li x-xandiriet kollha tagħha li jkunu jistgħu jiġu rċevuti barra minn dan it-territorju – partikolarment dawk trażmessi bis-satellita – ikunu kkowdjati sewwa u li dawn ma jkunux jistgħu jiġu rċevuti f’għamla li ma tkunx ikkowdjata. Mill-banda l-oħra, l-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jiżguraw li ebda apparat ma jkun xjentement awtorizzat li jippermetti lil kwalunkwe persuna li tara t-trażmissjonijiet tagħhom barra mit-territorju kkonċernat. Konsegwentement, dawn l-organizzazzjonijiet huma b’mod partikolari pprojbiti milli jipprovdu apparati ta’ dekodifikazzjoni li jippermettu d-dekodifikazzjoni tat-trażmissjonijiet tagħhom bil-għan li dawn jintużaw barra mit-territorju li għalih huma għandhom liċenzja.

B –  Ix-xandir tal-logħob tal-“Premier League”

36      Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, FAPL hija wkoll responsabbli mill-iffilmjar tal-logħob tal-“Premier League” u mit-trażmissjoni tas-sinjal lill-organizzazzjonijiet li għandhom id-dritt li juru dan il-logħob.

37      Għal dan il-għan, l-istampi u l-ħoss fl-isfond maqbuda matul il-logħba huma trażmessi lil faċilità ta’ produzzjoni li żżid il-lowgos, is-sekwenzi vidjo, il-grafika tal-iskrin, il-mużika u l-kummentarju bl-Ingliż.

38      Is-sinjal jintbagħat, bis-satellita, lil organizzazzjoni tax-xandir televiżiv li żżid il-lowgo tagħha u, possibbilment, kummentarji. Sussegwentement, is-sinjal jiġi kkompressat u kkowdjat, imbagħad trażmess bis-satellita lill-abbonati li jirċievu s-sinjal permezz ta’ dixx tas-satellita. Fl-aħħar nett, is-sinjal jiġi ddekodifikat u ddekompressat f’dekoder tas-satellita li jirrikjedi, għall-funzjonament tiegħu, apparat ta’ dekodifikazzjoni bħal kard ta’ dekoder.

39      Fil-Greċja, is-sottoliċenzjata għax-xandir tal-logħob tal-“Premier League” hija NetMed Hellas. Il-logħob huwa trażmess bis-satellita fuq il-kanali “SuperSport” tal-pjattaforma “NOVA” li hija proprjetà ta’ Multichoice Hellas u tintuża minnha.

40      It-telespettaturi abbonati għall-pakkett tas-satellita NOVA jistgħu jaċċedu għal dawn il-kanali. Kull abbonat kellu jkun f’pożizzjoni li jipprovdi isem u kif ukoll indirizz u numru tat-telefown fil-Greċja. Tali abbonat jista’ jiġi rreġistrat għal finijiet privati jew kummerċjali.

41      Fir-Renju Unit, fiż-żmien tal-fatti fil-kawżi prinċipali, il-proprjetarja esklużiva tad-drittijiet ta’ liċenzja għax-xandir dirett tal-“Premier League” kienet BSkyB Ltd. Meta persuna fiżika jew ġuridika tkun tixtieq ixxandar fir-Renju Unit il-logħob tal-“Premier League”, hija tista’ tissottoskrivi abbonament kummerċjali ma’ din il-kumpannija.

42      Madankollu, ċerti stabbilimenti tal-ikel u x-xorb bdew, fir-Renju Unit, jużaw apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin sabiex jaċċedu għal-logħob tal-“Premier League”. Huma jixtru mingħand distributur kard u kaxxa ta’ dekodifikazzjoni li jippermettu r-riċezzjoni ta’ kanal tas-satellita li jintwera fi Stat Membru ieħor, bħalma huma l-kanali tan-NOVA, li għandha abbonament iktar vantaġġjuż meta mqabbel mal-abbonament tal-BSkyB Ltd. Dawn il-kards ta’ dekodifikazzjoni ġew prodotti u kkumerċjalizzati bl-awtorizzazzjoni tal-fornitur tas-servizzi, iżda mbagħad intużaw b’mod mhux awtorizzat, peress li x-xandara ssuġġettaw il-ħruġ tagħhom għall-kundizzjoni – skont l-obbligi deskritti fil-punt 35 ta’ din is-sentenza – li l-klijenti ma jużawx tali kards barra mit-territorju nazzjonali kkonċernat.

43      FAPL ikkunsidrat li attivitajiet bħal dawn joħolqu ħsara lill-interessi tagħha, peress li dawn jippreġudikaw l-esklużività tad-drittijiet konċessi taħt liċenzja f’territorju partikolari u, għalhekk, il-valur ta’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, l-organizzazzjoni tax-xandir televiżiv li tbigħ il-kards ta’ dekodifikazzjoni l-inqas għalja tista’ potenzjalment issir, fil-prattika, l-organizzazzjoni tax-xandir televiżiv fil-livell Ewropew, u dan ikollu l-konsegwenza li d-drittijiet tax-xandir fl-Unjoni Ewropea jiġu konċessi fil-livell Ewropew. Dan iwassal għal telf kbir ta’ dħul kemm għal FAPL kif ukoll għall-organizzazzjonijiet tax-xandir televiżiv u għalhekk tiġi ppreġudikata l-vijabbiltà tas-servizzi li dawn jipprovdu.

44      Konsegwentement, FAPL et ippreżentaw, fil-Kawża C-403/08, tliet kawżi li huma jikkunsidraw li huma kawżi ta’ prova quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division. Tnejn minn dawn il-kawżi huma kontra QC Leisure, D. Richardson, AV Station u M. Chamberlain, fornituri lill-kafetteriji-ristoranti ta’ apparat u ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni bis-satellita li jippermettu r-riċezzjoni ta’ trażmissjonijiet minn xandara barranin, fosthom NOVA, li turi l-logħob tal-“Premier League” dirett.

45      It-tielet kawża hija kontra M. Madden, SR Leisure Ltd, P. G. C. Houghton u D. Owen, bejjiegħa tax-xorb jew operaturi ta’ erba’ kafetteriji-ristoranti li wrew logħob tal-“Premier League” dirett, bl-użu ta’ apparat ta’ dekodifikazzjoni barrani.

46      FAPL et jallegaw li dawn il-persuni qegħdin jiksru d-drittijiet tagħhom protetti mill-Artikolu 298 tal-Att dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi billi jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet kummerċjali jew, fil-każ tal-konvenuti fit-tielet kawża, meta jżommu għal finijiet kummerċjali apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin intiżi jew adattati sabiex jippermettu l-aċċess għas-servizzi ta’ FAPL et mingħajr awtorizzazzjoni.

47      Barra minn hekk, il-konvenuti fit-tielet kawża jiksru d-drittijiet tal-awtur billi joħolqu kopji ta’ xogħlijiet fl-adoperat intern tad-dekoder bis-satellita u juru x-xogħlijiet fuq l-iskrin, kif ukoll billi jeżegwixxu, ixandru jew juru x-xogħlijiet fil-pubbliku u jikkomunikawhom lill-pubbliku.

48      Barra minn dan, QC Leisure u AV Station jiksru d-drittijiet tal-awtur billi jawtorizzaw l-atti mwettqa mill-konvenuti fit-tielet kawża, kif ukoll minn persuni oħra lil min huma pprovdew kards ta’ dekodifikazzjoni.

49      Skont QC Leisure et, il-kawżi huma infondati, peress li huma ma jużawx kards ta’ dekodifikazzjoni pirati, inkwantu l-kards ikkonċernati kollha ġew iddistribwiti u mqiegħda fis-suq, fi Stat Membru ieħor, mill-organizzazzjoni kkonċernata tax-xandir televiżiv bis-satellita.

50      Fil-Kawża C-429/08, K. Murphy, li tiġġestixxi kafetterija-ristorant, kisbet kard ta’ dekodifikazzjoni NOVA sabiex turi logħob tal-“Premier League”.

51      L-aġenti ta’ MPS, organizzazzjoni maħtura minn FAPL sabiex tiġġestixxi sensiela ta’ prosekuzzjonijiet kontra ġestituri ta’ kafetteriji-ristoranti li jużaw apparati ta’ dekodifikazzjoni, ikkonstataw li K. Murphy kienet tirċievi, fil-kafetterija-ristorant tagħha, ix-xandiriet tal-logħob tal-“Premier League” trażmessi min-NOVA.

52      Konsegwentement, MPS ħarrket lil K. Murphy quddiem il-Portsmouth Magistrates’ Court li kkundannatha għal żewġ reati previsti fl-Artikolu 297(1) tal-Att dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi minħabba li din kienet irċeviet, b’mezzi frawdolenti, programm inkluż f’servizz ta’ xandir ipprovdut minn post fir-Renju Unit, bl-intenzjoni li tevita l-ħlas ta’ kwalunkwe prezz applikabbli għar-riċezzjoni tat-trażmissjonijiet imxandra.

53      Wara li l-Portsmouth Crown Court ċaħdet, essenzjalment, l-appell mill-kundanna tagħha, K. Murphy ressqet appell quddiem il-High Court of Justice u ddifendiet pożizzjoni simili għal dik adottata minn QC Leisure et.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division, iddeċidiet, fil-Kawża C‑403/08, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“(1)      (a)   Meta apparat tal-aċċess kondizzjonali jkun magħmul minn jew bil-kunsens ta’ min jipprovdi s-servizz u jinbiegħ suġġett għal awtorizzazzjoni limitata li dan l-apparat jintuża biss sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett f’ċerti ċirkustanzi partikolari, dan l-apparat isir ‘apparat illeċitu’, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-[Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali], jekk jintuża sabiex jipprovdi aċċess għal dak is-servizz protett f’post jew b’mod jew minn persuna mhux inklużi fl-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi is-servizz?

(b)      X’inhi t-tifsira ta’ ‘iddisinjat jew adattat’ fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva?

(2)      Meta l-ewwel persuna li tipprovdi s-servizz tittrażmetti l-programmi f’forma kodifikata lit-tieni persuna li tipprovdi s-servizz u li xxandar dawk il-programmi fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interessi tal-ewwel persuna li tipprovdi s-servizz humiex affettwati skont l-Artikolu 5 tad-[Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali]?

B’mod partikolari:

Meta l-ewwel impriża tittrażmetti l-programmi (inklużi stampi, awdjo u kummentarju bl-Ingliż) f’forma kodifikata lit-tieni impriża li, min-naħa tagħha, ixxandar il-programmi lill-pubbliku (li miegħu tkun żiedet il-logo tagħha u, xi drabi, kumment awdjo addizzjonali):

(a)      It-trażmissjoni mill-ewwel impriża tikkostitwixxi servizz protett ta’ ‛xandir bit-televiżjoni’, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali] u tal-Artikolu 1(a) tad-[Direttiva ‘televiżjoni mingħajr fruntieri’]?

(b)      Huwa neċessarju li l-ewwel impriża tkun xandar fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-[Direttiva ‘televiżjoni mingħajr fruntieri’] sabiex titqies bħala li qed tipprovdi servizz ta’ “xandir bit-televiżjoni” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali]?

(c)      L-Artikolu 5 tad-[Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali] għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt lill-ewwel impriża tressaq kawża fir-rigward tal-apparat illeċitu li jagħti aċċess għall-programm kif imxandar mit-tieni impriża, jew:

(i)      għaliex apparat bħal dan għandu jitqies bħala li jagħti aċċess, permezz tas-sinjal ta’ xandir, għas-servizz stess tal-ewwel impriża; jew

(ii)      għaliex l-ewwel impriża hija dik li tipprovdi servizz protett u li l-interessi tagħha huma affettwati minn attività illeċita (għaliex apparat bħal dan jagħti aċċess mhux awtorizzat għas-servizz protett ipprovdut mit-tieni impriża)?

(d)      Ir-risposta għad-domanda 2(c) hija affettwata mill-fatt li l-ewwel u t-tieni persuni li jipprovdu servizzi jużaw sistemi ta’ dekodifikazzjoni u apparat tal-aċċess kondizzjonali differenti?

(3)      Il-‘pussess għal skopijiet kummerċjali’ skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva [dwar l-aċċess kundizzjonali] jirreferi biss għal pussess għal skopijiet ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (pereżempju, bejgħ) fir-rigward ta’ apparat illeċitu, jew ikopri wkoll il-pussess ta’ apparat minn utent finali matul negozju ta’ kwalunkwe tip?

(4)      Meta l-frammenti sekwenzjali ta’ film, xogħol mużikali jew reġistrazzjoni ta’ ħoss (f’dan il-każ, fotogrammi ta’ vidjo u awdjo diġitali) jinħolqu (i) fil-memorja ta’ dekodifikatur jew (ii) fil-każ ta’ film fuq skrin tat-televiżjoni, u x-xogħol kollu huwa riprodott jekk il-frammenti sekwenzjali jiġu kkunsidrati flimkien iżda f’perijodu partikolari jkunu jeżistu biss numru limitat ta’ frammenti:

(a)      Il-kwistjoni dwar jekk dawk ix-xogħlijiet ikunux ġew kompletament jew parzjalment riprodotti għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur li jirrigwardaw dak li jikkostitwixxi riproduzzjoni illeċita ta’ xogħol protett mid-dritt tal-awtur, jew tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur]?

(b)      Jekk tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur], il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-frammenti ta’ kull xogħol fl-intier tagħhom, jew dawk il-frammenti biss li jkunu jeżistu f’perijodu partikolari? Jekk il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra dan l-aħħar każ, liema test għandha tapplika għall-kwistjoni dwar jekk ix-xogħlijiet ġewx riprodotti parzjalment fis-sens ta’ dan l-artikolu?

(c)      Id-dritt ta’ riproduzzjoni fl-[imsemmi] Artikolu 2 ikopri wkoll il-ħolqien ta’ stampi temporanji għal fuq skrin tat-televiżjoni?

(5)      (a)   Il-kopji temporanji ta’ xogħol maħluqa ġewwa dekodifikatur televiżiv tas-satellita jew fuq skrin tat-televiżjoni kkollegat ma’ dekodifikatur, u li l-għan tagħhom huwa esklużivament li jippermettu l-użu tax-xogħol li ma jkunx b’xi mod ieħor limitat mil-liġi, għandhom jitqiesu bħala li għandhom “sinifikat ekonomiku indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur] minħabba l-fatt li dawn il-kopji jipprovdu l-unika bażi li minnha d-detentur tad-drittijiet jista’ jirċievi remunerazzjoni għall-użu tad-drittijiet tiegħu?

(b)      Ir-risposta għad-domanda 5(a) hija affettwata mill-fatt (i) li l-kopji temporanji jkollhom xi valur intrinsiku; jew (ii) li l-kopji temporanji jinkludu parti żgħira minn kollezzjoni ta’ xogħlijiet u/jew materji oħra li jistgħu jintużaw mingħajr ksur tad-dritt tal-awtur; jew (iii) li l-liċenzjat esklużiv tad-detentur tad-drittijiet fi Stat Membru ieħor ikun diġà rċieva remunerazzjoni għall-użu tax-xogħol f’dak l-Istat Membru?

(6)      (a)   Xogħol protett mid-dritt tal-awtur huwa kkunsidrat bħala kkomunikat lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [dwar id-drittijiet tal-awtur], meta xandira bis-satellita tiġi rċevuta f’bini kummerċjali (pereżempju, bar) u kkomunikata jew murija f’dak il-bini permezz ta’ skrin tat-televiżjoni wieħed lill-pubbliku preżenti f’dak il-bini?

(b)      Ir-risposta għad-domanda 6(a) hija affettwata jekk:

(i)      il-pubbliku preżenti jikkostitwixxi pubbliku ġdid li x-xandar ma jkunx ħaseb dwaru (f’dan il-każ għaliex kard nazzjonali ta’ dekodifikazzjoni għal użu fi Stat Membru partikolari tintuża għal pubbliku kummerċjali fi Stat Membru ieħor);

(ii)      il-pubbliku mhuwiex wieħed li jkun meħtieġ iħallas skont il-liġi nazzjonali, u

(iii) is-sinjal tax-xandir fuq it-televiżjoni huwa rċevut permezz ta’ erjal jew dixx tas-satellita fuq il-bejt ta’ jew ma’ ġenb il-bini fejn jinsab it-televiżjoni?

(c)      Jekk ir-risposta għal waħda mill-partijiet tad-domanda 6(b) hija fl-affermattiv, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm komunikazzjoni tax-xogħol li oriġinat minn post fejn il-pubbliku ma kienx preżenti?

(7)      Il-fatt li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur tipprovdi li meta kopji temporanji ta’ xogħlijiet inklużi f’xandir bis-satellita jinħolqu ġewwa dekodifikatur bis-satellita jew fuq skrin tat-televiżjoni jkun hemm ksur tad-dritt tal-awtur skont il-liġi tal-pajjiż fejn tkun irċevuta x-xandira huwa kompatibbli mad-Direttiva [dwar ix-xandir bis-satellita] jew mal-Artikoli 28 u 30 jew 49 tat-Trattat KE? Il-pożizzjoni tiġi affettwata jekk ix-xandira tiġi ddekodifikata permezz ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita li tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi servizz ta’ xandir bis-satellita fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta’ dik il-kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru?

(8)      (a)   Jekk ir-risposta għad-domanda 1 tkun li l-apparat tal-aċċess kondizzjonali magħmul minn jew bil-kunsens ta’ min jipprovdi s-servizz isir ‘apparat illeċitu’ skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva [dwar l-aċċess kundizzjonali] meta jintuża barra mill-portata tal-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz li jagħti aċċess għal servizz protett, liema huwa s-suġġett speċifiku tad-dritt b’riferiment għall-funzjoni essenzjali tiegħu attribwita mid-Direttiva dwar l-Aċċess Kondizzjonali?

(b)      L-Artikoli 28 jew 49 tat-Trattat KE jeskludu l-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali fl-ewwel Stat Membru li tirrendi illeċitu l-importazzjoni jew il-bejgħ ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita li tkun inħarġet minn persuna li tipprovdi servizz ta’ xandir bis-satellita fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu tal-kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru l-ieħor?

(c)      Ir-risposta hija affettwata mill-fatt li l-kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita tkun awtorizzata biss għal użu privat jew domestiku f’dak l-Istat Membru l-ieħor iżda tintuża għal skopijiet kummerċjali fl-ewwel Stat Membru?

(9)      L-Artikoli 28 u 30 jew 49 tat-Trattat KE jeskludu l-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur li tirrendi illeċitu r-rappreżentazzjoni jew id-daqq fil-pubbliku ta’ xogħol mużikali meta dan ix-xogħol ikun inkluż f’servizz protett li jsir aċċess għalih u li jindaqq fil-pubbliku permezz tal-użu ta’ kard ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita meta dik il-kard tkun inħarġet mill-persuna li tipprovdi s-servizz fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li l-użu ta’ dik il-kard ta’ dekodifikazzjoni jkun awtorizzat biss f’dak l-Istat Membru l-ieħor? Ikollu effett il-fatt li x-xogħol mużikali jkun element mhux importanti mis-servizz protett fl-intier tiegħu u li l-liġi nazzjonali dwar id-dritt tal-awtur ma tipprojbixxix ir-rappreżentazzjoni jew id-daqq fil-pubbliku tal-elementi l-oħra tas-servizz?

(10)      Meta l-persuna li tipprovdi l-programmi toħroġ sensiela ta’ liċenzji esklużivi għat-territorju ta’ wieħed jew iktar Stati Membri li permezz tagħhom ix-xandar ikun liċenzjat ixandar il-programmi f’dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u li inkluż f’kull liċenzja jkun hemm obbligu kuntrattwali li x-xandar jevita li l-kards tiegħu ta’ dekodikazzjoni tas-satellita, li jippermettu r-riċezzjoni tal-programmi liċenzjati, jiġu użati barra mit-territorju liċenzjat, liema test legali għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali u liema ċirkustanzi għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tkun qed tiddeċiedi jekk ir-restrizzjoni kuntrattwali tiksirx il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1)?

B’mod partikolari:

(a)      l-Artikolu 81(1) għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal dan l-obbligu għar-raġuni biss li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni?

(b)      f’dak il-każ, jeħtieġ li jintwera li dan l-obbligu kuntrattwali jipprevjeni, jirrestrinġi jew jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinifikanti sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1)?”

55      Fil-Kawża C-429/08, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      F’liema ċirkustanzi apparat tal-aċċess kondizzjonali għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘apparat illeċitu’ fit-tifsira tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva [dwar l-aċċess kundizzjonali]?

(2)      B’mod partikolari, apparat tal-aċċess kondizzjonali huwa ‛apparat illeċitu’ jekk jiġi akkwistat f’ċirkustanzi fejn:

(i)      l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u ġie fornut oriġinarjament bil-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali limitata li l-apparat jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett fl-ewwel Stat Membru biss u minflok intuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett riċevut fi Stat Membru ieħor, u/jew

(ii)      l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru u b’hekk ingħelbu restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta’ apparati bħal dawn għal użu barra minn l-ewwel Stat Membru, u/jew

(iii) l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament ġie fornut bil-kundizzjoni kuntrattwali li jintuża biss għal użu domestiku jew privat u mhux għal użu kummerċjali (li għalih jitħallas abbonament ogħla), iżda ntuża fir-Renju Unit għal finijiet kummerċjali, prinċipalment sabiex jintwera logħob live tal-futbol f’pub?

(3)      Jekk ir-risposta għal kwalunkwe parti tad-Domanda 2 hija “le”, l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva jipprekludi li Stat Membru japplika liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ apparati tal-aċċess kondizzjonali bħal dawn fiċ-ċirkustanzi msemmija fid-Domanda 2 iktar ’il fuq?

(4)      Jekk ir-risposta għal kwalunkwe parti tad-Domanda 2 hija “le”, l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva huwa invalidu:

(a)      għar-raġuni li huwa diskriminatorju u/jew sproporzjonat; u/jew

(b)      għar-raġuni li jikser id-drittijiet ta’ moviment liberu taħt it-Trattat; u/jew

(c)      għal kwalunkwe raġuni oħra?

(5)      Jekk ir-risposta għad-Domanda 2 hija “iva”, l-Artikoli 3(1) u 4 ta’ dik id-Direttiva huma invalidi għar-raġuni li huma jidhru li jeħtieġu mill-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ “apparati illeċiti” u fuq in-negozju mod ieħor tagħhom f’ċirkustanzi fejn dawk l-apparati jistgħu jiġu importati legalment u/jew jintużaw sabiex jiġu riċevuti servizzi ta’ xandir bis-satellita trans-nazzjonali skont ir-regoli fuq il-moviment liberu ta’ merkanzija taħt l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat KE u/jew il-libertà li jiġu pprovduti u riċevuti servizzi taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat KE?

(6)      L-Artikoli 28, 30 u/jew 49 KE jipprekludi l-infurzar ta’ liġi nazzjonali (bħall-Artikolu 297 tal-[Att dwar id-drittijiet tal-awtur, id-disinni u l-privattivi]) li tistabbilixxi li huwa reat kriminali li wieħed jirċievi b’mod diżonest programm inkluż f’servizz ta’ xandir minn post fir-Renju Unit bl-intenzjoni li jevita li jħallas il-prezz applikabbli għall-fatt li jirċievi l-programm, f’waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi:

(i)      fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u ġie fornut oriġinarjament bil-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali limitata li l-apparat jintuża sabiex jinkiseb aċċess għal servizz protett fl-ewwel Stat Membru biss u minflok intuża sabiex jinkiseb aċċess għal dak is-servizz protett riċevut fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq), u/jew

(ii)      fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament inkiseb u/jew ġie attivat bl-użu ta’ isem u indirizz residenzjali foloz fl-ewwel Stat Membru u b’hekk ingħelbu restrizzjonijiet kuntrattwali territorjali imposti fuq l-esportazzjoni ta’ apparati bħal dawn għal użu barra minn l-ewwel Stat Membru, u/jew

(iii) fejn l-apparat tal-aċċess kondizzjonali ġie manifatturat minn min jipprovdi s-servizz jew bil-kunsens tiegħu u oriġinarjament ġie fornut bil-kundizzjoni kuntrattwali li jintuża biss għal użu domestiku jew privat u mhux għal użu kummerċjali (li għalih jitħallas abbonament ogħla), iżda intuża fir-Renju Unit għal finijiet kummerċjali, prinċipalment biex jintwera logħob live tal-futbol f’pub?

(7)      L-infurzar tal-liġi nazzjonali inkwistjoni huwa, fi kwalunkwe każ, ipprojbit fuq il-bażi ta’ diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 12 KE jew inkella, għaliex il-liġi nazzjonali tapplika għal programmi inklużi f’servizz ta’ xandir minn post fir-Renju Unit iżda mhux minn kwalunkwe Stat Membru ieħor?

(8)      Fejn fornitur tal-kontenut tal-programmi jidħol f’sensiela ta’ liċenzji esklużivi li kull waħda minnhom tkopri t-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li permezz tagħhom ix-xandar huwa awtorizzat ixandar il-kontenut tal-programm f’dak it-territorju biss (inkluż bis-satellita) u jiġi inkluż obbligu kuntrattwali f’kull liċenzja li jobbliga lix-xandar li jipprojbixxi li l-kards tiegħu ta’ aċċess tas-satellita, li jagħmlu possibbli li jiġi riċevut il-programm awtorizzat, jintużaw barra mit-territorju kopert mil-liċenzja, x’eżami legali għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali u x’ċirkustanzi għandha tikkunsidra meta tiddeċiedi jekk ir-restrizzjoni kuntrattwali tmur kontra l-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 81(1)?

B’mod partikolari:

(a)      L-Artikolu 81(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal dak l-obbligu biss għaliex huwa kkunsidrat li għandu bħala għan li jipprevjeni, jirrestrinġi jew ikun ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni?

(b)      Jekk huwa hekk, għandu jintwera wkoll li l-obbligu kuntrattwali jipprevjeni, jirrestrinġi jew huwa ta’ distorsjoni b’mod kunsiderevoli għall-kompetizzjoni sabiex jaqa’ fil-projbizzjoni imposta mill-Artikolu 81(1)?”

56      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2008, il-Kawżi C-403/08 u C-429/08 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

III –  Fuq id-domandi preliminari

A –  Fuq ir-regoli marbuta mar-riċezzjoni ta’ trażmissjonijiet ikkowdjati li joriġinaw minn Stati Membri oħra

1.           Osservazzjonijiet preliminari

57      Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat li dawn il-kawżi jirrigwardaw biss ix-xandir bis-satellita ta’ trażmissjonijiet li jinkludu logħob tal-“Premier League” għall-pubbliku mill-organizzazzjonijiet tax-xandir, bħal Multichoice Hellas. Għalhekk, l-unika parti mill-komunikazzjoni awdjoviżiva li hija rilevanti, għall-każ ineżami, hija dik li tikkonsisti fix-xandir ta’ dawn it-trażmissjonijiet mill-organizzazzjonijiet tax-xandir għall-pubbliku b’mod konformi mal-Artikolu 1(2)(a) u (b) tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita, billi din l-operazzjoni ssir mill-Istat Membru fejn is-sinjali li jġorru l-programmi huma introdotti f’katina ta’ komunikazzjoni bis-satellita (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru tat-trażmissjoni”), fil-każ ineżami, senjatament ir-Repubblika Ellenika.

58      Min-naħa l-oħra, il-parti mill-komunikazzjoni upstream, bejn FAPL u dawn l-organizzazzjonijiet, li tikkonsisti fit-trażmissjoni ta’ data awdjoviżiva li tinkludi dan il-logħob, ma għandhiex rilevanza għall-każ ineżami, billi din il-komunikazzjoni tista’ ssir ukoll b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni li ma humiex dawk użati mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

59      Imbagħad, mill-proċess jirriżulta li, b’mod konformi mal-kuntratti ta’ liċenzjar konklużi bejn FAPL u l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikkonċernati, it-trażmissjonijiet inkwistjoni huma destinati biss għall-pubbliku tal-Istat Membru tat-trażmissjoni u li dawn l-organizzazzjonijiet għandhom għalhekk jiżguraw li t-trażmissjonijiet tagħhom bis-satellita jkunu jistgħu jiġu rċevuti biss f’dan l-Istat. Konsegwentement, l-organizzazzjonijiet inkwistjoni għandhom jikkowdjaw it-trażmissjonijiet tagħhom u jipprovdu apparati ta’ dekodifikazzjoni biss lill-persuni li jirresjedu fit-territorju tal-Istat Membru tat-trażmissjoni.

60      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li l-proprjetarji tal-kafetteriji-ristoranti jużaw tali apparati ta’ dekodifikazzjoni barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, u għalhekk, huma jagħmlu tali użu kontra r-rieda tal-organizzazzjonijiet tax-xandir.

61      Huwa f’dan il-kuntest li l-qrati tar-rinviju jistaqsu, permezz tal-ewwel parti tad-domandi tagħhom, jekk tali użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni jaqax taħt id-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali u x’inhu l-effett li din għandha fuq dan l-użu. Imbagħad, fil-każ li dan l-aspett ma huwiex armonizzat bl-imsemmija direttiva, huma jistaqsu dwar jekk l-Artikoli 34 TFUE, 36 TFUE, 56 TFUE u 101 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali u kuntratti ta’ liċenzjar li jipprojbixxu l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin.

2.           Id-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali

a)           Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali (l-ewwel domanda fil-Kawża C-403/08, kif ukoll l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C-429/08)

62      B’dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “apparat illeċitu”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri wkoll l-apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, inklużi dawk miksuba jew attivati permezz ta’ isem falz u indirizz falz, u dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali jagħti definizzjoni tal-kunċett ta’ “apparat illeċitu” fis-sens li jinkludi kull apparat jew programm tal-kompjuter “iddisinjat” jew “adattat” sabiex jagħti aċċess għal servizz protett f’forma konkreta mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min jipprovdi s-servizz.

64      Għalhekk, dan il-kliem huwa limitat għall-apparati li jkunu ġew suġġetti għal operazzjonijiet manwali jew awtomatiċi qabel l-użu tagħhom u li jippermettu riċezzjoni ta’ servizzi protetti mingħajr il-kunsens tal-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Konsegwentement, dan il-kliem jipprevedi biss apparati li jkunu ġew immanifatturati, immanipulati, adattati jew riadattati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-fornitur tas-servizzi, u ma jkoprix l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin.

65      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li s-sitt u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali, li jinkludu speċifikazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “apparat illeċitu”, jirreferu għan-neċessità li jkun hemm protezzjoni minn apparati illeċiti “li jippermett[u] l-aċċess […] bla ħlas” għas-servizzi protetti u mit-tqegħid fis-suq ta’ apparati illeċiti li jippermettu jew jiffaċilitaw “mingħajr awtorità l-ksur tal-liġi ta’ xi miżuri teknoloġiċi” intiżi għall-protezzjoni tal-ħlas għal servizz ipprovdut b’mod għalkollox legali.

66      Issa, l-apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, dawk miksuba jew attivati permezz tal-ksib ta’ isem falz u ta’ indirizz falz, dawk użati bi ksur tal-limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati ma jaqgħu taħt ebda waħda minn dawn il-kategoriji. Fil-fatt, dawn l-apparati kollha huma mmanifatturati u mqiegħda fis-suq bl-awtorizzazzjoni tal-fornitur tas-servizzi, ma jippermettux aċċess bla ħlas għas-servizzi protetti u ma jippermettux jew jiffaċilitaw li tiġi evitata miżura teknoloġika intiża għall-protezzjoni tal-ħlas ta’ rimunerazzjoni għal dawn is-servizzi, ladarba, fl-Istat Membru ta’ tqegħid fis-suq, tkun tħallset rimunerazzjoni.

67      Fid-dawl tal-premess, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-kunċett ta’ “apparat illeċitu”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan la jkopri l-apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, la dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz u lanqas dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati.

b)           Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali (it-tielet domanda fil-Kawża C-429/08)

68      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, inklużi dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz, jew dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati.

69      Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jirrestrinġu, għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat minn din id-direttiva, il-moviment liberu ta’ servizzi protetti u ta’ apparati ta’ aċċess kundizzjonali, u dan mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar timponi obbligi fil-qasam ikkoordinat mid-direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali – li skont l-Artikolu 2(f) tagħha jfisser kwalunkwe dispożizzjoni li għandha x’taqsam mal-ksur tal-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 4 – billi teżiġi b’mod partikolari li l-Istati Membri jipprekludu l-attivitajiet speċifikati f’dan l-Artikolu 4.

71      Madankollu, l-imsemmi Artikolu 4 jirrigwarda biss attivitajiet li huma illeċiti minħabba li dawn jinvolvu l-użu ta’ apparati illeċiti fis-sens ta’ din id-direttiva.

72      Issa, l-apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, inklużi dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz u dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati, ma jikkostitwixxux, skont kif jirriżulta mill-punti 63 sa 67 ta’ din is-sentenza, tali apparati illeċiti.

73      Konsegwentement, la l-attivitajiet li jinvolvu l-użu ta’ dawn l-apparati u lanqas leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi dawn l-attivitajiet ma jaqgħu fil-qasam ikkoordinat mid-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, inklużi dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz jew dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati, peress li tali leġiżlazzjoni ma taqax fil-qasam ikkoordinat minn din id-direttiva.

c)           Fuq id-domandi l-oħra li jirrigwardaw d-Direttiva dwar l-aċċess kundizzjonali

75      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑403/08, kif ukoll għall-ewwel tliet domandi fil-Kawża C-429/08, ma hemmx għalfejn li jiġu eżaminati la d-domandi 2, 3 u 8(a) fil-Kawża C-403/08 u lanqas id-domandi 4 u 5 fil-Kawża C‑429/08.

3.           Ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi

a)           Fuq il-projbizzjoni tal-importazzjoni, tal-bejgħ u tal-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin [id-domanda 8(b) u l-ewwel parti tad-disa’ domanda fil-Kawża C-403/08, kif ukoll id-domanda 6(i) fil-Kawża C-429/08]

76      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju qegħdin jistaqsu, essenzjalment, dwar jekk l-Artikoli 34 TFUE, 36 TFUE u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trendi illeċiti l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu f’dan l-Istat ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin li jippermettu l-aċċess għal servizz ikkowdjat ta’ xandir bis-satellita li jkun ġej minn Stat Membru ieħor u li jinkludi oġġetti protetti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat.

i)           Fuq l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli

77      Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrigwarda kemm il-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ xandir ikkowdjat kif ukoll il-moviment, fi ħdan l-Unjoni, ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin li jippermettu d-dekodifikazzjoni ta’ dawn is-servizzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni ta’ jekk din il-leġiżlazzjoni għandhiex tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew minn dik tal-moviment liberu tal-merkanzija.

78      F’dan ir‑rigward, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li meta miżura nazzjonali tirrigwarda kemm il‑moviment liberu tal‑merkanzija u kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja teżaminaha, bħala regola, fid‑dawl ta’ waħda biss minn dawn iż‑żewġ libertajiet fundamentali, jekk jirriżulta li waħda minn dawn tkun kompletament sekondarja meta mqabbla mal‑oħra u tkun tista’ tiġi assoċjata magħha (ara s‑sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 22, u tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C-108/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

79      Madankollu, fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, dawn iż-żewġ suġġetti huma ħafna drabi marbuta mill-qrib ma’ xulxin b’mod li kwalunkwe wieħed minnhom ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa sekondarju għall-ieħor. Dan huwa partikolarment il-każ meta leġiżlazzjoni nazzjonali tirregola l-provvista ta’ apparat ta’ telekomunikazzjoni, bħalma huma l-apparati ta’ dekodifikazzjoni, bil-għan li tispeċifika r-rekwiżiti li għalihom dawn l-apparati għandhom ikunu suġġetti jew li tiffissa l-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, b’tali mod li, f’dan il-każ, huwa opportun li dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali jiġu eżaminati flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punti 29 sa 33).

80      Għaldaqstant, meta leġiżlazzjoni tipprevedi, bħala suġġett, attività li hija partikolarment ikkaratterizzata fil-livell ta’ servizzi pprovduti mill-operaturi ekonomiċi, filwaqt li l-provvista ta’ apparati ta’ telekomunikazzjoni tkun relatata biss b’mod purament sekondarju, din l-attività għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

81      Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, meta t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-apparati jikkostitwixxi biss modalità konkreta tal-organizzazzjoni jew tal-funzjonament ta’ servizz u meta din l-attività ma jkollhiex għan fiha nfisha, iżda tkun intiża sabiex tippermetti t-tgawdija ta’ dan is-servizz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attività li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali apparati ma tistax tiġi evalwata b’mod indipendenti mill-attività marbuta mas-servizz li magħha din l-ewwel attività hija assoċjata (ara, b’analoġija, is-sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 25).

82      Fil-każijiet inkwistjoni tal-kawżi prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex intiża għall-apparati ta’ dekodifikazzjoni bil-għan li tiddetermina r-rekwiżiti li għalihom dawn għandhom ikunu suġġetti jew li tistabbilixxi kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jkunu kkummerċjalizzati. Fil-fatt, dawn tqishom biss fil-kwalità tagħhom ta’ strument li jippermetti lill-abbonati jgawdu mis-servizzi ta’ xandir ikkowdjati.

83      Ladarba din il-leġiżlazzjoni tipprevedi għalhekk, qabelxejn, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li s-suġġett tal-moviment liberu tal-merkanzija jirriżulta li huwa għalkollox sekondarju meta mqabbel mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi evalwata mill-perspettiva ta’ din il-libertà tal-aħħar.

84      Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.

ii)        Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

85      L-Artikolu 56 TFUE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi analogi. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm favur il-fornitur u kif ukoll favur id-destinatarju tas-servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprekludi l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin fit-territorju nazzjonali, li jagħtu aċċess għas-servizzi ta’ xandir bis-satellita li joriġinaw minn Stat Membru ieħor.

87      Issa, ladarba l-aċċess għas-servizzi ta’ trażmissjoni bis-satellita, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huwa kkundizzjonat bil-pussess ta’ tali apparat li l-provvista tiegħu hija suġġetta għal-limitazzjoni kuntrattwali li tipprovdi li l-imsemmi apparat jista’ jintuża biss fit-territorju tal-Istat Membru tat-trażmissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tipprekludi r-riċezzjoni ta’ dawn is-servizzi mill-persuni li jirresjedu barra mill-Istat Membru tat-trażmissjoni, f’dan il-każ fir-Renju Unit. Konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha l-effett li tipprekludi lil dawn il-persuni milli jaċċedu għal dawn is-servizzi.

88      Ċertament, l-ostakolu għar-riċezzjoni ta’ tali servizzi jsib l-oriġini ewlieni tiegħu fil-kuntratti konklużi bejn l-organizzazzjonijiet tax-xandir u l-klijenti tagħhom, li jirriflettu, min-naħa tagħhom, il-klawżoli ta’ limitazzjoni territorjali inklużi f’kuntratti konklużi bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Madankollu, peress li din il-leġiżlazzjoni tagħti lil dawn il-limitazzjonijiet protezzjoni ġuridika u timponi l-osservanza tagħhom taħt piena ta’ sanzjonijiet ċivili u pekunjarji, hija stess tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

89      Konsegwentement, l‑imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprojbita mill‑Artikolu 56 TFUE, sakemm din ma tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata.

iii)        Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz ta’ għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

–       Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

90      FAPL et, MPS, il-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Gvern Franċiż u dak Taljan isostnu li r-restrizzjoni li toħroġ mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-drittijiet ta’ proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, peress li din hija neċessarja sabiex tiżgura l-protezzjoni tar-remunerazzjoni xierqa ta’ dawn il-proprjetarji, filwaqt li tali remunerazzjoni tippresupponi li dawn tal-aħħar għandhom id-dritt jitolbu l-ħlas tagħha għall-użu tax-xogħol tagħhom jew ta’ oġġetti oħra protetti f’kull Stat Membru u jagħtu fir-rigwarda tagħhom esklużività territorjali.

91      F’dan ir-rigward, l-imsemmija partijiet iqisu b’mod partikolari li, fin-nuqqas ta’ protezzjoni sħiħa ta’ din il-klawżola territorjali, il-proprjetarju tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jkunx iktar jista’ jikseb ħlasijiet xierqa għal liċenzji min-naħa tal-organizzazzjonijiet tax-xandir peress li x-xandir dirett ta’ logħbiet ikun tilef parti mill-valur tiegħu. Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet tax-xandir ma għandhomx interess jiksbu liċenzji barra mit-territorju tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. Ksib ta’ liċenzji għat-territorji nazzjonali kollha fejn jirresjedu klijenti potenzjali ma huwiex interessanti mill-perspettiva finanzjarja, minħabba l-prezz għoli ħafna ta’ tali liċenzji. Għalhekk, dawn l-organizzazzjonijiet jiksbu l-liċenzji sabiex juru x-xogħlijiet ikkonċernati fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Issa, dawn huma lesti li jagħmlu ħlas sostanzjali sakemm ikollhom il-garanzija ta’ esklużività territorjali peress li din tippermettilhom jiddistingwu ruħhom mill-kompetituri tagħhom u b’hekk jattiraw iktar klijenti.

92      QC Leisure et, K. Murphy, il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-sorveljanza EFTA jsostnu li tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ xandir ma tistax tiġi ġġustifikata, peress li din twassal għall-qsim f’kompartimenti tas-suq intern.

–       Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Sabiex tiġi eżaminata l-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi mfakkar li restrizzjoni għal libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata biss meta din tkun ġustifikabbli permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn din tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tinkiseb (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA, C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni li jistgħu jiġu aċċettati, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jikkonsistu fil-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1980, Coditel et, imsejħa “Coditel I”, 62/79, Ġabra p. 881, punti 15 u 16, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 1981, Musik-Vertrieb membran u K-tel International, 55/80 u 57/80, Ġabra p. 147, punti 9 u 12).

95      Għalhekk, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk FAPL tistax tinvoka tali drittijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistabbilixxi protezzjoni favur tagħha li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li FAPL ma tistax issostni dritt tal-awtur fuq il-logħbiet tal-“Premier League” stess, peress li dawn ma humiex klassifikabbli bħala xogħlijiet.

97      Fil-fatt, sabiex jassumi tali klassifikazzjoni, jeħtieġ li l-oġġett ikkonċernat ikun oriġinali fis-sens li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C-5/08, Ġabra p. I‑6569, punt 37).

98      Issa, il-logħbiet sportivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma kreazzjonijiet intellettwali klassifikabbli bħala xogħol fis-sens tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. Dan japplika, b’mod partikolari, għal-logħob tal-futbol, li jsir taħt regoli tal-logħob, li ma jħallix post għal libertà kreattiva fis-sens tad-drittijiet tal-awtur.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-logħbiet ma jistgħux ikunu protetti fuq il-bażi tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, huwa stabbilit li d-dritt tal-Unjoni ma jagħtihom ebda protezzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

100    Madankollu, il-logħbiet sportivi, bħala tali, huma ta’ natura unika u, minn daqshekk, oriġinali, li tista’ tittrasformahom f’oġġetti denji għal protezzjoni paragunabbli mal-protezzjoni tax-xogħlijiet, filwaqt li din il-protezzjoni tista’ tingħata, fejn applikabbli, mid-diversi ordinamenti ġuridiċi interni.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru jista’ jipproteġi l-logħbiet sportivi, fejn applikabbli fuq il-bażi tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi jistabbilixxi leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, jew billi jirrikonoxxi, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, protezzjoni mogħtija lil dawn il-logħbiet permezz ta’ strumenti kuntrattwali konklużi bejn il-persuni li għandhom id-dritt li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-kontenut awdjoviżiv ta’ dawn il-logħbiet u l-persuni li jixtiequ jxandru dan il-kontenut lill-pubbliku fuq għażla tagħhom.

103    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-eżerċizzju ta’ din il-fakultà minn Stat Membru sa fejn huwa jirreferi, fil-wieħed u għoxrin-il premessa tad-Direttiva 97/36, għal avvenimenti organizzati minn organizzatur li għandu legalment id-dritt li jbigħ id-drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

104    Għaldaqstant, fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata hija intiża sabiex tipprovdi protezzjoni għal-logħbiet sportivi – li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika – id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala regola, tali protezzjoni u tali leġiżlazzjoni tista’ għalhekk tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

105    Madankollu, jibqa’ meħtieġ li tali restrizzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza UTECA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 36).

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li derogi għall-prinċipju tal-moviment liberu jistgħu jiġu aċċettati biss sa fejn dawn ikunu ġġustifikati mis-salvagwardja tad-drittijiet li jikkostitwixxu l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Rioglass u Transremar, C‑115/02, Ġabra p. I‑12705, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Fuq dan il-punt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan l-għan speċifiku huwa intiż b’mod partikolari li jiżgura lill-proprjetarji ta’ drittijiet ikkonċernati l-protezzjoni tal-fakultà li jieħdu vantaġġ kummerċjalment mit-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni jew mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti protetti, billi jagħtu liċenzji għall-ħlas ta’ remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musik-Vertrieb membran u K-tel International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 1993, Phil Collins et, C‑92/92 u C‑326/92, Ġabra p. I‑5145, punt 20).

108    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali għan speċifiku ma jiggarantix lill-proprjetarji ta’ drittijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jitolbu l-ogħla remunerazzjoni possibbli. Fil-fatt, b’mod konformi ma’ dan l-għan, huwa biss żgurat lilhom – kif previst fl-għaxar premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u l-ħames premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet relatati – remunerazzjoni xierqa għal kull użu tal-oġġetti protetti.

109    Issa, sabiex tkun xierqa, tali remunerazzjoni għandu jkollha rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut. B’mod partikolari, din għandu jkollha rabta raġonevoli man-numru reali jew potenzjali ta’ persuni li jgawdu minnu jew li jixtiequ li jgawdu minnu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1998, FDV, C-61/97, Ġabra p. I-5171, punt 15, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C-52/07, Ġabra p. I-9275, punti 36 sa 38).

110    Għalhekk, fil-qasam ta’ xandir televiżiv, tali remunerazzjoni għandha b’mod partikolari jkollha – bħalma tikkonferma s-sbatax-il premessa tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita – rabta raġonevoli mal-parametri tat-trażmissjonijiet ikkonċernati bħalma huma l-udjenza attwali, l-udjenza potenzjali u l-verżjoni tal-lingwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast, C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punt 51).

111    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li l-proprjetarji tad-drittijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirċievu remunerazzjoni għax-xandir ta’ oġġetti protetti min-naħa tal-Istat Membru tat-trażmissjoni li fih l-att ta’ xandir huwa mistenni li jsir, b’mod konformi mal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita, u li fih ir-remunerazzjoni xierqa hija għalhekk dovuta.

112    Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li fil-ftehim ta’ tali remunerazzjoni bejn il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati u l-organizzazzjonijiet tax-xandir, fl-ambitu ta’ bejgħ wara sejħa għal offerti, xejn ma jipprekludi lill-proprjetarju tad-drittijiet involut milli jitlob, f’dik l-okkażjoni, ammont li jieħu inkunsiderazzjoni l-udjenza attwali u l-udjenza potenzjali kemm fl-Istat Membru tat-trażmissjoni u kif ukoll f’kull Stat Membru ieħor li fih it-trażmissjonijiet li jinkludu l-oġġetti protetti jiġu wkoll irċevuti.

113    F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi mfakkar li r-riċezzjoni ta’ xandir bis-satellita, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hija kkundizzjonata bil-pussess ta’ apparat ta’ dekodifikazzjoni. Konsegwentement, huwa għalhekk fi grad ta’ eżattezza għoli li huwa possibbli li jiġi ddeterminat it-total ta’ telespettaturi li jifformaw parti mill-udjenza attwali u potenzjali tat-trażmissjoni kkonċernata, u għalhekk tat-telespettaturi li jirresjedu kemm fl-Istat Membru tat-trażmissjoni u kif ukoll barra minnu.

114    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-ħlas supplementari li jsir mill-organizzazzjonijiet tax-xandir għall-għoti ta’ esklużività territorjali, ċertament ma jistax jiġi eskluż li l-ammont tar-remunerazzjoni xierqa għandu jirrifletti wkoll in-natura partikolari tax-xandiriet ikkonċernati, jiġifieri l-esklużività territorjali tagħhom, b’tali mod li ammont supplementari jista’ jitħallas fuq din il-bażi.

115    Madankollu, fil-każ ineżami, tali ammont supplementari jitħallas lill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati bil-għan li tiġi ggarantita esklużività assoluta li hija ta’ natura li twassal għal differenzi fil-prezzijiet artifiċjali bejn is-swieq nazzjonali maqsuma f’kompartimenti. Issa, tali qsim u tali differenza artifiċjali fil-prezzijiet li hija r-riżultat ta’ dan il-qsim huma inkonċiljabbli mal-għan essenzjali tat-trattat, li huwa r-realizzazzjoni tas-suq intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi ammont supplementari ma jistax jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi parti mir-remunerazzjoni xierqa li għandha tiġi żgurata lill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati.

116    Konsegwentement, il-ħlas ta’ tali ammont supplementari jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat lil dawn il-proprjetarji remunerazzjoni xierqa.

117    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li r-restrizzjoni li tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

118    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sentenza Coditel I, iċċitata iktar ’il fuq, li ġiet invokata minn FAPL et kif ukoll minn MPS insostenn tal-argumentazzjoni tagħhom. Ċertament, fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regoli tat-trattat ma jistgħux, bħala prinċipju, jostakolaw il-limiti ġeografiċi miftiehma mill-partijiet għall-kuntratti ta’ ċessjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex jipproteġu lill-awtur u lis-suċċessuri tad-drittijiet tiegħu, u li l-fatt biss li l-limiti ġeografiċi inkwistjoni jikkoinċidu, fejn applikabbli, mal-fruntieri tal-Istati Membri ma jeżiġix pożizzjoni differenti.

119    Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet saru f’kuntest li ma huwiex paragunabbli għal dak tal-każijiet inkwistjoni tal-kawżi prinċipali. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Coditel I, iċċitata iktar ’il fuq, il-kumpanniji tat-distribuzzjoni televiżiva għamlu komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku mingħajr ma kellhom, fl-Istat Membru tal-post ta’ oriġini ta’ din il-komunikazzjoni, awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati u mingħajr ma ħallsu remunerazzjoni għalihom.

120    Min-naħa l-oħra, fil-każijiet inkwistjoni tal-kawżi prinċipali, l-organizzazzjonijiet tax-xandir iwettqu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku meta għandhom proprju fl-Istat Membru ta’ trażmissjoni, li huwa l-Istat Membru tal-lok ta’ oriġini ta’ din il-komunikazzjoni, awtorizzazzjoni min-naħa tal-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati, u jħallsu remunerazzjoni lil dawn tal-aħħar, filwaqt li din ir-remunerazzjoni tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-udjenza attwali u potenzjali fl-Istati Membri l-oħra.

121    Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni li seħħ, b’mod partikolari, minħabba l-adozzjoni tad-Direttiva “televiżjoni mingħajr fruntieri” u ta’ dik dwar ix-xandir bis-satellita li huma intiżi sabiex jiżguraw li s-swieq nazzjonali jsiru suq uniku ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ programmi.

iv)        Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz tal-għan li tiġi inkoraġġita l-preżenza tal-pubbliku fl-istejdjums tal-futbol

122    FAPL et u kif ukoll MPS isostnu, sussidjarjament, li r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija neċessarja sabiex tiżgura l-osservanza tar-regola msejħa ta’ “perijodu ta’ esklużjoni” li tipprojbixxi x-xandir fir-Renju Unit ta’ logħbiet tal-futbol nhar ta’ Sibt wara nofsinhar. Din ir-regola għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-preżenza tal-pubbliku fl-istejdjums matul il-partiti tal-futbol, b’mod partikolari dawk li jaqgħu f’diviżjonijiet iktar baxxi, billi dan l-għan partikolari ma jkunx jista’ jintlaħaq, skont FAPL et u MPS, jekk it-telespettaturi fir-Renju Unit ikunu jistgħu liberament jaraw il-logħbiet tal-“Premier League” imxandra mill-organizzazzjonijiet tax-xandir minn Stati Membri oħra.

123    F’dan ir-rigward, jekk stess jitqies li l-għan li tiġi inkoraġġita din il-preżenza tal-pubbliku fl-istejdjums tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-osservanza ta’ din ir-regola tista’ tiġi żgurata, fi kwalunkwe każ, permezz ta’ limitazzjoni kuntrattwali integrata fil-kuntratt ta’ liċenzjar bejn il-proprjetarji tad-drittijiet u l-organizzazzjonijiet tax-xandir, li skonthom dawn l-organizzazzjonijiet ikunu marbuta li ma jxandrux dawn il-logħbiet tal-“Premier League” matul il-perijodi ta’ esklużjoni. Issa, ma jistax jiġi kkontestat li tali miżura twassal għal inqas ħsara għal-libertajiet fundamentali mill-applikazzjoni tar-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

124    Minn dan isegwi li r-restrizzjoni li tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li tiġi inkoraġġita l-preżenza tal-pubbliku fl-istejdjums tal-futbol.

125    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trendi illeċiti l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu f’dan l-Istat ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin li jippermettu l-aċċess għal servizz ikkowdjat ta’ xandir bis-satellita li joriġina minn Stat Membru ieħor u li jinkludi oġġetti protetti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat.

b)           Fuq l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin wara l-indikazzjoni ta’ identità falza u ta’ indirizz falz u fuq l-użu ta’ dawn l-apparati għal finijiet kummerċjali [id-domanda 8(c) fil-Kawża C-403/08 u d-domanda 6(ii) u (iii) fil-Kawża C-429/08]

126    Permezz tad-domandi tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-konklużjoni pprovduta fil-punt 124 ta’ din is-sentenza hijiex ikkonfutata biċ-ċirkustanzi li, minn naħa, l-apparat ta’ dekodifikazzjoni barrani nkiseb jew ġie attivat permezz tal-indikazzjoni ta’ identità falza u ta’ indirizz falz, bl-intenzjoni li tinqabeż ir-restrizzjoni territorjali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u, min-naħa l-oħra, li dan l-apparat jintuża għal finijiet kummerċjali meta dan kien intiż għal użu ta’ natura privata.

127    Fir-rigward tal-ewwel ċirkustanza, ċertament din jista’ jkollha effetti fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-akkwirent li jkun indika identità falza u indirizz falz u l-persuna li tipprovdi dan l-apparat, peress li din tkun tista’ partikolarment titlob danni mingħand dan l-akkwirent fil-każ fejn l-identità falza u l-indirizz falz, li dan tal-aħħar ikun indika, jikkawżawlu dannu jew jirrenduha responsabbli fil-konfront ta’ organizzazzjoni bħalma hija FAPL. Min-naħa l-oħra, tali ċirkustanza ma tikkonfutax il-konklużjoni pprovduta fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, peress li din ma għandhiex effett fuq in-numru ta’ utenti li jkunu ħallsu għar-riċezzjoni tat-trażmissjonijiet.

128    L-istess huwa applikabbli għat-tieni ċirkustanza meta l-apparat ta’ dekodifikazzjoni jintuża għal finijiet kummerċjali meta dan ikun ġie intiż għal użu ta’ natura privata.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li xejn ma jipprekludi li l-ammont tar-remunerazzjoni miftiehem bejn il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati u l-organizzazzjonijiet tax-xandir jiġi kkalkulat fid-dawl tal-fatt li ċerti klijenti jużaw l-apparati ta’ dekodifikazzjoni b’mod kummerċjali filwaqt li oħrajn jużawh b’mod privat.

130    B’riflessjoni ta’ din iċ-ċirkustanza fuq il-klijenti tagħha, l-organizzazzjoni tax-xandir tista’ għalhekk titlob ħlas differenti għall-aċċess għas-servizzi tagħha skont jekk dan l-aċċess ikollux għan kummerċjali jew privat.

131    Issa, jirriżulta li r-riskju li ċerti persuni jużaw apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin bi ksur tal-għan intiż għalihom huwa paragunabbli għal dak li jkun hemm fil-każ tal-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni fis-sitwazzjonijiet purament interni, jiġifieri fil-każ ta’ użu mill-klijenti residenti fit-territorju tal-Istat Membru tat-trażmissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni ċirkustanza hawn fuq imsemmija ma tistax tiġġustifika restrizzjoni territorjali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u għalhekk, din ma tikkonfutax il-konklużjoni li tinsab fil-punt 125 ta’ din is-sentenza. Dan ma jippreġudikax, madankollu, l-evalwazzjoni ġuridika – mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur – tal-użu tat-trażmissjonijiet bis-satellita għal finijiet kummerċjali wara li dawn jiġu rċevuti, billi din l-evalwazzjoni saret fit-tieni parti ta’ din is-sentenza.

132    Fid-dawl tal-premess, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-konklużjoni li saret fil-punt 125 ta’ din is-sentenza ma hijiex ikkonfutata la miċ-ċirkustanza li l-apparat ta’ dekodifikazzjoni barrani nkiseb jew ġie attivat permezz tal-indikazzjoni ta’ identità falza u ta’ indirizz falz, bl-intenzjoni li tinqabeż ir-restrizzjoni territorjali inkwistjoni u lanqas miċ-ċirkustanza li dan l-apparat huwa użat għal finijiet kummerċjali meta kien intiż għal użu ta’ natura privata.

c)           Fuq id-domandi l-oħra dwar il-moviment liberu (it-tieni parti tad-disa’ domanda fil-Kawża C-403/08 u s-seba’ domanda fil-Kawża C-429/08)

133    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda 8(b) u għall-ewwel parti tad-disa’ domanda fil-Kawża C-403/08, kif ukoll għad-domanda 6(i) fil-Kawża C-429/08, ma hemmx għalfejn isir eżami tat-tieni parti tad-disa’ domanda fil-Kawża C-403/08 u tas-seba’ domanda fil-Kawża C-429/08.

4.           Ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni

134    Permezz tal-għaxar domanda fil-Kawża C-403/08 u permezz tat-tmien domanda fil-Kawża C-429/08, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ liċenzjar esklużiv konkluż bejn proprjetarju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u organizzazzjoni tax-xandir jikkostitwixxux restrizzjoni għall-kompetizzjoni pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, peress li dawn jimponu l-obbligu fuq din l-organizzazzjoni tal-aħħar li ma tipprovdix apparati ta’ dekodifikazzjoni li jrendu l-aċċess għall-oġġetti protetti minn dan il-proprjetarju barra mit-territorju kopert mill-kuntratt ta’ liċenzjar ikkonċernat.

135    Qabelxejn, għandu jitfakkar li ftehim jaqa’ taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 101(1) TFUE meta dan għandu bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Ir-rabta alternattiva bejn dawn it-tnejn timplika li, fl-ewwel lok, għandha tiġi stabbilita l-preżenza ta’ kriterju wieħed, fil-każ ineżami tal-għan tal-ftehim. Huwa biss fit-tieni lok, meta l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jurix grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, li għandu jsir eżami tal-effetti u, sabiex dan jiġi pprojbit, jiġu sodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li kien hemm, fil-fatt, prevenzjoni jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra. p. I‑4529, punt 28, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55).

136    Issa, għall-evalwazzjoni tal-għan possibbilment antikompetittiv ta’ ftehim, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li jrid jipprova jilħaq, kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih huwa japplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Fir-rigward tal-kuntratti ta’ liċenzjar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sempliċi ċirkustanza li tindika li l-proprjetarju ta’ drittijiet ikkonċeda lil persuna awtorizzata waħda d-dritt esklużiv ta’ xandir ta’ oġġett protett minn Stat Membru, u għalhekk il-projbizzjoni tax-xandir tagħha minn oħrajn, matul perijodu determinat, ma hijiex suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li tali ftehim għandu għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et, imsejħa “Coditel II”, 262/81, Ġabra p. 3381, punt 15).

138    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod konformi mal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita, proprjetarju ta’ drittijiet jista’ jikkonċedi, bħala regola ġenerali, lil persuna awtorizzata waħda d-dritt esklużiv ta’ xandir bis-satellita, matul perijodu determinat, ta’ oġġett protett minn Stat Membru tat-trażmissjoni wieħed jew minn diversi Stati Membri.

139    Madankollu, fir-rigward tal-limitazzjonijiet territorjali tal-eżerċizzju ta’ tali dritt, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim li għandu tendenza li jirrikostitwixxi l-qsim f’kompartimenti tas-swieq nazzjonali jista’ jmur kontra l-għan tat-trattat li tinkiseb l-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq bl-istabbiliment ta’ suq uniku. Għalhekk, kuntratti intiżi li jaqsmu s-swieq nazzjonali skont il-fruntieri nazzjonali jew li jrendu d-dħul fis-swieq nazzjonali iktar diffiċli għandhom jiġu kkunsidrati, bħala regola ġenerali, ftehim li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara bħala analoġija, fil-qasam tal-prodotti mediċinali, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C-468/06 sa C-478/06, Ġabra p. I-7139, punt 65, kif ukoll GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 61).

140    Peress li din il-ġurisprudenza tapplika bis-sħiħ fil-qasam tal-provvista transkonfinali tas-servizzi tax-xandir, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 118 sa 121 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, meta kuntratt ta’ liċenzjar ikun intiż li jipprojbixxi jew jillimita l-provvista transkonfinali tas-servizzi tax-xandir, dan jitqies li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, sakemm ċirkustanzi oħra li jaqgħu fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu ma jippermettux li jiġi kkonstatat li tali kuntratt ma jistax joħloq ħsara għall-kompetizzjoni.

141    Fil-każijiet inkwistjoni tal-kawżi prinċipali, l-għoti stess ta’ liċenzji esklużivi għax-xandir ta’ logħbiet tal-“Premier League” ma huwiex ikkontestat. Fil-fatt, dawn il-kawżi ttrattaw biss l-obbligi supplementari intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-limitazzjonijiet territorjali tal-użu ta’ dawn il-liċenzji inklużi fil-klawżoli tal-kuntratti konklużi bejn il-proprjetarji tad-drittijiet u l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikkonċernati, jiġifieri l-obbligu ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li ma jipprovdux apparati ta’ dekodifikazzjoni li jippermettu l-aċċess għall-oġġetti protetti bil-għan li jintużaw barra mit-territorju kopert mill-kuntratt ta’ liċenzjar.

142    Fir-rigward ta’ dawn il-klawżoli, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn jipprekludu lix-xandara milli jipprovdu b’mod transkonfinali s-servizzi marbuta ma’ dawn il-logħbiet, u dan jippermetti li kull xandar jingħata esklużività territorjali assoluta fiż-żona koperta bil-liċenzja tiegħu, u li b’hekk tiġi eliminata kull kompetizzjoni bejn id-diversi xandara fil-qasam ta’ dawn is-servizzi.

143    Min-naħa l-oħra, FAPL et u MPS ma invokaw ebda ċirkustanza li taqa’ fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku ta’ dawn il-klawżoli li tippermetti li jiġi kkonstatat li, minkejja l-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punt preċedenti, dawn il-klawżoli ma jistgħux joħolqu ħsara għall-kompetizzjoni u ma għandhomx, għalhekk, għan antikompetittiv.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ladarba dawn il-klawżoli tal-kuntratti ta’ liċenzjar esklużiv għandhom għan antikompetittiv, għandu jiġi konkluż li huma jikkostitwixxu restrizzjoni għall-kompetizzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

145    Għandu jingħad ukoll li jekk, bħala regola ġenerali, l-Artikolu 101(1) TFUE ma japplikax għal ftehim li jaqa’ fil-kategoriji speċifikati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, peress li klawżoli ta’ kuntratti ta’ liċenzjar bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma humiex konformi mar-rekwiżiti previsti minn dan l-aħħar paragrafu għar-raġunijiet speċifikati fil-punti 105 sa 124 ta’ din is-sentenza, l-ipoteżi tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 101(1) TFUE ma hijiex għalhekk stabbilita.

146    Fid-dawl tal-premess, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ liċenzjar esklużiv konkluż bejn proprjetarju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u organizzazzjoni tax-xandir jikkostitwixxu restrizzjoni għall-kompetizzjoni pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE peress li dawn jimponu l-obbligu fuq din l-organizzazzjoni tal-aħħar li ma tipprovdix apparati ta’ dekodifikazzjoni li jippermettu l-aċċess għall-oġġetti protetti ta’ dan il-proprjetarju bil-għan li dawn jintużaw barra mit-territorju kopert minn dan il-kuntratt ta’ liċenzjar.

B –  Fuq ir-regoli marbuta mal-użu tat-trażmissjonijiet wara r-riċezzjoni tagħhom

1.           Osservazzjonijiet preliminari

147    It-tieni parti tad-domandi preliminari tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk ir-riċezzjoni tat-trażmissjonijiet li jinkludu l-logħbiet tal-“Premier League” kif ukoll ix-xogħlijiet konnessi hijiex suġġetta għal restrizzjoni taħt id-direttivi dwar id-drittijiet tal-awtur u dwar id-drittijiet relatati minħabba l-fatt li din twassal għal riproduzzjonijiet ta’ dawn ix-xogħlijiet fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni kif ukoll minħabba l-wiri ta’ dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku mill-proprjetarji tal-kafetteriji-ristoranti inkwistjoni.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 37 sa 57 ta’ din is-sentenza, żewġ kategoriji ta’ persuni jistgħu jsostnu drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ trażmissjonijiet televiżivi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jiġifieri, minn naħa, l-awturi tax-xogħlijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet tax-xandir.

149    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-awturi, dawn jistgħu jistrieħu fuq id-drittijiet tal-awtur li huma marbuta max-xogħlijiet użati fl-ambitu ta’ dawn it-trażmissjonijiet. Fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li FAPL tista’ ssostni drittijiet tal-awtur fuq diversi xogħlijiet inklużi f’dawn it-trażmissjonijiet imxandra, jiġifieri, b’mod partikolari, fuq is-sekwenza vidjo tal-ftuħ, fuq l-innu tal-“Premier League”, fuq filmati rrekordjati minn qabel li juru l-aħjar mumenti ta’ logħbiet reċenti tal-“Premier League” jew fuq diversi xogħlijiet ta’ grafika.

150    Fir-rigward, imbagħad, tal-organizzazzjonijiet tax-xandir bħal Multichoice Hellas, dawn jistgħu jinvokaw id-dritt li jiffissaw it-trażmissjonijiet tagħhom previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar id-drittijiet relatati, jew id-dritt li jikkomunikaw lill-pubbliku t-trażmissjonijiet tagħhom ipprovdut fl-Artikolu 8(3) ta’ din l-istess direttiva jew id-dritt li jirriproduċu l-iffissar tat-trażmissjonijiet tagħhom, ikkonfermat mill-Artikolu 2(e) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

151    Madankollu, id-domandi mressqa fil-kawżi prinċipali ma jinvolvux tali drittijiet.

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi limitat għall-Artikoli 2(a), 3(1) u 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur li jipproteġu d-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet użati fil-kuntest tat-trażmissjonijiet televiżivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jiġifieri, b’mod partikolari, fuq is-sekwenza vidjo tal-ftuħ, fuq l-innu tal-“Premier League”, fuq il-filmati rrekordjati minn qabel li juru l-aħjar mumenti ta’ logħbiet reċenti tal-“Premier League” jew fuq diversi xogħlijiet ta’ grafika.

2.           Fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (ir-raba’ domanda fil-Kawża C-403/08)

153    B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ riproduzzjoni jestendi għall-kreazzjoni ta’ frammenti tranżitorji ta’ xogħlijiet fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni li jiġu wara xulxin u jitħassru immedjatament u jiġu ssostwiti mill-frammenti sussegwenti. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-evalwazzjoni tagħha għandhiex issir b’riferiment għall-frammenti kollha li jikkostitwixxu total jew biss b’riferiment għal dawk eżistenti f’mument partikolari.

154    Qabelxejn, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ “riproduzzjoni” li jidher fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jkollu, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29).

155    Fir-rigward tal-kontenut tiegħu, diġà ġie rrilevat, fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, li d-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(a) jistgħu jiġu applikati biss fir-rigward ta’ oġġett li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħha stess (sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

156    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-partijiet differenti ta’ xogħol jibbenefikaw minn protezzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjoni kemm-il darba dawn ikunu jinkludu elementi li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess ta’ dan ix-xogħol (sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

157    Dan jimplika li għandu jiġi eżaminat it-total kompost mill-frammenti riprodotti simultanjament – eżistenti għalhekk f’mument partikolari – sabiex jiġi vverifikat jekk dan jinkludix tali elementi. Jekk dan ikun il-każ, dan it-total għandu jiġi kklassifikat bħala riproduzzjoni parzjali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46). F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti li jiġi stabbilit jekk xogħol huwiex riprodott permezz ta’ frammenti lineari li jista’ jkollhom eżistenza effimera peress li dawn jiġu mħassra immedjatament fl-ambitu ta’ proċess tekniku.

158    Huwa fid-dawl tal-premess li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk il-kreazzjoni ta’ frammenti tranżitorji ta’ xogħlijiet fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni twassalx għal riproduzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

159    Konsegwentement, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ riproduzzjoni jestendi għall-frammenti tranżitorji tax-xogħlijiet fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni, kemm-il darba dawn il-frammenti jkollhom elementi li jkunu l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awturi kkonċernati stess, filwaqt li t-total kompost mill-frammenti riprodotti simultanjament għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi vverifikat jekk dan jinkludix tali elementi.

3.           Fuq l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (il-ħames domanda fil-Kawża C-403/08)

160    Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-atti ta’ riproduzzjoni bħalma huma dawk inkwistjoni fil-Kawża C-403/08, li jsiru fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni, jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u, għalhekk, jekk dawn l-atti jistgħux isiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur.

a)           Osservazzjonijiet preliminari

161    Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, att ta’ riproduzzjoni huwa eżentat mid-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tagħha biss jekk huwa jissodisfa ħames kundizzjonijiet, jiġifieri meta:

–        dan l-att huwa temporanju;

–        huwa tranżitorju jew inċidentali;

–        jikkostitwixxi parti integrali u essenzjali ta’ proċess tekniku;

–        l-iskop ta’ dan il-proċess huwa li jippermetti trażmissjoni f’netwerk bejn terzi minn intermedjarju jew użu legali ta’ xogħol jew oġġett protett, u

–        l-imsemmi att ma għandux sinjifikat ekonomiku indipendenti.

162    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta peress li l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali stabbilita minnha li teżiġi li l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur għandu jawtorizza kull riproduzzjoni tax-xogħol protett tiegħu (sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57).

163    Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tippermetti l-protezzjoni tal-effett utli tal-eċċezzjoni hekk stabbilita u l-osservanza tal-għan kif joħroġ b’mod partikolari mill-wieħed u tletin premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 48/2000, stabbilita mill-Kunsill fit-28 ta’ Settembru 2000 fid-dawl tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva (ĠU C 344, p. 1).

164    B’mod konformi mal-għan tagħha, din l-eċċezzjoni għandha għalhekk tippermetti u tiżgura l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll iżżomm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-proprjetarji ta’ drittijiet, min naħa, u l-utenti ta’ xogħlijiet protetti li jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji ġodda, min-naħa l-oħra.

b)           Fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur

165    Huwa paċifiku li l-atti ta’ riproduzzjoni kkonċernati jissodisfaw l-ewwel tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, peress li dawn huma provviżorji, tranżitorji u jifformaw parti integrali minn proċess tekniku li jsir permezz ta’ dekoder tas-satellita u apparat tat-televiżjoni bil-għan li tkun tista’ ssir ir-riċezzjoni tat-trażmissjonijiet imxandra.

166    Għaldaqstant, jibqa’ biss l-evalwazzjoni tal-osservanza tar-raba’ u l-ħames kundizzjonijiet.

167    Fir-rigwrad, qabelxejn, tar-raba’ kundizzjoni, għandu l-ewwel jiġi rrilevat li l-atti ta’ riproduzzjoni kkonċernati ma humiex intiżi sabiex jippermettu trażmissjoni f’netwerk bejn terzi permezz ta’ intermedjarju. Għalhekk, alternattivament, għandu jiġi eżaminat jekk dawn għandhomx l-għan uniku li jippermettu użu leċitu ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett.

168    F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mit-tlieta u tletin premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, użu jitqies li jkun leċitu meta jkun awtorizzat mill-proprjetarju tad-dritt ikkonċernat jew meta dan ma jkunx limitat mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

169    Peress li, fil-kawża prinċipali, l-użu tax-xogħlijiet inkwistjoni ma huwiex awtorizzat mill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk l-atti inkwistjoni humiex intiżi sabiex jippermettu użu ta’ xogħlijiet li ma huwiex limitat mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

170    Fuq dan il-punt, huwa paċifiku li dawn l-atti effimeri ta’ riproduzzjoni jrendu possibbli funzjonament korrett tad-dekoder tas-satellita u tal-iskrin tat-televiżjoni. Mill-perspettiva tat-telespettaturi, dawn irendu possibbli r-riċezzjoni tat-trażmissjonijiet li jinkludu x-xogħlijiet protetti.

171    Issa, sempliċi riċezzjoni ta’ dawn it-trażmissjonijiet bħala tali, jiġifieri l-qbid u l-viżwalizzazzjoni tagħhom, f’ambitu privat, ma tikkostitwixxix att limitat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew minn dik tar-Renju Unit, kif jirriżulta barra minn hekk mid-dikjarazzjoni tal-ħames domanda preliminari fil-Kawża C-403/08, u għalhekk dan l-att huwa leċitu. Barra minn hekk, mill-punti 77 sa 132 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li tali riċezzjoni ta’ trażmissjonijiet għandha tiġi kkunsidrata leċita fil-każ ta’ trażmissjonijiet li joriġinaw minn Stat Membru li ma jkunx dak tar-Renju Unit meta din issir permezz ta’ apparat ta’ dekodifikazzjoni barrani.

172    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom l-għan uniku li jippermettu “użu legali” tax-xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva dwar id-drittjiet tal-awtur.

173    Għalhekk, l-atti ta’ riproduzzjoni, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfaw ir-raba’ kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

174    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ħames kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn l-atti ta’ riproduzzjoni li jsiru fil-kuntest ta’ proċess tekniku jrendi l-aċċess għax-xogħlijiet protetti possibbli. Peress li dawn tal-aħħar għandhom valur ekonomiku, l-aċċess għalihom neċessarjament jassumi minħabba f’hekk sinjifikat ekonomiku.

175    Madankollu, sabiex l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma tiġix ipprivata mill-effett utli tgħha, dan is-sinjifikat għandu jkun ukoll independenti fis-sens li jmur lil hinn mill-benefiċċju ekonomiku bbażat fuq is-sempliċi riċezzjoni ta’ trażmissjoni li tinkludi xogħlijiet protetti, jiġifieri, lil hinn mill-benefiċċju tas-sempliċi qbid u viżwalizzazzjoni tagħha.

176    Fil-kawża prinċipali, l-atti ta’ riproduzzjoni provviżorji, li jsiru fil-memorja tad-dekoder tas-satellita u fuq l-iskrin tat-televiżjoni, jifformaw parti inseparabbli u mhux awtonoma tal-proċess ta’ riċezzjoni tat-trażmissjonijiet imxandra li jinkludu x-xogħlijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, dawn isiru b’mod indipendenti mill-influwenza, anki mill-għarfien, tal-persuni li jkollhom aċċess għax-xogħlijiet protetti.

177    Konsegwentement, dawn l-atti ta’ riproduzzjoni provviżorji ma humiex ta’ natura li jiġġeneraw benefiċċju ekonomiku supplementari li jmur lil hinn mill-benefiċċju bbażat fuq is-sempliċi riċezzjoni tat-trażmissjonijiet inkwistjoni.

178    Minn dan isegwi li l-atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkunsidrati li għandhom sinjifikat ekonomiku indipendenti. Konsegwentement, dawn jissodisfaw il-ħames kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

179    Din il-konstatazzjoni, kif ukoll dik ipprovduta fil-punt 172 ta’ din is-sentenza, huma kkorroborati wkoll mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni li tiżgura l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ teknoloġiji ġodda. Fil-fatt, fil-każ li l-atti inkwistjoni ma jkunux ikkunsidrati li huma konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, it-telespettaturi kollha li jirrikorru għall-apparati moderni, li għall-funzjonament tagħhom jeħtieġu t-twettiq ta’ dawn l-atti ta’ riproduzzjoni, ikunu pprojbiti milli jirċievu t-trażmissjonijiet li jinkludu xogħlijiet imxandra, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur. Issa, dan jostakola, anki jipparalizza, il-propagazzjoni effettiva jew il-kontribuzzjoni effettiva ta’ teknoloġiji ġodda b’mod kuntrarju għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kif espressa fil-wieħed u tletin premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

180    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-atti ta’ riproduzzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-ħames kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

181    Madankollu, sabiex wieħed ikun jista’ jinvoka l-eċċezzjoni prevista mid-dispożizzjoni kkunsidrata, jeħtieġ ukoll li dawn l-atti jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ipprovduti fil-punti 163 sa 179 ta’ din is-sentenza, dawn l-atti jissodisfaw ukoll dawn il-kundizzjonijiet tal-aħħar.

182    Konsegwentement, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-atti ta’ riproduzzjoni bħalma huma dawk inkwistjoni fil-Kawża C-403/08, li jsiru fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u jistgħu għalhekk isiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati.

4.           Fuq il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur (is-sitt domanda fil-Kawża C-403/08)

183    Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trażmissjoni ta’ xogħlijiet imxandra, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u lawdspikers, lill-klijenti preżenti f’kafetterija-ristorant.

184    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma jippreċiżax it-terminu “komunikazzjoni lill-pubbliku” (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C-306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 33).

185    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tiegħu fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni interpretata (sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabelxejn, li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jinftiehem fis-sens wiesa’, kif barra minn hekk jipprovdi b’mod espliċitu t-tlieta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

187    Imbagħad, għandu jiġi rrilevat li, b’mod konformi mal-wieħed u għoxrin premessa tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stabbiliti mid-direttivi fis-seħħ fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, bħalma hija d-Direttiva 92/100 li ġiet ikkodifikata bid-Direttiva dwar id-drittijiet relatati (ara s-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tar-rekwiżiti tal-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-koerenza tiegħu, il-kunċetti użati minn dawn id-direttivi kollha għandu jkollhom l-istess sinjifikat, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx esprima, f’kuntest leġiżlattiv speċifiku, rieda differenti.

189    Fl-aħħar nett, l-imsemmi Artikolu 3(1) għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Berne u t-Trattat dwar id-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tipprevedi l-implementazzjoni ta’ dan it-trattat li jobbliga, fl-Artikolu 1(4) tiegħu, lill-partijiet kontraenti jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne. L-istess obbligu huwa barra minn hekk previst fl-Artikolu 9(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35, 40 u 41, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

190    Huwa fid-dawl ta’ dawn it-tliet elementi li għandha ssir l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, u l-evalwazzjoni ta’ jekk dan ikoprix it-trażmissjoni tax-xogħlijiet imxandra, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers, lill-klijenti preżenti f’kafetterija-ristorant.

191    Fir-rigward, qabelxejn, tal-kunċett ta’ komunikazzjoni, mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar id-drittijiet relatati u mill-Artikoli 2(g) u 15 tat-Trattat dwar il-prestazzjonijiet u l-fonogrammi jirriżulta li tali kunċett jinkludi l-“fatt li l-ħsejjes jew ir-rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes stabbiliti f’fonogramma jiġu reżi awdibbli għall-pubbliku” u li dan jinkludi x-xandir jew “kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku”.

192    B’mod iktar partikolari, u kif l-Artikolu 11 bis(1)(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Berne jindika b’mod espliċitu, dan il-kunċett jinkludi komunikazzjoni permezz ta’ lawdspiker jew bi kwalunkwe strument ieħor li jittrażmetti sinjali, ħsejjes jew immaġni, inkluż – b’mod konformi mal-espożizzjoni tar-raġunijiet tal-proposta għad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur [COM(97) 628 finali] – mezz ta’ komunikazzjoni bħalma hija l-espożizzjoni ta’ xogħlijiet fuq skrin.

193    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma esprimiex rieda differenti fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u b’mod partikolari fl-Artikolu 3 tagħha (ara l-punt 188 ta’ din is-sentenza), il-kunċett ta’ komunikazzjoni għandu jinftiehem b’mod wiesa’, fis-sens li jinkludi kull trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mod jew mill-proċess tekniku użat.

194    Skont din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li proprjetarju ta’ lukanda jwettaq att ta’ komunikazzjoni meta jippermetti lill-klijenti tiegħu jaċċedu għax-xogħlijiet imxandra permezz ta’ apparati tat-televiżjoni, billi jiddistribwixxi, b’għarfien sħiħ, fil-kmamar tal-lukanda s-sinjal irċevut li jġorr xogħlijiet protetti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li tali intervent ma jikkostitwixxix sempliċi mod tekniku sabiex jiggarantixxi jew itejjeb ir-riċezzjoni tat-trażmissjoni oriġinali fiż-żona koperta tagħha, iżda att li mingħajru dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu jgawdu mix-xogħlijiet imxandra, għalkemm jinsabu fi ħdan l-imsemmija żona (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

195    Fil-Kawża C-403/08, il-proprjetarju ta’ kafetterija-ristorant jippermetti b’mod intenzjonat lill-klijenti preżenti f’dan l-istabbiliment jaċċedu għal trażmissjoni mxandra, li jkollha xogħlijiet protetti, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers, ladarba, mingħajr l-intervent ta’ dan il-proprjetarju, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu jgawdu mix-xogħlijiet imxandra, anki jekk dawn ikunu fi ħdan iż-żona ta’ kopertura ta’ din it-trażmissjoni. Ghalhekk, jirriżulta li ċ-ċirkustanzi ta’ tali att huma paragunabbli għal dawk li kienu s-suġġett tas-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-proprjetarju ta’ kafetterija-ristorant iwettaq komunikazzjoni, meta jittrażmetti b’mod intenzjonat xogħlijiet imxandra, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers, lill-klijenti preżenti f’dan l-istabbiliment.

197    Madankollu, sabiex jiġi rrilevat, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, jeħtieġ ukoll li x-xogħol imxandar ikun trażmess lil pubbliku ġdid, jiġifieri lil pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-awturi tax-xogħlijiet protetti meta awtorizzaw l-użu tagħhom permezz tal-komunikazzjoni lill-pubbliku oriġinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 42, kif ukoll id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon, C-136/09, punt 38).

198    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bl-awtorizzazzjoni tax-xandir tax-xogħlijiet tagħhom, dawn l-awturi jieħdu inkunsiderazzjoni biss, bħala regola ġenerali, lid-detenturi ta’ apparati tat-televiżjoni li, individwalment jew fl-ambitu privat jew tal-familja tagħhom, jirċievu s-sinjal u jsegwu t-trażmissjonijiet. Issa, meta trażmissjoni ta’ xogħol imxandar issir f’lok aċċessibbli għall-pubbliku bil-ħsieb li jkun hemm iktar pubbliku għand id-detentur tal-apparat tat-televiżjoni sabiex igawdi mis-smigħ u l-viżwalizzazzjoni tax-xogħol, tali intervent intenzjonat għandu jiġi kkunsidrat li huwa att li permezz tiegħu x-xogħol inkwistjoni huwa kkomunikat lil pubbliku ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u d-digriet Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

199    Dan huwa l-każ meta jkun hemm trażmissjoni tax-xogħlijiet imxandra mill-proprjetarju ta’ kafetterija-ristorant lill-klijenti preżenti f’dan l-istabbiliment, peress li dawn il-klijenti jikkostitwixxu pubbliku supplementari li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-awturi fl-awtorizzazzjoni tax-xandir tax-xogħlijiet tagħhom.

200    Barra minn hekk, sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, ix-xogħol imxandar għandu jkun trażmess lil “pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni”, fis-sens tat-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur.

201    F’dan ir-rigward, mill-Pożizzjoni Komuni Nru 48/2000 hawn fuq imsemmija jirriżulta li din il-premessa ssegwi l-proposta tal-Parlament Ewropew li xtaq jippreċiża, fiha, li l-komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-imsemmija direttiva ma tkoprix “ir-rappreżentazzjonijiet jew eżekuzzjonijiet diretti”, kunċett li jirreferi għal dak tar-“rappreżentazzjoni u l-eżekuzzjoni pubblika” previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Berne, peress li dan il-kunċett tal-aħħar jinkludi l-interpretazzjoni tax-xogħlijiet quddiem il-pubbliku li jkun f’kuntatt fiżiku u dirett mal-awtur jew l-eżekutur ta’ dawn ix-xogħlijiet (ara l-Gwida għall-Konvenzjoni ta’ Berne, dokument interpretattiv imfassal mill-WIPO li, minkejja n-nuqqas ta’ saħħa mandatorja tagħha, tikkontribwixxi madankollu għall-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 41 tas-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq).

202    Għalhekk, sabiex tali rappreżentazzjoni u eżekuzzjoni pubblika diretta tiġi eskluża mill-portata tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fil-kuntest tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, l-imsemmija tlieta u għoxrin premessa ppreċiżat li l-komunikazzjoni lill-pubbliku tkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni.

203    Issa, tali element ta’ kuntatt fiżiku u dirett huwa preċiżament nieqes fil-każ ta’ trażmissjoni, f’post bħal kafetterija-ristorant, ta’ xogħol imxandar permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers lill-pubbliku preżenti fil-post ta’ din it-trażmissjoni iżda mhux fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni fis-sens tat-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, jiġifieri fil-post tar-rappreżentazzjoni mxandra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

204    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li natura lukrattiva ta’ “komunikazjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur ma hijiex irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

205    F’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, ma jistax jiġi kkontestat li, minn naħa, il-proprjetarju jwettaq t-trażmissjoni tax-xogħlijiet imxandra fil-kafetterija-ristorant tiegħu bil-għan li jagħmel profitt u, min-naħa l-oħra, li din it-trażmissjoni tista’ tattira klijenti interessati fix-xogħlijiet hekk trażmessi. Konsegwentement, it-trażmissjoni inkwistjoni għandha effett fuq il-klijentela ta’ dan l-istabbiliment u, fuq kollox, fuq ir-riżultati ekonomiċi tiegħu.

206    Minn dan isegwi li l-komunikazzjoni lill-pubbliku inkwistjoni għandha natura lukrattiva.

207    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trażmissjoni ta’ xogħlijiet imxandra, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers, lill-klijenti preżenti f’kafetterija-ristorant.

5.           Fuq l-effett tad-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita (is-seba’ domanda fil-Kawża C-403/08)

208    Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita għandhiex effett fuq il-legalità tal-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita jipprevedi biss armonizzazzjoni minima ta’ ċerti aspetti tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita jew b’ritrażmissjoni bil-kejbil ta’ trażmissjonijiet li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Issa, b’mod differenti mid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, dawn ir-regoli ta’ armonizzazzjoni minima ma jipprovdux elementi għad-determinazzjoni tal-legalità tal-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 2000, Egeda, C-293/98, Ġabra p. I-629, punti 25 u 26, kif ukoll SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

210    Konsegwentement, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li d-Direttiva dwar ix-xandir bis-satellita għandha tiġi interpretata fis-sens li ma għandhiex effett fuq il-legalità tal-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni.

IV –  Fuq l-ispejjeż

211    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li dan la jkopri l-apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin – li jagħtu aċċess għas-servizzi ta’ xandir bis-satellita ta’ organizzazzjoni tax-xandir, huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati bl-awtorizzazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni, iżda huma użati, kontra r-rieda ta’ din tal-aħħar, barra miż-żona ġeografika li għaliha dawn ngħataw –, la dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz u lanqas dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati.

2)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/84/KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, inklużi dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz jew dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati, peress li tali leġiżlazzjoni ma taqax fil-qasam ikkoordinat minn din id-direttiva.

3)      L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li

–        dan l-artikolu jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trendi illeċiti l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu f’dan l-Istat ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin li jippermettu l-aċċess għal servizz ikkowdjat ta’ xandir bis-satellita li joriġina minn Stat Membru ieħor u li jinkludi oġġetti protetti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat,

–        din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata la miċ-ċirkustanza li l-apparat ta’ dekodifikazzjoni barrani nkiseb jew ġie attivat permezz tal-indikazzjoni ta’ identità falza u ta’ indirizz falz, bl-intenzjoni li tinqabeż ir-restrizzjoni territorjali inkwistjoni u lanqas miċ-ċirkustanza li dan l-apparat huwa użat għal finijiet kummerċjali meta kien intiż għal użu ta’ natura privata.

4)      Il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ liċenzjar esklużiv konkluż bejn proprjetarju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u organizzazzjoni tax-xandir jikkostitwixxu restrizzjoni għall-kompetizzjoni pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE peress li dawn jimponu l-obbligu fuq din l-organizzazzjoni tal-aħħar li ma tipprovdix apparati ta’ dekodifikazzjoni li jippermettu l-aċċess għall-oġġetti protetti ta’ dan il-proprjetarju bil-għan li dawn jintużaw barra mit-territorju kopert minn dan il-kuntratt ta’ liċenzjar.

5)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ riproduzzjoni jestendi għall-frammenti tranżitorji tax-xogħlijiet fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni, kemm-il darba dawn il-frammenti jkollhom elementi li jkunu l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awturi kkonċernati stess, filwaqt li t-total kompost mill-frammenti riprodotti simultanjament għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi vverifikat jekk dan jinkludix tali elementi.

6)      L-atti ta’ riproduzzjoni bħalma huma dawk inkwistjoni fil-Kawża C‑403/08, li jsiru fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 u jistgħu għalhekk isiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati.

7)      Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trażmissjoni ta’ xogħlijiet imxandra, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers, lill-klijenti preżenti f’kafetterija-ristorant.

8)      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma għandhiex effett fuq il-legalità tal-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa fil-memorja ta’ dekoder tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.