Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Linz (l-Awstrija) fil-25 ta’ Frar 2020 – Land Oberösterreich vs KV

(Kawża C-94/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Linz

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Land Oberösterreich

Appellat: KV

Domandi preliminari

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oberösterreichisches Wohnbauförderungsgesetz (il-Liġi tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq dwar l-Appoġġ għall-Kostruzzjoni ta’ Akkomodazzjoni, iktar ’il quddiem l-“oöWFG”), li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38/KE 2 l-benefiċċju soċjali ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109, teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku, jekk din l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tkun intiża sabiex ittaffi l-piż li jirriżulta mill-ispejjeż tal-akkomodazzjoni meta l-imsemmi piż ma jkunx raġonevoli, minkejja li benefiċċju soċjali ieħor (il-garanzija ta’ riżorsi minimi sabiex jiġi żgurat li jiġu koperti l-bżonnijiet kif previst taħt l-oberösterreichisches Mindestsicherungsgesetz (il-Liġi tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq dwar il-Garanzija ta’ Riżorsi Minimi) huwa intiż ukoll sabiex jiggarantixxi lill-persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà soċjali minimu għall-għajxien (inklużi l-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni)?

Il-projbizzjoni ta’ “diskriminazzjoni diretta jew indiretta” bbażata fuq “l-oriġini tar-razza jew l-etniċità” stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43/KE 3 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-ŻEE u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38 benefiċċju soċjali (l-għajnuna għall-akkomodazzjoni taħt l-oöWFG) mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109), teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-ŻEE u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38 benefiċċju soċjali (l-għajnuna għall-akkomodazzjoni taħt l-oöWFG) mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109), teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2003/109 tal- 25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

2     Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46)

3     Direttiva tal-Kunsill 2000/43 tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).