Language of document : ECLI:EU:F:2014:14

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Qorti Plenarja)

12 ta’ Frar 2014

Kawża F‑127/11

Gonzalo de Mendoza Asensi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/177/10 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni — Komunikazzjoni tas-suġġetti ta’ eżami — Stabbiltà tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. de Mendoza Asensi jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/177/10 li ma jinkludix l-isem tiegħu fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. G. de Mendoza Asensi għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Modalitajiet u kontenut tal-eżamijiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni — Stabbiltà suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-evalwazzjoni konsistenti tal-kandidati — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27 u Anness III, Artikolu 3)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni — Uffiċjali kkollokati mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Ammissibbiltà — Influwenza tal-EPSO fuq ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 30 u Anness III, Artikolu 3)

1.      Huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jħares strettament għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, għalkemm il-Bord tal-Għażla jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-modalitajiet u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet, hija madankollu l-qorti tal-Unjoni li għandha teżerċita l-istħarriġ tagħha sa fejn huwa neċessarju sabiex tiżgura trattament ugwali tal-kandidati u l-oġġettività tal-għażla bejniethom min-naħa tal-Bord tal-Għażla.

F’dan il-kuntest, hija wkoll l-Awtorità tal-Ħatra, bħala organizzatur tal-kompetizzjoni, kif ukoll tal-Bord tal-Għażla li għandhom jaraw li l-kandidati kollha fl-istess kompetizzjoni jagħmlu, għal dak li jikkonċerna l-eżamijiet bil-miktub, l-istess eżami taħt l-istess kundizzjonijiet. B’hekk, huwa l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li għandu jiżgura ruħu li l-eżamijiet jippreżentaw effettivament l-istess livell ta’ diffikultà għall-kandidati kollha.

Issa, kull kompetizzjoni għandha, b’mod ġenerali u fiha nnifisha, riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, fid-dawl tan-natura neċessarjament limitata tan-numru ta’ mistoqsijiet li jistgħu jsiru waqt eżami fir-rigward ta’ suġġett speċifiku. Għalhekk ġie ammess li jista’ jiġi kkonstatat li hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss meta l-Bord tal-Għażla ma jkunx illimita, waqt l-għażla tal-eżamijiet, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs inerenti, bħala regola ġenerali, għal kull eżami.

Għalhekk, fid-dawl tal-obbligi li għandu Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, id-deċiżjoni li kandidat ma jiġix inkluż f’lista ta’ riżerva għandha tiġi annullata jekk jirriżulta li l-kompetizzjoni kienet organizzata b’mod li tiġġenera riskju ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ogħla minn dak inerenti għal kull kompetizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-kandidat ikkonċernat jipproduċi l-prova li ċerti kandidati effettivament kienu vvantaġġati.

Dan ma huwiex il-każ meta l-eżamijiet ta’ kompetizzjoni jipprovdu stidju ta’ każ iddeklinat f’numru ta’ varjanti li jkunu għalhekk ikkonċepiti sabiex, filwaqt li jkollhom l-istess livell ta’ diffikultà, huma jinkludu differenzi kkaratterizzati biżżejjed b’tali mod li l-kandidati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn għarfien eventwali minn qabel ta’ varjanti oħra.

(ara l-punti 43 sa 46 u 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Ottubru 1976, Prais vs Il‑Kunsill, 130/75, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑100/04, punti 132 u 133

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ April 2010, Matos Martins vs Il‑Kummissjoni, F‑2/07, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-obbligu li jiġu rreklutati uffiċjali li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, impost mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal lill-istituzzjonijiet, jimplika li l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandhom iħarsu, kull wieħed fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, sabiex il-kompetizzjonijiet jiżvolġu billi jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati u ta’ oġġettività tal-immarkar. Għal dan il-għan, il-Bord tal-Għażla għandu l-obbligu li jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-kandidati kollha kkonċernati, billi jiżgura b’mod partikolari l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu tul l-eżamijiet.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li meta, minħabba indisponibbiltà, il-membri titolari ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ġew issostitwiti, għall-eżamijiet li saru minn ċerti kandidati, minn membri supplenti sabiex il-Bord tal-Għażla jkun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu f’terminu raġonevoli, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tista’ madankollu tibqa’ stabbli biżżejjed jekk il-Bord tal-Għażla jistabbilixxi l-koordinazzjoni neċessarja sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ mmarkar.

Fl-istess sens, il-miżuri adottati minn Bord tal-Għażla bil-għan li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu evalwati fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tar-reklutaġġ organizzat u tar-rekwiżiti prattiċi inerenti għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma l-Bord tal-Għażla jista’ madankollu jeskludi l-osservanza tal-garanziji fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati u tal-oġġettività tal-għażla bejniethom.

B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni u tal-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, huwa suffiċjenti, sabiex tiġi ggarantita n-natura komparattiva tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla, li l-istabbiltà tagħha tinżamm biss f’ċerti fażijiet tal-kompetizzjoni.

Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sistema ta’ selezzjoni li fiha l-istabbiltà tal-Bord tal-Għażla hija ggarantita biss f’ċerti fażijiet importanti tal-proċedura iżda li fiha l-ugwaljanza ta’ trattament tal-kandidati hija ggarantita bl-identiċità tal-metodi ta’ ħidma u l-applikazzjoni ta’ kriterji identiċi ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-kandidati.

(ara l-punti 64, 65, 67 sa 69 u 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Mejju 2000, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99, punt 87; 24 ta’ Settembru 2002, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑92/01, punti 24 sa 26; 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑19/03, punt 43; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il‑Kummissjoni, T‑336/02, punt 44; Giannini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 208 sa 216

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2010, Honnefelder vs Il‑Kummissjoni, F‑41/08, punt 35

3.      Ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxi li l-membri tal-Bord tal-Għażla jkunu uffiċjali kkollokati mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) speċifikament sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ membri tal-Bord tal-Għażla.

Barra minn hekk, mis-sempliċi fatt li l-membri tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jkunu uffiċjali kkollokati mal-EPSO sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għal perijodu limitat ma jistax jiġi dedott li l-EPSO eżerċitat, permezz ta’ dawn l-uffiċjali, xi tip ta’ influwenza fuq il-ħidma tal-Bord tal-Għażla.

(ara l-punti 83 u 84)