Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fil-21 ta’ Novembru 2018 – Cali Apartments SCI vs Procureur général près la cour d’appel de Paris, Ville de Paris

(Kawża C-724/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cali Apartments SCI

Konvenuti: Procureur général près la cour d’appel de Paris, Ville de Paris

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 1 , fid-dawl tad-definizzjoni tas-suġġett u tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha permezz tal-Artikoli 1 u 2 tagħha, tapplika għal kiri bi ħlas, anki għal skop mhux professjonali, b’mod ripetut u għal perijodi qosra ta’ żmien, ta’ proprjetà bl-għamara għal użu residenzjali li ma tikkostitwixxix ir-residenza prinċipali tal-inkwilin, lil klijenti għal żmien qasir, li ma jkollhomx hemm id-domiċilju tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċetti ta’ fornituri u ta’ servizzi?

F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista bl-Artikolu L.631-7 tal-code de la construction et de l’habitation (il-Kodiċi tal-Bini u tal-Abitazzjoni), tikkostitwixxi skema ta’ awtorizzazzjoni tal-attività msemmija qabel fis-sens tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 tat-12 ta’ Diċembru 2006 jew hija biss rekwiżit suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 15?

Fil-każ li l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 japplikaw:

L-Artikolu 9(b) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tal-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ residenzi għall-kiri jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika miżura nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni, f’ċerti żoni ġeografiċi, il-kiri ta’ proprjetà bl-għamara ddestinata għall-abitazzjoni b’mod ripetut għal perijodi qosra ta’ żmien lil klijenti li ma jkollhomx hemm id-domiċilju tagħhom?

Fl-affermattiv, tali miżura hija proporzjonali għall-għan segwit?

L-Artikolu 10(2)(d) u (e) tad-direttiva jipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni l-fatt li proprjetà bl-għamara ddestinata għall-abitazzjoni tinkera “b’mod ripetut”, għal “perijodi qosra ta’ żmien”, lil “klijenti għal żmien qasir li ma jkollhomx hemm id-domiċilju tagħhom”?

L-Artikolu 10(2)(d) sa (g) tad-Direttiva jipprekludi skema ta’ awtorizzazzjoni li tipprevedi li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni għandhom jiġu stabbiliti, b’deċiżjoni tal-kunsill komunali, fid-dawl tal-għanijiet ta’ taħlit soċjali, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-swieq tal-proprjetajiet ta’ abitazzjoni u tal-ħtieġa li ma jikbirx in-nuqqas ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni?

____________

1 Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).