Language of document : ECLI:EU:F:2008:103

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2008

Kawża F-147/06

Adriana Dragoman

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami orali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Drogman talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal‑kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/44/06 intiża sabiex tistabbilixxi lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti (AD 7) tal-lingwa Rumena, tas-27 ta’ Ottubru 2006, li tat lir‑rikorrenti marka ta’ 18/40 għall-eżami bil-miktub (b), kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, tad-29 ta’ Novembru 2006, li ċaħdet it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Organizzazzjoni tax-xogħol

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Kompożizzjoni – Kwalifika tal‑membri sabiex jevalwaw oġġettivament l-eżamijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

3.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Obbligu tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jiżguraw għall-kandidati kollha żvolġiment kalm u regolari tal-eżamijiet

4.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Ċaħda ta’ kandidatura – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Artikolu 253 KE; Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25; Anness III, Artikolu 6)

5.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

6.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Regoli applikabbli – Invokabbiltà ta’ dritt nazzjonali – Esklużjoni

1.      Ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxi lil Bord tal‑Għażla milli juża l-Franċiż bħala lingwa tax-xogħol.

(ara l-punti 43 u 44)

2.      Biex jiġi kkostitwit skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u l‑Artikolu 3 tal-Anness III tagħhom, Bord tal-Għażla għandu jiġi kompost b’tali mod li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal‑prestazzjoni ta’ kandidati fl-eżamijiet fir-rigward tal-kwalitajiet professjonali mistennija.

L-iżbalji ta’ ortografija u ta’ sintassi mwettqa mill-korretturi fil-formola ta’ evalwazzjoni ta’ eżami bil-miktub ma jippermettux, fihom infushom, u minħabba l-limitazzjonijiet li għandhom il-membri tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fejn hemm parteċipazzjoni numeruża, li jiġu ddubitati l‑kompetenzi professjonali u l‑oġġettività tal-membri tal-Bord tal-Għażla.

(ara l-punti 49 u 52)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Settembru 2001, Svantesson et vs Il‑Kunsill, T‑160/99, ĠabraSP p. I‑A‑175 u II‑799, punt 32

3.      Hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet Komunitarji, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, li jiġi żgurat lill-kandidati kollha fil-kompetizzjoni żvolġiment l-iktar kalm u regolari possibbli tal-eżamijiet. Għal dan il-għan, l-amministrazzjoni hija obbligata li tiżgura li jkun hemm organizzazzjoni tajba tal-kompetizzjoni.

Madankollu, il-pubblikazzjoni tal-kompożizzjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tlett ijiem qabel il-bidu tal-eżami, minflok madwar ħmistax-il jum provdut mill-avviż tal‑kompetizzjoni, ma tistax tinvalida bħala illegali d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tagħti ċerta marka lil kandidat li ma jistabbilixxix li, kieku kellu għarfien tal‑kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla fit-terminu preskritt mill‑imsemmi avviż, il-marka miksuba setgħet tkun differenti.

(ara l-punti 67 sa 69)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Marzu 1993, Delloye et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/92, Ġabra p. II‑221, punt 24; 9 ta’ Novembru 1999, Papadeas vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑102/98, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1091, punt 68

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, previst fl‑Artikolu 253 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal‑Persunal, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna interessata l‑informazzjoni meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju.

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal‑Bord tal-Għażla, skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Din is-segretezza ġiet stabbilita sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-bordijiet tal‑għażla ta’ kompetizzjoni u l‑oġġettività tal-ħidma tagħhom, billi tippermettilhom li jkunu ħielsa minn kull indħil u pressjonijiet esterni, kemm jekk ġejjin mill-amministrazzjoni Komunitarja stess, minn kandidati interessati jew minn terzi persuni. L-osservanza ta’ dan is-sigriet jipprekludi, għalhekk, kemm l‑iżvelar tal‑atittudnijiet tal-membri individwali tal-Bord tal-Għażla kif ukoll l‑iżvelar tal‑elementi kollha relatati mal‑evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva dwar il-kandidati.

Minħabba s-segretezza li għandu jkun hemm fix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, il‑komunikazzjoni tal-marki miksuba fl-eżamijiet varji tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Tali motivazzjoni ma tiksirx id‑drittijiet tal-kandidati. Din tippermettilhom li jkunu mgħarrfa bl-evalwazzjoni li tkun saret fir-rigward tal-prestazzjonijiet tagħhom u li jivverifikaw, jekk ikun il‑każ, li effettivament ma jkunux kisbu n-numru ta’ punti meħtieġa skont l-avviż tal-kompetizzjoni sabiex ikunu ammessi għal ċerti eżamijiet jew għall-eżamijiet kollha.

(ara l-punti 75 sa 78)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; 4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punti 23 u 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punt 67; 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00, ĠabraSP p. I‑A‑105 u II‑541, punti 43 u 44; 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑19/03, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑107, punti 27, 32 u 33

5.      Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu sabiex jevalwa r-riżultati tal-eżamijiet, il-Bord tal-Għażla ma huwiex obbligat, meta jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu li ma jaċċettax kandidat għal eżami, li jiċċara t-tweġibiet tal-kandidat li kienu ġew ikkunsidrati insuffiċjenti jew li jispjega għaliex dawn ir-risposti kienu meqjusa inadegwati.

Għalhekk, ikun sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-Bord tal-Għażla meta jgħaddi lill-kandidat kemm il-marka miksuba fl-eżami bil-miktub, il-kopja tal-eżami stess u kif ukoll il-formola ta’ evalwazzjoni ta’ dan l-eżami, liema formola tippermetti lil dan tal-aħħar li jagħraf il-kriterji ta’ evalwazzjoni użati mill-Bord tal-Għażla u li jagħraf l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-kwalità tal‑prestazzjoni skont il-parametri li jkunu ġew stabbiliti minn qabel.

(ara l-punti 79, 82 u 84)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Konstantopoulou vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34

6.      Il-proċedura ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali Komunitarji hija suġġetta biss għad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-atti meħuda għall‑applikazzjoni tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kandidat ma jistax validament jinvoka, kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, ksur, mill-Bord tal‑Għażla, ta’ dritt nazzjonali.

(ara l-punti 88 u 89)