Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2018 minn Deza, a.s. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-24 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-400/17, Deza vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-813/18  P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellanti: Deza, a.s. (rappreżentant: P. Dejl, advokát)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-400/17 ;

tannulla parzjlament ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/776 1 tal-4 ta’ Mejju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, safejn dan jikkonċerna il-klassifikazzjoni u l-ittikettar tas-sustanza antrakinon ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-appell odjhern, kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-apell tagħha l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-Regolament CLP 2 , u b’mod partikolari il-prinċipji bażiċi tiegħu: (i) is-sustanza studjata u kklassifikata għandha titpoġġa fis-suq tal-UE; (ii) ir-rabta kawżali bejn is-sustanza u l-effetti karċinoġenti fost l-annimali tal-laboratorju għandha tintwera permezz ta’ provi suffiċjenti; (iii) il-provi suffiċjenti għandhom jinkisbu permezz ta’ studji xjentifiċi affidabbli u aċċettabbli; u (iv) il-klassifkazzjoni tas-sustanza għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni xjentifika ġdida u t-tekniki u l-progress tekniku iu xjentifiku.

Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-klassifikazzjoni tal-antrakinon u b’mod iktar speċifiku il-parti kkontestata tar-regolament tal-Kummissjoni mingħajr ma osservat ir-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonjiet u l-organi tal-UE, u żnaturat il-fatti u l-provi.

Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Billi wetqet l-iżbalji suesposti, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tar-rikorrenti u l-prinċipji sanċiti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt għal godiment tal-beni u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

____________

1     ĠU 2017, L 116, p. 1.

2     Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (JO 2008, L 353, p. 1).