Language of document : ECLI:EU:T:2019:57

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

5 ta’ Frar 2019 (*)

“Varjetajiet ta’ pjanti – Applikazzjoni għal drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà ta’ pjanti Braeburn 78 (11078) – Ħatra ta’ uffiċċju ta’ eżami ieħor – Portata tal-eżami li għandu jitwettaq mill-Bord tal-Appell – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑177/16,

Mema GmbH L.G., stabbilita f’Terlano (l-Italja), irrappreżentata minn B. Breitinger u S. Kirschstein-Freund, avukati,

rikorrenti,

vs

Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad, F. Mattina, O. Lamberti u U. Braun-Mlodecka, bħala aġenti, assistiti minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell taċ-CPVO tal-15 ta’ Diċembru 2015 (Każ A 001/2015), dwar applikazzjoni għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà ta’ pjanti Braeburn 78,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President tal-Awla, V. Kreuschitz u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ükelyté, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ April 2016,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2016,

wara l-emenda għall-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura tal-24 ta’ Ottubru 2016,

wara li rat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura tat-22 ta’ Marzu 2018,

wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Regolament bażiku

1        Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), id-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti jingħataw għal varjetajiet li jkunu distinti, uniformi, stabbli u ġodda.

2        Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, varjetà tiġi kkunsidrata li hija distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar b’riferiment għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta’ ġenotipi partikolari, minn kull varjetajiet oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

3        Il-kwistjoni dwar jekk il-kriterji ta’ distinzjoni, ta’ uniformità u ta’ stabbiltà humiex issodisfatti f’każ partikolari għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ eżami tekniku mwettaq skont l-Artikoli 55 u 56 tar-Regolament bażiku.

4        Skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament bażiku, huwa previst dan li ġej:

“1. Meta [l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti] ma jkunx skopra xi impediment għall-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fuq il-bażi ta’ l-eżami [fir-rigward tal-kundizzjonijiet formali u sostantivi previsti] fl-Artikoli 53 u 54 ma jkunx skopra xi impediment għall-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, għandu jieħu ħsieb għall-eżami tekniku li jirrelata mal-konformità tal-[kriterji ta’ distinzjoni, ta’ uniformità u ta’ stabbiltà] sabiex isiru mill-uffiċċju jew l-uffiċċji kompetenti f’ta’ mill-anqas wieħed mill-Istati Membri fdati bir-reponsabbiltà ta’ l-eżami tekniku tal-varjetajiet tal-ispeċi kkonċernati mill-Kunsill Amministrattiv [tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti] hawnhekk iżjed ’il quddiem imsemmi ‘L-Uffiċċju jew l-Uffiċċji ta’ l-Eżami’.”

5        Skont l-Artikolu 56 tar-Regolament bażiku, l-eżamijiet tekniċi għandhom jitwettqu skont il-prinċipji gwida fformulati mill-Kunsill Amministrattiv u skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO). Dawn il-prinċipji gwida jiddeskrivu, b’mod partikolari, il-materjal ta’ pjanti meħtieġ għall-eżami tekniku, il-modalitajiet tat-testijiet, il-metodi li għandhom jiġu applikati, l-osservazzjonijiet li għandhom isiru, il-ġbir flimkien tal-varjetajiet inklużi fit-test, kif ukoll it-tabella tal-karatteristiċi li għandhom jiġu eżaminati. Fil-kuntest tal-eżami tekniku, il-pjanti tal-varjetà kkonċernata jiġu kkultivati maġenb dawk tal-varjetajiet li ċ-CPVO u ċ-ċentru tal-eżami maħtur iqisu li huma l-varjetajiet li l-varjetà kandidata hija l-iktar qrib tagħhom, abbażi tad-deskrizzjoni tagħha fid-deskrizzjoni teknika li tifforma parti mill-applikazzjoni għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

6        L-Artikolu 57(1) sa (3) tar-Regolament bażiku jipprevedi:

“1. L-Uffiċċju ta’ l-Eżami għandu, fuq talba [taċ-CPVO] jew jekk jitqies li r-riżultati ta’ l-eżami tekniku ikun adekwat biex jevalwa l-varjetà, jibgħat [liċ-CPVO] rapport ta’ l-eżami, u, meta jidhirlu li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 9 ikunu konformi, id-deskrizzjoni tal-varjetajiet.

2. [Iċ-CPVO] għandu jikkomunika r-riżultat ta’ l-eżamijiet tekniċi u d-deskrizzjoni tal-varjetajiet lill-applikant u għandu jagħtih l-opportunità li jikkummenta dwar dan.

3. Meta [iċ-CPVO] ma jikkonsidrax ir-rapport ta’ l-eżami li jkollu bażi suffiċjenti għal deċiżjoni, jista’ jipprovdi minn jeddu, wara konsultazzjoni ma’ l-applikant, jew fuq talba ta’ l-applikant għall-eżami komplementarju. Għall-għanijiet ta’ l-assessjar tar-riżultati, kull eżami komplementari magħmul sakemm tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 61 u 62 issir finali għandu jitqies li jkun parti mill-eżami msemmi fl-Artikolu 56(1).”

7        Fir-rigward tar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti quddiem iċ-CPVO, l-Artikolu 72 tar-Regolament bażiku jipprovdi dan li ġej:

“Il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi l-appell fuq il-bażi ta’ l-eżami magħmul skond l-Artikolu 71. Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jeżerċita kull setgħta li hemm fi ħdan il-kompetenza [taċ-CPVO] għal aktar azzjoni. Dan ta’ l-aħħar għandu, sakemm il-fatti jkunu l-istess, jintrabat bir-razzjonalità deċenti tal-Bord ta’ l-Appell.”

8        L-Artikolu 75 tar-Regolament bażiku jipprovdi dan li ġej:

“Id-deċiżjonijiet [taċ-CPVO] għandhom ikollhom magħhom dikjarazzjoni tal-bażi li fuqhom ikunu bbażati. Għandhom ikunu bbażati biss fuq bażi jew xiehda li tagħhom il-partijiet fil-proċeduri kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom orali jew bil-miktub.”

9        L-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku jipprevedi dan li ġej:

“Fi proċeduri quddiemu [iċ-CPVO] għandu jagħmel investigazzjonijiet fuq il-fatti minn jeddu, sal-limitu li dawn jaqgħu taħt l-eżami skond l-Artikoli 54 u 55. Għandu jiskarta fatti jew bċejjeċ ta’ xiehda li ma jkunux intbagħtu fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Uffiċċju.”

 Protokoll CPVO-TP/14/2 finali

10      Skont il-punt I tal-Protokoll TP/14/2 finali taċ-CPVO tal-14 ta’ Marzu 2006 dwar l-eżamijiet tad-distintività, tal-uniformità u tal-istabbiltà (Tuffieħ) (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll CPVO TP/14/2”), huwa previst dan li ġej:

“Il-Protokoll jiddeskrivi l-proċeduri tekniċi li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi ssodisfatt ir-Regolament bażiku. Il-proċeduri tekniċi ġew approvati mill-Kunsill Amministrattiv u huma bbażati fuq id-dokument ġenerali TG/1/3 tal-[Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti] u fuq il-linji gwida tal-[Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti] TG/14/9 tas-6 ta’ April 2005 għat-twettieq tat-testijiet tad-DUS. Dan il-protokoll japplika għall-varjetajiet ta’ frott Malus domestica Borkh.” (1) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Skont l-aħħar subparagrafu tal-punt III.5 tal-Protokoll CPVO-TP/14/2, huwa previst dan li ġej:

“L-osservazzjonijiet dwar il-frott għandhom isiru […] fil-mument tal-maturità tal-ikel.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Skont il-punt Ad 56 tal-Protokoll CPVO-TP/14/2, huwa previst dan li ġej:

“Żmien ta’ ħsad

Iż-żmien ta’ ħsad huwa ż-żmien ta’ qtugħ ottimali sabiex jinkiseb frott fl-aħjar kundizzjoni biex jittiekel (ara [punt] Ad. 57).”(2) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Skont il-punt Ad 57 tal-Protokoll CPVO-TP/14/2, huwa previst dan li ġej:

“Żmien ta’ maturità tal-ikel

Iż-żmien ta’ maturità tal-ikel huwa l-perijodu li matulu l-frott ikun laħaq kulur, sodizza, konsistenza, aroma u togħma ottimali għall-konsum. Skont it-tip ta’ frott, dan il-perijodu jista’ jseħħ direttament wara li jinqata’ mis-siġra (pereżempju, għal varjetajiet bikrin) jew wara perijodu ta’ ħżin jew imballaġġ (pereżempju, għal varjetajiet tardivi).” (3) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Fl-20 ta’ Mejju 2009, Johann Huber, proprjetarju tar-rikorrenti, Mema GmbH LG, ippreżenta applikazzjoni għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti quddiem iċ-CPVO, skont ir-Regolament bażiku. Il-varjetà ta’ pjanti li għaliha saret l-applikazzjoni għal drittijiet hija l-varjetà Braeburn 78, li tappartjeni għall-ispeċi Malus domestica Borkh.

15      Iċ-CPVO inkariga lill-Grupp ta’ Studju u ta’ kontroll tal-varjetajiet u taż-żerriegħa (GEVES), is-sit ta’ eżami tal-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka dwar l-Agrikoltura (INRA), li jinsab f’Angers-Beaucouzé (Franza), sabiex jagħmel l-eżami tekniku tal-varjetà kandidata, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament bażiku.

16      L-eżami tekniku twettaq fuq il-bażi tal-Protokoll CPVO-TP/14/2.

17      Il-GEVES, li r-rapport ta’ eżami tiegħu ntbagħat liċ-CPVO fil-21 ta’ Mejju 2014, qies li l-varjetà Braeburn 78 ma kinitx suffiċjentement distinta mill-varjetà ta’ paragun Royal Braeburn fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“Abbażi tal-osservazzjonijiet DUS 2012–2013, il-varjetà kandidata ma hijiex distinta b’mod ċar mir-Royal Braeburn u mill-X9466. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-elementi li ġejjin:

Fl-2012: l-ewwel ħsad sinjifikattiv ta’ frott

Varjetà

Tipiku

Data ta’

ħsad

Tnaqqis

tal-lamtu


Sodizza

(kg/cm²)

Indiċi

rifrattometru (%)

Aċidità

(g/l ta’ aċidu maliku)

Kulur

(spektrokolorimetrija)*

Varjetà kandidata

11/10

5.5

9.2

12.8

7.39

18.64

Royal Braeburn

11/10

-

-

-

-

20.19

X9466 (1)

11/10

6.3

9.3

12.8

7.31

18.71

* Differenza ta’ 2 gradi hija viżibbli b’mod ċar għall-għajnejn

(1) siġar ikbar minn sena mill-varjetà kandidata

Il-varjetà kandidata għandha frott f’medda kontinwa u strixxi, bħar-Royal Braeburn u l-X9466. Il-lewn u l-kulur tal-qoxra tal-varjetà kandidata huma qrib tar-Royal Braeburn u l-X9466. Il-maturità tal-varjetà kandidata hija qrib mutanti oħra tar-Royal Braeburn b’perijodu ta’ maturità standard.

Fl-2013: it-tieni ħsad sinjifikattiv ta’ frott

Varjetà

Tipiku

Data ta’

ħsad

Tnaqqis

tal-lamtu


Sodizza

(kg/cm²)

Indiċi

rifrattometru (%)

Aċidità

(g/l ta’ aċidu maliku)

Kulur

(spektrokolorimetrija)*

Varjetà kandidata

11/10

5.5

10.5

11.7

7.8

22.49

Royal Braeburn

11/10

6.0

10.0

11.6

8.08

23.55

X9466 (1)

11/10

5.7

10.2

11.2

7.53

22.07

* Differenza ta’ 2 gradi hija viżibbli b’mod ċar għall-għajnejn

(1) siġar ikbar minn sena mill-varjetà kandidata

Il-varjetà kandidata għandha frott f’medda kontinwa u strixxi, bħar-Royal Braeburn u l-X9466. Il-lewn u l-kulur tal-qoxra tal-varjetà kandidata huma qrib wisq tar-Royal Braeburn u l-X9466. Il-maturità tal-varjetà kandidata hija qrib mutanti oħra tar-Royal Braeburn b’perijodu ta’ maturità standard. Id-differenza żgħira fil-forma tal-frotta, imsemmija mill-applikant b’paragun mar-Royal Braeburn, ma hijiex osservata.

Il-varjetà hija miċħuda minħabba nuqqas ta’ distinzjoni mir-Royal Braeburn u l-X9466.”

18      Abbażi ta’ dan ir-rapport, u wara li rċieva l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, iċ-CPVO ċaħad l-applikazzjoni għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji b’deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2014.

19      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda taċ-CPVO. Dan ir-rikors ġie miċħud bħala infondat mill-Bord tal-Appell taċ-CPVO b’deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015, innotifikata lir-rikorrenti fit-22 ta’ Frar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

20      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li l-post ta’ eżami, jiġifieri Angers-Beaucouzé, ikkontestat mir-rikorrenti, kien is-sit fejn kellu jsir l-eżami tekniku skont id-dispożizzjonijiet applikabbli.

21      It-tieni nett, fir-rigward tad-data tal-ħsad u tad-data ta’ maturità, li r-rikorrenti kkontestat essenzjalment il-kundizzjonijiet u r-riżultati tal-eżami tekniku, il-Bord tal-Appell qies dan li ġej:

“Il-karatteristiċi ‘data tal-ħsad’ u ‘data tal-maturità tal-ikel’ ġew iddefiniti b’mod pjuttost vag fil-linji gwida tal-UPOV (TG/14/9) u fil-protokoll ta’ test għat-tuffieħ li jirriżulta minnhom [OCVV‑TP/14/2], sa fejn l-istruzzjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta’ maturità, minn bikrija sa tardiva, u li testendi minn konsum immedjat sa ħżin fit-tul. Użu effettiv tal-linji gwida tal-protokoll jeħtieġ esperjenza fit-testijiet tad-DUS u għarfien iddettaljat taż-żerriegħa.

Fit-Taqsima ‘Spjegazzjonijiet u metodi’ li tinsab fit-tabella tal-karatteristiċi tal-protokoll ta’ test tat-tuffieħ, hemm xi istruzzjonijiet. L-istruzzjonijiet dwar il-mument tal-ħsad u dak tal-maturità tal-ikel jingħataw fil-[punti] Ad. 56 u fl-Ad. 57 f’paġna 32.

Skont l-opinjoni tal-Bord tal-Appell, dawn l-istruzzjonijiet ġew korrettament implimentati mill-uffiċċju ta’ eżami. Għal paragun tajjeb, il-frott tal-varjetajiet kandidati u ta’ referenza ġew maħsuda fl-istess data u (f’dan il-każ) meta l-indiċi ta’ tnaqqis tal-lamtu kien madwar 5 għall-varjetajiet kollha kkonċernati.

Il-‘mument ta’ maturità’ jista’ jiġi kkontestat iżda peress li l-eżaminaturi ta’ GEVES għandhom esperjenza f’dawn iż-żerriegħa, il-Bord tal-Appell jafda fl-evalwazzjoni tagħhom tal-mument tal-maturità tal-ikel li jikkorrispondi għall-fażi li fih il-karatteristiċi kollha tal-frott ġew evalwati. Il-karatteristiċi tal-frott misjur tal-mutanti ta’ Braeburn ġew irreġistrati u/jew imkejla fl-istess data (meta possibbli), jiġifieri madwar nofs Novembru, kif meħtieġ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Fl-aħħar nett, it-tielet nett, fir-rigward tal-elementi ta’ distinzjoni dwar l-istrixxi tal-frott, il-forma tagħhom u d-daqs tagħhom, elementi li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti kkontestat l-osservazzjonijiet tal-uffiċċju ta’ eżami, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-karatteristiċi tad-“daqs tal-frotta”, “il-forma tal-frotta”, “il-kulur bażiku tal-frotta”, “l-estensjoni relattiva tal-kulur tal-qoxra”, “l-intensità tal-kulur tal-qoxra”, “id-disinn tal-kulur tal-qoxra’ u ‘l-wisa’ tal-istrixxi” setgħu normalment jiġu evalwati viżwalment, filwaqt li karatteristiċi oħrajn, bħall-“għoli tal-frotta”, “id-dijametru tal-frotta” u “l-proporzjon għoli/dijametru” kienu jeħtieġu li jitkejlu, fejn il-karatteristiċi osservati viżwalment kienu xi kultant f’dan ir-rigward ikkonfermati bil-miżuri. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda minn dan li l-uffiċċju ta’ eżami kien wettaq it-testijiet kollha skont il-linji gwida applikabbli u l-protokoll.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibgħat lura l-każ quddiem il-Bord tal-Appell għal deċiżjoni mill-ġdid, bl-istruzzjoni li dan jannulla d-deċiżjoni kkontestata u jordna liċ-CPVO iwettaq eżami komplementari skont l-Artikolu 57(3) tar-Regolament bażiku;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tilqax l-ewwel żewġ talbiet, tissospendi l-proċedura tar-rikors skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-proċedura dwar it-tħassir tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħtija għall-Varjetà ta’ Referenza Royal Braeburn (Applikazzjoni Nru 1998/1082; Varjetà Nru 11960).

–        tikkundanna liċ-CPVO għall-ispejjeż.

24      Ir-rikorrenti madankollu irrinunzjat għat-tieni kap tat-talbiet tagħha ppreżentat sussidjarjament, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta.

25      Iċ-CPVO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad parzjalment ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiċħad parzjalment ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati, rispettivament, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq abbuż ta’ poter u ksur tal-Artikolu 57(3) tar-Regolament bażiku, it-tieni wieħed, li l-eżami tekniku huwa vvizzjat b’diversi żbalji u, fl-aħħar nett, it-tielet wieħed, il-ksur tad-dritt għal smigħ u nuqqas ta’ motivazzjoni.

27      Wara li ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, għandha l-ewwel tiġi eżaminata t-tielet parti tat-tieni motiv u t-tieni parti tat-tielet motiv, li jirrigwardaw it-tnejn li huma nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti

28      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha rispettivament “tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibgħat lura l-każ quddiem il-Bord tal-Appell għal deċiżjoni mill-ġdid bl-istruzzjoni li dan jannulla d-deċiżjoni kkontestata u jordna liċ-CPVO iwettaq eżami komplementari skont l-Artikolu 57(3) tar-Regolament bażiku”.

29      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell taċ-CPVO, dan tal-aħħar huwa meħtieġ, skont l-Artikolu 73(6) tar-Regolament bażiku, li jieħu l-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tagħti ordnijiet liċ-CPVO, li għandu jiddeduċi l-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sens, is-sentenza tas-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T-443/05, EU:T:2007:219, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għaldaqstant, l-ewwel kap tat-talbiet huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż li l-Qorti Ġenerali tibgħat lura l-każ quddiem il-Bord tal-Appell għal deċiżjoni mill-ġdid, bl-istruzzjoni li dan jannulla d-deċiżjoni kkontestata u jordna liċ-CPVO iwettaq eżami komplementari skont l-Artikolu 57(3) tar-Regolament bażiku.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv u t-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

31      Insostenn tat-tielet parti tat-tieni motiv u tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari nuqqas ta’ motivazzjoni.

32      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma spjegax ir-raġunijiet għalfejn, minn naħa, huwa ma kienx ikkunsidra ċerti provi li hija kienet ipproduċiet u li setgħu jistabbilixxu, b’mod partikolari, li d-dehra globali tal-vina tal-varjetà li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tiddistingwi ruħha b’mod suffiċjentement ċar minn dik tal-varjetà ta’ referenza sabiex ikunu differenzjati (it-tielet parti tat-tieni motiv) u, min-naħa l-oħra, għandu jkun hemm fiduċja fl-evalwazzjonijiet tal-eżaminaturi tal-uffiċċju ta’eżami u, għaldaqstant, li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tekniċi u opinjonijiet ta’ esperti li hija kienet ipproduċiet insostenn tar-rikors tagħha (it-tieni parti tat-tielet motiv).

33      Għandhom, qabel kollox, jitfakkru l-prinċipji li jiddeterminaw il-portata tal-eżami li l-Bord tal-Appell taċ-CPVO għandu jagħmel.

34      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-kompitu taċ-CPVO huwa kkaratterizzat minn kumplessità xjentifika u teknika tal-kundizzjonijiet ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji, b’tali mod li għandu jiġi rrikonoxxut fir-rigward tiegħu marġni ta’ diskrezzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga, C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din is-setgħa diskrezzjonali testendi, b’mod partikolari, għall-verifika tal-karattru distintiv ta’ varjetà, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C‑625/15 P, EU:C:2017:435, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, iċ-CPVO, bħala organu tal-Unjoni, huwa suġġett għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li abbażi tiegħu huwa għandu jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti ta’ applikazzjoni għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji u jiġbor l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Huwa għandu, barra minn hekk, jiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li jimplimenta (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Schniga vs CPVO, C‑625/15 P, EU:C:2017:435, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 76 tar-Regolament bażiku jipprevedi li, “[f]i proċeduri quddiemu [iċ-CPVO] għandu jagħmel investigazzjonijiet fuq il-fatti minn jeddu, sal-limitu li dawn jaqgħu taħt l-eżami skond l-Artikoli 54 u 55”.

37      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas-17 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament [bażiku] rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (ĠU 2009, L 251, p. 3), id-dispożizzjonijiet relattivi għall-proċedimenti mibdija quddiem iċ-CPVO japplikaw mutatis mutandis għall-proċeduri tal-appell (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C‑546/12 P, EU:C:2015:332, punt 46).

38      Għalhekk, minn naħa, il-prinċipju tal-investigazzjoni ex officio tal-fatti japplika wkoll f’tali proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C‑546/12 P, EU:C:2015:332, punt 46). Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell huwa wkoll marbut bil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li abbażi tiegħu dan għandu jeżamina b’reqqa u imparzjalità l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti tal-każ quddiemu (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, Aurora vs CPVO – SESVanderhave (M 02205), T‑140/15, EU:T:2017:830, punt 74).

39      It-tieni nett, l-Artikolu 72 tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita l-kompetenzi tad-dipartiment li jkun adotta d-deċiżjoni kkontestata, jew jista’ jibgħat lura l-każ lill-imsemmi dipartiment għal evalwazzjoni ulterjuri tar-rikors.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), li huwa fformulat f’termini simili għal dawk tal-Artikolu 72 tar-Regolament bażiku, ġie deċiż b’mod kostanti li minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-istruttura tar-Regolament Nru 2017/1001 jirriżulta, li l-Bord tal-Appell għandu, sabiex jiddeċiedi appell, l-istess kompetenzi bħad-dipartiment li jkun adotta d-deċiżjoni kkontestata u li l-eżami tiegħu jirrigwarda t-tilwima kollha kif tinsab fil-ġurnata meta huwa jagħti deċiżjoni. Minn dan l-artikolu jirriżulta wkoll li teżisti kontinwità funzjonali bejn id-dipartimenti differenti tal- Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-Bordijiet tal-Appell li minnha jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid li l-Bordijiet tal-Appell ikollhom jagħmlu tad-deċiżjonijiet meħuda mid-dipartimenti tal-EUIPO li jiddeċiedu fl-ewwel istanza, dawn huma obbligati li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-partijiet ikunu esponew jew fil-proċedura quddiem id-diviżjoni li tkun iddeċidiet fl-ewwel istanza, jew fil-proċedimenti ta’ appell (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI – Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, EU:T:2006:197, punti 56 sa 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Ġie deċiż ukoll, fir-rigward tal-portata tal-eżami li l-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO għandhom jagħmlu fir-rigward tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, li din ma tiddependix fuq jekk il-parti li tkun għamlet l-appell ressqitx motiv speċifiku fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, li jikkritika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola ta’ dritt mid-dipartiment tal-EUIPO li jiddeċiedi fl-ewwel istanza, jew inkella l-evalwazzjoni, minnu, ta’ prova. Għaldaqstant, anke jekk il-parti li tkun ressqet l-appell quddiem il-Bord tal-Appell ma tkunx ressqet motiv speċifiku, il-Bord tal-Appell għandu madankollu jeżamina, fid-dawl tal-punti kollha rilevanti ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu disponibbli, jekk deċiżjoni ġdida li jkollha l-istess parti dispożittiva bħad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-appell tistax jew le tiġi adottata legalment meta tittieħed deċiżjoni fuq l-appel (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tax-xebh tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 u tar-Regolament bażiku, prinċipji simili huma applikabbli għall-proċedimenti applikati miċ-CPVO.

43      It-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament bażiku, id-deċiżjonijiet taċ-CPVO għandhom ikunu mmotivati. L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit b’dan il-mod għandu l-istess portata bħal dak stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE u għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet interessati sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2018, Schniga vs CPVO (Gala Schnico), T‑445/16, EU:T:2018:95, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      L-obbligu ta’ motivazzjoni jista’ jiġi ssodisfatt mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata risposta espressa u b’mod eżawrjenti għall-argumenti kollha mressqa minn rikorrent, sakemm iċ-CPVO jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2018, Gala Schnico), T‑445/16, EU:T:2018:95, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, għandu jitfakkar minn qabel li l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, il-kriterju ta’ distinzjoni huwiex issodisfatt għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ eżami tekniku, li, skont l-Artikolu 56 tar-Regolament bażiku, għandu jsir skont il-prinċipji gwida fformulati mill-Kunsill Amministrattiv taċ-CPVO u skont l-istruzzjonijiet mogħtija miċ-CPVO. Dawn il-prinċipji gwida jiddeskrivu, b’mod partikolari, il-materjal ta’ pjanti meħtieġ għall-eżami tekniku, il-metodi li għandhom jiġu applikati, l-osservazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati kif ukoll it-tabella tal-karatteristiċi suġġetti għall-eżami.

46      Il-Protokoll CPVO-TP/14/2 jiddeskrivi min-naħa tiegħu l-proċeduri tekniċi li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi ssodisfatt ir-Regolament bażiku.

47      Skont l-aħħar paragrafu tal-punt III.5 tal-Protokoll CPVO-TP/14/2, il-karatteristiċi tal-frotta għandhom ikunu osservati fil-mument tal-maturità tal-ikel li huwa, skont il-punt Ad. 57 tal-imsemmi protokoll, “[i]l-perijodu li matulu l-frott ikun laħaq kulur, sodizza, konsistenza, aroma u togħma ottimali għall-konsum.” Skont it-tip ta’ frott, dan il-perijodu jista’ jseħħ direttament wara l-qtugħ mis-siġra (għall-varjetajiet bikrin) jew wara perijodu ta’ ħżin jew imballaġġ (għall-varjetajiet tardivi). Il-mument ta’ ħsad huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit bħala “l-mument ta’ qtugħ ottimali sabiex jinkiseb frott fl-aħjar kundizzjoni biex jittiekel”, skont il-punt Ad. 56 tal-istess protokoll.

48      Għalhekk, għal varjetà tardiva bħal f’dan il-każ, sabiex tiġi evalwata korrettament id-distinzjoni bejn il-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u l-varjetà ta’ referenza, għandu, minn naħa, jsir il-qtugħ tal-frott tal-varjetajiet rispettivi fl-aħjar mument sabiex jinkiseb frott fl-aħjar kundizzjoni biex jittiekel u, min-naħa l-oħra, l-osservazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-frott għandhom jitwettqu meta dawn ikunu laħqu l-maturità tal-ikel tagħhom jiġifieri kisbu kulur, sodizza, konsistenza, aroma u togħma ottimali għall-konsum.

49      Minn dan isegwi li, fil-każ fejn il-qtugħ iseħħ f’mument li ma jippermettix il-kisba ta’ kulur, sodizza, konsistenza, aroma u togħma ottimali u l-osservazzjoni tal-karatteristiċi jsir f’mument meta l-frotta ma tkunx laħqet il-maturità tal-ikel tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li l-kriterji dwar iż-żmien ta’ ħsad u ż-żmien ta’ maturità tal-ikel ma jkunux issodisfatti li jipprekludi konsegwentement evalwazzjoni komparattiva korretta tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha u tal-varjetà ta’ referenza.

50      F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-kritiki mressqa mir-rikorrenti f’dan il-każ dwar l-allegat nuqqas ta’ rispett tal-kriterji tal-protokoll relatati mal-mument tal-ħsad u mal-mument tal-maturità tal-ikel setgħu, li kieku seħħew, ikollhom effett fuq il-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tad-distinzjoni twettqitx f’konformità ma’ dan il-protokoll. Konsegwentement, huwa l-Bord tal-Appell li għandu jiddeċiedi dwarhom, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom fil-fatt importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni li huwa l-Bord tal-Appell li għandu jieħu wara l-eżami li huwa għandu jagħmel skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 34 sa 42 iktar ’il fuq.

51      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, bħala risposta għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-GEVES f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, minn naħa, id-data tal-ħsad u kunsiderazzjonijiet dwar l-indiċi ta’ tnaqqis tal-lamtu u, min-naħa l-oħra, id-data ta’ maturità tal-ikel, il-Bord tal-Appell (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) sempliċement, minn naħa, ikkunsidra li l-kriterji li kellhom jiġu applikati kienu ċertament iddefiniti b’mod vag iżda li, fl-opinjoni tiegħu, dawn kienu ġew “implimentati” u, min-naħa l-oħra, indika li huwa kellu fiduċja fil-konstatazzjonijiet tal-esperti, mingħajr madankollu ma spjega bl-ebda mod għalfejn, l-argumenti tekniċi u l-provi, b’mod partikolari r-rapporti ta’ esperti prodotti mir-rikorrenti kienu rrilevanti u kellhom, konsegwentement jiġu skartati.

52      Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk, ma turix b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Bord tal-Appell li waslu sabiex jistrieħ fuq il-konstatazzjonijiet mhux kompluti tal-GEVES u jiċħad l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

53      F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-varjetà ta’ referenza, it-tabella stabbilita mill-GEVES insostenn tar-rapport ta’ eżami tiegħu (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) ma tinkludi, fir-rigward tas-sena 2012, l-ebda indikazzjoni dwar, rispettivament, l-indiċi ta’ rigressjoni tal-lamtu — filwaqt li ċ-CPVO stess irrikonoxxa li dan kien kriterju determinanti —, il-konsistenza soda, l-aċidità u l-indiċi refrattometriku.

54      L-ebda spjegazzjoni ta’ natura li tippermetti li wieħed jifhem l-assenza ta’ dawn l-elementi ma ġiet, barra minn hekk, ipprovduta miċ-CPVO, meta ġie mistoqsi dwar dan is-suġġett matul is-seduta.

55      L-istess japplika f’dak li jikkonċerna d-data eżatta li fiha iċ-CPVO wettaq l-eżamijiet tal-karatteristiċi tal-frott li laħaq il-maturità tiegħu għall-mutanti tal-Braeburn, li ma tinsabx fir-rapport tal-GEVES u li fir-rigward tagħha ċ-CPVO ma setax jinforma lill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta.

56      Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament li wassal lill-Bord tal-Appell li jiskarta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti huwa tant dgħajjef li għandu jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża hija nieqsa, jew tal-inqas, insuffiċjenti.

57      Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv u t-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 75 tar-Regolament bażiku għandhom jintlaqgħu u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni la fuq il-partijiet l-oħra mressqa insostenn tat-tieni u t-tielet motiv, u lanqas fuq l-ewwel motiv.

 Fuq l-ispejjeż

58      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li ċ-CPVO tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) tal-15 ta’ Diċembru 2015 (Każ A 001/2015), li tikkonċerna applikazzjoni għal għoti ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà ta’ pjanti Braeburn 78, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud

3)      Iċ-CPVO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Frar 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      [The protocol describes the technical procedures to be followed in order to meet Council Regulation 2100/94 on Community Plant Variety Rights. The technical procedures have been agreed by the Administrative Council and are based on general UPOV Document TG/1/3 and UPOV Guideline TG/14/9 dated 06/04/2005 for the conduct of tests for Distinctness, Uniformity and Stability. This protocol applies to fruit varieties of Malus domestica Borkh.]


2      [Time for harvest: Time for harvest is the optimum time of picking to achieve fruit in peak condition for eating]


3      [Time of eating maturity: Time of eating maturity is the period when a fruit has reached optimum colour, firmness, texture, aroma and flavor for consumption. Depending on the type of fruit, this period can occur directly after removal from the tree (e.g. early varieties) or after a period of storage or conditioning (e.g. later varieties).]