Language of document : ECLI:EU:C:2019:344

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 510/2006 – Artikolu 13(1)(b) – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Ġobon Manchego (‘queso Manchego’) – Użu ta’ sinjali li jistgħu jevokaw ir-reġjun li miegħu hija marbuta d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) – Kunċett ta’ ‘konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat’ – Konsumaturi Ewropej jew konsumaturi tal-Istat Membru fejn il-prodott kopert mid-DOP jiġi mmanifatturat u prinċipalment ikkonsmat”

Fil-Kawża C‑614/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego

vs

Industrial Quesera Cuquerella SL,

Juan Ramón Cuquerella Montagud,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego, minn M. Pomares Caballero, abogado,

–        għal Industrial Quesera Cuquerella SL u J. R. Cuquerella Montagud, minn J. A. Vallejo Fernández, F. Pérez Álvarez u J. Pérez Itarte, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u V. Ester Casas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, S. Horrenberger, A.‑L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín, D. Bianchi u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2006, L 335M, p. 213, rettifiki fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74 u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (il-Fondazzjoni Inkarigata mill-Ġestjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta Queso Manchego, Spanja) (iktar ’il quddiem il-“Fondazzjoni Queso Manchego”) u, min-naħa l-oħra, Industrial Quesera Cuquerella SL (iktar ’il quddiem “IQC”) u Juan Ramón Cuquerella Montagud dwar, b’mod partikolari, l-użu, minn IQC, ta’ tikketti għall-identifikazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ġobnijiet li ma humiex koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “queso Manchego”.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 4 u 6 tar-Regolament Nru 510/2006 jgħidu li:

“(4)      Bil-ħsieb tal-varjetà kbira ta’ prodotti kummerċjalizzati u l-abbundanza ta’ informazzjoni dwar dawn il-prodotti li hija pprovduta, il-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni ċara u konċiża dwar l-oriġini tal-prodott, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet.

[…]

(6)      Għandha ssir dispożizzjoni għal approċċ Komunitarju għad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi. Qafas ta’ regoli Komunitarji dwar sistema ta’ protezzjoni jippermetti l-iżvilupp ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ l-oriġini billi, filwaqt li jipprovdi approċċ aktar uniformi, qafas bħal dan jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li jkollhom indikazzjonijiet bħal dawn u jsaħħaħ il-kredibbiltà talprodotti f’għajnejn il-konsumatur.”

4        Skont l-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

(a)      ‘denominazzjoni ta’ l-oriġini’ tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użata biex tiddeskrivi prodott agrikolu jew oġġett ta’ l-ikel:

–        li joriġina f’dak ir-reġjun, il-post speċifiku jew il-pajjiż,

–        li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklussivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu, u

–        li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tiegħu jsiru fiż-żona ġeografika definita”.

5        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“Ismijiet reġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

[…]

(b)      kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’ jew simili;

(ċ)      kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-ippakkjar minn ġewwa jew minn barra, il-materjal ta’ reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott konċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’konteni[tur] li x’aktarx jagħti impressjoni falza rigward l-oriġini tiegħu;

[…]”

6        L-Artikolu 14(1) tal-istess regolament jipprevedi li:

“Fejn denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija reġistrata skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 u li hija relatata ma’ l-istess klassi ta’ prodott għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trademark tiġi ppreżentata wara d-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni reġistrata lill-Kummissjoni [Ewropea].

Trademarks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Il-Fondazzjoni Queso Manchego hija inkarigata mill-ġestjoni u l-protezzjoni tad-DOP “queso manchego”. Għal dan il-għan, hija ppreżentat rikors kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti Spanjola kompetenti tal-ewwel istanza bil-għan li jiġi ddikjarat li t-tikketti użati minn IQC għall-identifikazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobnijiet “Adarga de Oro”, “Super Rocinante” u “Rocinante”, li ma humiex koperti mid-DOP “queso manchego”, kif ukoll l-użu tat-termini “Quesos Rocinante” jimplikaw ksur tad-DOP “queso manchego”, sa fejn dawn it-tikketti u dawn it-termini jikkostitwixxu evokazzjoni illeċita ta’ din id-DOP fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006.

8        Il-qorti Spanjola tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors peress li s-sinjali u d-denominazzjonijiet użati minn IQC sabiex tikkummerċjalizza l-ġobnijiet li ma kinux koperti mid-DOP “queso manchego” ma kellhom l-ebda xebh viżiv jew fonetiku mad-DOP “queso manchego” jew “la Mancha” u li l-użu ta’ sinjali bħad-denominazzjoni “Rocinante” jew l-immaġni tal-persunaġġ letterarju ta’ Don Quijote de la Mancha jevokaw ir-reġjun ta’ La Mancha (Spanja) u mhux il-ġobon kopert mid-DOP “queso manchego”.

9        Il-Fondazzjoni Queso Manchego appellat minn din iċ-ċaħda quddiem l-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete, Spanja), li, permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2014, ikkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza. Din il-qorti qieset li l-użu, għal ġobnijiet ikkummerċjalizzati minn IQC li ma humiex koperti mid-DOP “queso manchego”, ta’ pajsaġġi ta’ La Mancha u ta’ rappreżentazzjonijiet speċifiċi għal La Mancha fuq it-tikketti ta’ dawn il-ġobnijiet, iwassal sabiex il-konsumatur jaħseb fir-reġjun ta’ La Mancha iżda mhux neċessarjament fil-ġobon kopert mid-DOP “queso manchego”.

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet appell kontra din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

11      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tagħmel sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura fattwali.

12      Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-kelma “manchego” użat fid-DOP “queso manchego” huwa l-aġġettiv li jikkwalifika, fil-lingwa Spanjola, il-persuni u l-prodotti li joriġinaw mir-reġjun ta’ La Mancha. Sussegwentement, hija tosserva li d-DOP “queso manchego” tkopri l-ġobnijiet prodotti fir-reġjun ta’ La Mancha mill-ħalib tan-nagħaġ u skont il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ maturazzjoni tradizzjonali, inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-DOP.

13      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li Miguel de Cervantes uża r-reġjun ta’ La Mancha bħala l-post fejn tiżvolġi l-parti l-kbira tal-azzjoni tal-personaġġ fittizju Don Quijote de la Mancha. Barra minn hekk, dan il-karattru huwa deskritt mill-qorti tar-rinviju bħala li għandu ċerti karatteristiċi fiżiċi u tal-ħwejjeġ simili għal dawk tal-personaġġ irrappreżentat fuq il-motif figurattiv imwaħħal fuq it-tikketta tal-ġobon “Adarga de Oro”. F’dan ir-rigward, il-kelma “adarga” (tarka żgħira tal-ġilda), li hija kelma arkajka, tintuża fl-imsemmi rumanz sabiex tindika t-tarka użata minn Don Quijote. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li waħda mid-denominazzjonijiet użati minn IQC għal ċerti ġobnijiet tikkorrispondi għall-isem taż-żiemel li jirkeb Don Quijote de la Mancha, jiġifieri “Rocinante”. Imtieħen tar-riħ li kontrihom Don Quijote jiġġieled jirrappreżentaw element tipiku tal-pajsaġġ ta’ La Mancha. Fuq ċerti tikketti tal-ġobnijiet immanifatturati minn IQC u mhux koperti mid-DOP “queso manchego”, u fuq ċerti disinni li jinsabu fuq is-sit internet ta’ IQC, li fih wkoll reklami għal ġobnijiet mhux koperti minn din id-DOP, jidhru pajsaġġi bi mtieħen tar-riħ kif ukoll nagħaġ.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-evokazzjoni tad-[DOP], ipprojbita mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandha neċessarjament timmaterjalizza bl-użu ta’ denominazzjonijiet li jkun jixxiebħu viżwalment, fonetikament jew kunċettwalment mad-[DOP] jew tista’ din timmaterjalizza bl-użu ta’ sinjali figurattivi li jevokaw id-[DOP]?

2)      F’każ ta’ [DOP] ta’ natura ġeografika (Artikolu 2(1)(a) […] tar-Regolament Nru 510/2006) u fir-rigward tal-istess prodotti jew prodotti paragunabbli, l-użu ta’ sinjali li jevokaw ir-reġjun li miegħu hija marbuta d-[DOP] jista’, għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, jitqies bħala evokazzjoni stess tad-[DOP], li ma hijiex aċċettabbli, anki fil-każ li meta l-utent ta’ dawn is-sinjali huwa produttur stabbilit fir-reġjun li miegħu tkun marbuta d-[DOP] iżda li l-prodotti tiegħu ma humiex koperti minn din id-[DOP] peress li dawn ma josservawx il-kundizzjonijiet, differenti mill-oriġini ġeografika, inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, minbarra l-oriġini ġeografika?

3)      Il-kunċett ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent, li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni tiegħu sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ ‘evokazzjoni’ għall-finijiet tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-konsomaturi Ewropej jew jista’ dan jagħmel riferiment unikament għall-konsumaturi tal-Istat Membru li fih huwa mmanufatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta jew li miegħu hija ġeografikament marbuta d-DOP, u li fih dan huwa prinċiparjament ikkonsumat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata tista’ sseħħ bl-użu ta’ sinjali figurattivi.

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2018, Industrias Químicas del Vallés, C‑325/16, EU:C:2018:326, punt 27, u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 27).

17      Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipproteġi d-denominazzjonijiet irreġistrati kontra kwalunkwe evokazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk id-denominazzjoni protetta hija tradotta jew akkumpanjata minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew espressjoni simili.

18      Tali formulazzjoni tista’ tinftiehem bħala li tirreferi mhux biss għat-termini li bihom denominazzjoni rreġistrata tista’ tiġi evokata, iżda wkoll għal kwalunkwe sinjal figurattiv li jista’ jfakkar lill-konsumatur fil-prodotti li jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni. F’dan ir-rigward, l-użu tal-kelma “kwalunkwe” jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jipproteġi d-denominazzjonijiet irreġistrati billi jqis li evokazzjoni sseħħ permezz ta’ element verbali jew ta’ sinjal figurattiv.

19      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ evokazzjoni jkopri ipoteżi li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’tali mod li l-konsumatur, fil-preżenza tal-isem tal-prodott, jitwassal sabiex ikollu f’moħħu, bħala immaġni ta’ riferiment, il-merkanzija li tibbenefika mid-denominazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 25).

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b), tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16), il-kriterju determinanti huwa dak dwar jekk il-konsumatur, fil-preżenza ta’ denominazzjoni kontenzjuża, jitwassalx sabiex ikollu direttament f’moħħu, bħala immaġni ta’ riferiment, il-merkanzija li tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 51).

21      Issa, għalkemm il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza kienet tikkonċerna kawżi dwar denominazzjonijiet ta’ prodotti u mhux dwar sinjali figurattivi, xorta waħda jista’ jiġi dedott, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk element jevokax id-denominazzjoni rreġistrata, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, huwa dak dwar jekk dan l-element jistax ifakkar direttament lill-konsumatur, bħala immaġni ta’ riferiment, fil-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni.

22      Għalhekk, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eskluż li s-sinjali figurattivi jistgħu jservu sabiex ifakkru direttament lill-konsumatur, bħala immaġni ta’ riferiment, fil-prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni rreġistrata minħabba l-prossimità kunċettwali tagħhom ma’ tali denominazzjoni.

23      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kuntest li fih il-kunċett ta’ “evokazzjoni” jaqa’, ma jistax jiġi aċċettat li, kif issostni l-Kummissjoni, l-evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata permezz ta’ sinjali figurattivi tkun tista’ tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-Artikolu 13(1)(ċ) tar-Regolament Nru 510/2006.

24      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem stess tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament ma jillimitax il-portata ta’ din id-dispożizzjoni unikament għad-denominazzjonijiet tal-prodotti li dan ikopri. Għall-kuntrarju, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi protezzjoni kontra “kwalunkwe” evokazzjoni, anki jekk id-denominazzjoni protetta tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, imwaħħla fuq l-ippakkjar tal-prodott ikkonċernat.

25      Min-naħa l-oħra, kif osservat il-Kummissjoni, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association (C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 65), li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, ifformulat f’termini analogi għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006, kien jinkludi lista gradwata ta’ aġir ipprojbit.

26      Madankollu, il-fatt li l-Artikolu 13(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament isemmi kwalunkwe indikazzjoni oħra li tidher fuq l-imballaġġ jew fuq l-ippakkjar, fuq il-materjal ta’ reklamar jew fuq id-dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat ma jippermettix li jitqies li hija biss din id-dispożizzjoni li tipprekludi l-użu ta’ sinjali figurattivi li jippreġudikaw lid-denominazzjonijiet irreġistrati.

27      Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali enfasizza fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-lista gradwata, imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja, tirrigwarda n-natura tal-aġir ipprojbit, jiġifieri, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, in-natura falza u qarrieqa tal-indikazzjonijiet dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, u mhux l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa.

28      Għalhekk, interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 tikkonferma l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni esposts fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

29      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 510/2006 għandu b’mod partikolari l-għan li jiżgura, skont il-premessi 4 u 6 tiegħu, li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara, konċiża u kredibbli sabiex jiġu informati b’mod preċiż dwar l-oriġini tal-prodott.

30      Issa, tali għan huwa żgurat aħjar meta d-denominazzjoni rreġistrata ma tistax tkun is-suġġett ta’ evokazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament, permezz ta’ sinjali figurattivi.

31      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li hija l-qorti tar-rinviju li ser ikollha tevalwa b’mod konkret jekk sinjali figurattivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux ifakkru direttament lill-konsumatur fil-prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni rreġistrata.

32      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata tista’ sseħħ bl-użu ta’ sinjali figurattivi.

 Fuq it-tieni domanda

33      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjali figurattivi li jevokaw iż-żona ġeografika li magħha hija marbuta denominazzjoni ta’ oriġini, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jistax jikkostitwixxi evokazzjoni tagħha, inkluż fil-każ fejn l-imsemmija sinjali figurattivi jintużaw minn produttur stabbilit f’dan ir-reġjun, iżda li l-prodotti tiegħu, simili jew komparabbli ma’ dawk protetti minn din id-denominazzjoni ta’ oriġini, ma humiex koperti minnha.

34      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 ma tipprevedi l-ebda esklużjoni favur produttur stabbilit f’żona ġeografika li tikkorrispondi għad-DOP u li l-prodotti tiegħu, mingħajr ma jkunu protetti minn din id-DOP, huma simili jew komparabbli ma’ dawk protetti minn din tal-aħħar.

35      Hemm lok li jiġi osservat li tali esklużjoni kien ikollha l-effett li tawtorizza produttur juża sinjali figurattivi li jevokaw iż-żona ġeografika li isimha jifforma parti minn denominazzjoni ta’ oriġini li tkopri prodott identiku jew simili għal dak ta’ dan il-produttur u, għaldaqstant, tippermettilu jibbenefika indebitament mir-reputazzjoni ta’ din id-denominazzjoni.

36      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li produttur ta’ prodotti, simili jew komparabbli għal dawk protetti minn denominazzjoni ta’ oriġini, ikun stabbilit f’żona ġeografika marbuta ma’ din id-denominazzjoni, ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006.

37      Sussegwentement, għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-użu minn produttur ta’ sinjali figurattivi li jevokaw iż-żona ġeografika li isimha jifforma parti minn denominazzjoni ta’ oriġini, għal prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti minn din id-denominazzjoni, jikkostitwixxix evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta qed tiddeċiedi dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi, C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 60).

38      Meta tagħmel dan, il-qorti nazzjonali essenzjalment għandha tibbaża ruħha fuq ir-reazzjoni preżunta tal-konsumatur, peress li l-essenzjal huwa li dan tal-aħħar jistabbilixxi rabta bejn l-elementi kontenzjużi, f’dan il-każ is-sinjali figurattivi li jevokaw iż-żona ġeografika li isimha jifforma parti minn denominazzjoni ta’ oriġini, u d-denominazzjoni rreġistrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 22).

39      F’dan ir-rigward, hija għandha tevalwa jekk ir-rabta bejn dawn l-elementi kontenzjużi u d-denominazzjoni rreġistrata hijiex suffiċjentement diretta u univoka b’tali mod li l-konsumatur, fil-preżenza tagħhom, jitwassal sabiex ikollu prinċipalment f’moħħu din id-denominazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 53 u 54).

40      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk teżistix prossimità kunċettwali, suffiċjentement diretta u univoka, bejn is-sinjali figurattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-DOP “queso manchego”, li, skont l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 510/2006, tirreferi għaż-żona ġeografika marbuta magħha, jiġifieri ir-reġjun ta’ La Mancha (Spanja).

41      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura ruħha li s-sinjali figurattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari id-disinni ta’ persunaġġ li jixbah lil Don Quijote de la Mancha, ta’ żiemel dgħif u ta’ pajsaġġi bi mtieħen tar-riħ u nagħaġ, jistgħu joħolqu prossimità kunċettwali mad-DOP “queso manchego”, b’tali mod li l-konsumatur ikollu direttament f’moħħu, bħala immaġni ta’ riferiment, il-prodott li jibbenefika minn din id-DOP.

42      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tevalwa jekk hemmx lok, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, li jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien is-sinjali figurattivi u verbali kollha li jidhru fuq il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex twettaq eżami globali fid-dawl tal-elementi kollha b’potenzjal evokattiv.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjali figurattivi li jevokaw iż-żona ġeografika li magħha hija marbuta denominazzjoni ta’ oriġini, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jista’ jikkostitwixxi evokazzjoni tagħha, inkluż fil-każ fejn l-imsemmija sinjali figurattivi jintużaw minn produttur stabbilit f’dan ir-reġjun, iżda li l-prodotti tiegħu, simili jew komparabbli ma’ dawk protetti minn din id-denominazzjoni ta’ oriġini, ma humiex koperti minnha.

 Fuq it-tielet domanda

44      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni tiegħu sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandux jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-konsumaturi Ewropej jew unikament għall-konsumaturi tal-Istat Membru li fih jiġi mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tad-denominazzjoni protetta jew li miegħu din id-denominazzjoni hija ġeografikament marbuta, u li fih dan jiġi prinċipalment ikkonsmat.

45      Qabelxejn, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, ifformulat f’termini analogi għall-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fil-preżenza tad-denominazzjoni kontenzjuża, jitwassalx sabiex ikollu direttament f’moħħu, bħala immaġni ta’ riferiment, il-prodott li jibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 56).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li ċ-ċirkustanza li d-denominazzjoni kontenzjuża fil-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti tirreferi għal post ta’ manifattura li huwa magħruf mill-konsumaturi tal-Istat Membru fejn dan jiġi mmanifatturat ma jikkostitwixxix fattur rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, peress li din id-dispożizzjoni tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati kontra kwalunkwe evokazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni u li, fid-dawl tan-neċessità li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva u uniformi tal-imsemmija indikazzjonijiet fuq dan tal-aħħar, il-konsumaturi kollha ta’ dan it-territorju huma koperti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 27 u 28, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 59).

47      Minn dak li ntqal jirriżulta li, il-kunċett ta’ konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, għandu jiġi interpretat b’mod li tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi ta’ denominazzjonijiet irreġistrati kontra kwalunkwe evokazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni.

48      Għalhekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-protezzjoni effettiva u uniformi tad-denominazzjonijiet irreġistrati tirrikjedi li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jistgħu jeskludu l-eżistenza ta’ evokazzjoni unikament għall-konsumaturi ta’ Stat Membru, madankollu, dan ir-rekwiżit ma jeħtieġx li evokazzjoni evalwata fir-rigward tal-konsumaturi ta’ Stat Membru wieħed tkun insuffiċjenti sabiex tingħata l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006.

49      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-elementi, kemm figurattivi kif ukoll verbali, relatati mal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, immanifatturat jew prinċipalment ikkonsmat fi Spanja, jevokawx f’moħħ il-konsumaturi ta’ dan l-Istat Membru l-immaġni ta’ denominazzjoni rreġistrata, li għandha, jekk dan ikun il-każ, tiġi protetta kontra evokazzjoni li sseħħ fit-territorju kollu tal-Unjoni.

50      Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-kunċett ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni tiegħu sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-konsumaturi Ewropej, inklużi l-konsumaturi tal-Istat Membru li fih jiġi mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tad-denominazzjoni protetta jew li miegħu din id-denominazzjoni hija ġeografikament marbuta, u li fih dan jiġi prinċipalment ikkonsmat.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata tista’ sseħħ bl-użu ta’ sinjali figurattivi.

2)      L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sinjali figurattivi li jevokaw iż-żona ġeografika li magħha hija marbuta denominazzjoni ta’ oriġini, msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jista’ jikkostitwixxi evokazzjoni tagħha, inkluż fil-każ fejn l-imsemmija sinjali figurattivi jintużaw minn produttur stabbilit f’dan ir-reġjun, iżda li l-prodotti tiegħu, simili jew komparabbli ma’ dawk protetti minn din id-denominazzjoni ta’ oriġini, ma humiex koperti minnha.

3)      Il-kunċett ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel riferiment għall-perċezzjoni tiegħu sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006, għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għall-konsumaturi Ewropej, inklużi l-konsumaturi tal-Istat Membru li fih jiġi mmanifatturat il-prodott li jagħti lok għall-evokazzjoni tad-denominazzjoni protetta jew li miegħu din id-denominazzjoni hija ġeografikament marbuta, u li fih dan jiġi prinċipalment ikkonsmat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.