Language of document : ECLI:EU:C:2018:851

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

19 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Proċedura mħaffa”

Fil-Kawża C‑621/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland) (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla, l-Iskozja, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

Andy Wightman,

Ross Greer,

Alyn Smith,

David Martin,

Catherine Stihler,

Jolyon Maugham

Joanna Cherry

vs

Secretary of State for Exiting the European Union,

fil-preżenza ta’:

Tom Brake,

Chris Leslie,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur, C. G. Fernlund, u l-Avukat Ġenerali, M. Campos Sánchez-Bordona,

jagħti l-preżenti,

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 TUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura bejn, minn naħa, Andy Wightman, Ross Greer, Alyn Smith, David Martin, Catherine Stihler, Jolyon Maugham u Joanna Cherry u, min-naħa l-oħra, is-Secretary of State for Exiting the European Union (is-Segretarju tal-Istat għall-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit) dwar il-possibbiltà li tiġi rrevokata n-notifika tal-intenzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

3        Il-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland) (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla, l-Iskozja, ir-Renju Unit) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn, konformement mal-Artikolu 50 TUE, Stat Membru jkun innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni jippermettix lil dan l-Istat Membru jirrevoka unilateralment in-notifika tiegħu qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ sentejn imsemmi f’dan l-artikolu. Fl-affermattiv, hija tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssir tali revoka u dwar il-konsegwenzi tagħha fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-imsemmi Stat Membru fl-Unjoni.

4        Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont l-Artikolu 13 tal-European Union (Withdrawal) Act 2018 (il-Liġi dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018), il-ftehim dwar il-ħruġ li jista’ jiġi konkluż bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni taħt l-Artikolu 50(2) TUE, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ dan il-ħruġ, jista’ jiġi rratifikat biss jekk dan il-ftehim u l-qafas applikabbli għar-relazzjonijiet futuri tar-Renju Unit mal-Unjoni jkunu kisbu l-approvazzjoni tal-Parlament tar-Renju Unit. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, fl-assenza ta’ approvazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ mill-Membri tal-Parlament u jekk ma titressaq ebda proposta oħra, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ser iseħħ xorta waħda fid-29 ta’ Marzu 2019.

5        L-imsemmija qorti tindika wkoll li għandha dubju dwar il-possibbiltà li n-notifika tiġi rrevokata unilateralment u li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni. Hija tispeċifika barra minn hekk li risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tikkjarifika l-possibbiltajiet disponibbli għall-Membri tal-Parlament meta jiġu sabiex jivvotaw dwar dawn il-punti.

6        Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Court of Session, Inner House, First Division (Scotland) (il-Qorti Suprema Ċivili, Sede ta’ Appell, L-Ewwel Awla, l-Iskozja), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

7        Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli.

8        F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza n-natura urġenti tat-talba tagħha minħabba, minn naħa, it-terminu ta’ sentejn li jiddekorri mid-29 ta’ Marzu 2017, id-data tan-notifika tal-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, li għalih hija suġġetta, konformement mal-Artikolu 50 TUE, din il-proċedura ta’ ħruġ u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġu organizzati fi żmien adegwat qabel id-29 ta’ Marzu 2019 id-dibattiti u l-votazzjoni fil-Parlament tar-Renju Unit dwar dan is-suġġett.

9        F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tippreżenta raġunijiet li jikkaratterizzaw b’mod ċert l-urġenza li tingħata deċiżjoni. B’mod partikolari, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa meħtieġ li l-portata tal-Artikolu 50 TUE tiġi kkjarifikata qabel ma l-Membri Parlamentari nazzjonali jieħdu deċiżjoni dwar il-ftehim dwar il-ħruġ, imsemmi f’dan l-artikolu, li jista’ jitressaq quddiemhom.

10      Issa, diġà ġie deċiż li, meta kawża tqajjem inċertezzi serji li jikkonċernaw kwistjonijiet fundamentali tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun meħtieġ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ tali kawża, li din il-kawża tiġi ttrattata f’qasir żmien konformement mal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:168, punti 7 sa 9, kif ukoll tas-26 ta’ Settembru 2018, Zakład Ubezpieczeń Społecznych, C‑522/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:786, punti 14 sa 16).

11      Fid-dawl tal-importanza fundamentali għar-Renju Unit u għall-ordinament kostituzzjonali tal-Unjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 TUE, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża huma ta’ natura li jiġġustifikaw it-trattament tagħha f’qasir żmien konformement mal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

12      Għaldaqstant, il-Kawża C‑621/18 għandha tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa.

Għal dawn il-motivi, Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

Il-Kawża C621/18 hija suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.