Language of document : ECLI:EU:F:2011:140

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

15 taʼ Settembru 2011

Kawża F-7/10

Marc Galan Girodit

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg — Klawżola li ttemm kuntratt fil-każ li l-membru tal-persunal ma jitniżżilx fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali UASI/AST/02/07 — Att li jikkawża preġudizzju”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a, li bih M. Galan Girodit jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-UASI li ttemm l-impjieg tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009 tal-UASI li jiġi rexiss il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent hija annullata. L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ittra indirizzata lil membru tal-persunal temporanju u li tfakkru bid-data ta’ skadenza tal-kuntratt tiegħu — Esklużjoni — Emenda ta’ kuntratt — Deċiżjoni li kuntratt ma jiġġeddidx — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Klawżola ta’ membru tal-persunal temporanju li tissuġġetta ż-żamma tar-relazzjoni ta’ impjieg għall-fatt li l-membru tal-persunal jitniżżel fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkonstata li l-membru tal-persunal ma tniżżilx fl-imsemmija lista u li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Bidla ta’ kuntratt għal żmien indeterminat f’kuntratt għal żmien determinat u inklużjoni ta’ klawżola ta’ rexissjoni fil-każ li l-membru tal-persunal ma jitniżżilx fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali – Bidla li tiġi interpretata bħala t-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 2(a)(b) u (d), u l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 8; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Annessi, Klawżoli 1(b), 3, punt 1, u 5(1)(b) u (ċ))

1.      Att li ma fih ebda fattur ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti jikkostitwixxi att purament konfermattiv ta’ dan l-aħħar att u ma jistax, għaldaqstant, ikollu l-effett li jipprovdi terminu ġdid għal preżentata ta’ rikors. B’mod partikolari, ittra li sempliċement tfakkar lil membru tal-persunal bid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tiegħu relatati mal-data ta’ skadenza ta’ tali kuntratt u b’hekk ma jkun fih ebda fattur ġdid fir-rigward imsemmija dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

Min-naħa l-oħra, tikkostitiwixxi att li jikkawża preġudizzju kwalunkwe bidla tal-kuntratt, iżda dan, biss fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li ġew emendati, sakemm l-imsemmija emendi ma jwasslux għal tibdil kbir fl-istruttura ġenerali tal-kuntratt. Bl-istess mod, fil-każ fejn il-kuntratt jista’ jkun suġġett għal tiġdid, id-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni li ma jiġġeddidx dan il-kuntratt tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, distint mill-kuntratt inkwistjoni u li jista’ jkun suġġett ta’ ilment u ta’ rikors fit-termini statutorji. Fil-fatt, tali deċiżjoni, li sseħħ wara eżami mill-ġdid tal-interess tas-servizz u tas-sitwazzjoni tal-persuna ikkonċernata, ikollha fattur ġdid meta mqabbla mal-kuntratt inizjali u ma tistax titqies li hija sempliċement konfermattiva fir-rigward tagħha.

(ara l-punti 32 sa 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 taʼ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, punt 18; 9 taʼ Lulju 1987, Castagnoli vs Il‑Kummissjoni, 329/85, punti 10 u 11; 14 taʼ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, punti 45 sa 47

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 2 taʼ Frar 2001, Vakalopoulou vs Il-Kummissjoni, T‑97/00, punt 14; 1 taʼ April 2003, Mascetti vs Il-Kummissjoni, T‑11/01, punt 41; 15 taʼ Ottubru 2008, Potamianos vs Il-Kummissjoni, T‑160/04, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 taʼ April 2011, Daake vs UASI, F‑72/09 u F‑17/10, punt 36

2.      Ittra li biha l-amministrazzjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ avveniment jew ta’ sitwazzjoni ġdida u minn dawn tislet il-konsegwenzi previsti minn regola jew dispożizzjoni ta’ kuntratt fir-rigward tal-persuni kkonċernati hija att li jikkawża preġudizzju, peress li hija tibdel is-sitwazzjoni ġuridika tad-desitinatarji tagħha.

Dan huwa l-każ tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkonstata li membru tal-persunal temporanju ma tniżżilx fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali speċifika u li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni li tinsab fil-kuntratt tagħha, liema klawżola twassal għar-rexissjoni ta’ dan il-kuntratt fil-każ tal-okkorrenza ta’ avveniment speċifiku, jiġifieri r-redazzjoni tal-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni msemmija fl-imsemmija klawżola, li d-data tagħha kienet neċessarjament inċerta fil-mument tal-konklużjoni tagħha. Din id-deċiżjoni, li temenda s-sitwazzjoni ġuridika tal-membru tal-persunal, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jkun suġġett ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ rikors.

Barra minn hekk, l-imsemmi membru tal-persunal ma jkunx imġiegħel jikkontesta din il-klawżola mal-firma tal-kuntratt, minkejja li, il-fatt li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jirregolaw tali regola, jibqa’ inċert. Peress li l-inklużjoni tal-klawżola ta’ rexissjoni hija suġġetta għal operazzjoni kumplessa, għandu jkun permess għall-membru tal-persunal li jikkontesta, b’mod inċidentali, il-legalità tal-imsemmija klawżola, anki jekk ta’ portata individwali, waqt l-adozzjoni mill-amministrazzjoni tad-deċiżjoni li timplementaha, fl-istadju finali tal-operazzjoni.

(ara l-punti 40, 41 u 59)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Daake vs UASI, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 34 et seq

3.      Il-klawżola 1(b) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] li huwa anness mad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha l-għan li tistabbilixxi qafas sabiex jiġu preklużi l-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal żmien determinat u, f’dan il-kuntest, hija intiża li tirrestrinġi l-użu suċċessiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi tipprovdi għal numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi sabiex jevitaw sitwazzjoni prekarja tal-impjegati. Issa, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jtendu preċiżalment li jillimitaw l-użu ta’ kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju suċċessivi. Minn naħa, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jista’ jiġġedded darba għal żmien determinat, u kull tiġdid sussegwenti għandu jkun għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(b) jew (d) ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li ma jistax ikun itwal minn erba’ snin, jista’ jiġġedded darba biss għal mhux iktar minn sentejn, bil-kundizzjoni li l-possibbiltà ta’ tiġdid tkun ġiet prevista fil-kuntratt inizjali, peress li l-membru tal-persunal jista’ jinżamm fl-impjieg tiegħu, fl-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, biss jekk ikun inħatar uffiċjal. Tali dispożizzjonijiet jikkorrispondu għall-miżuri ntiżi mill-Klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-ftehim qafas, li jistgħu jipprekludu l-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

Il-fatt li l-kuntratt tal-membru tal-persunal ikun ġie affettwat minn klawżola ta’ rexissjoni, jippermetti lill-amministrazzjoni ttemm fil-każ li l-persuna kkonċernata ma tkunx għaddiet minn kompetizzjoni li l-organizzazzjoni tagħha kienet tħabbret f’ċertu terminu, ma jippermettix, minkejja t-termini tal-kuntratt, li jiġi kkwalifikat bħala kuntratt għal żmien indeterminat, liema kuntratt huwa kkaratterizzat mill-istabbiltà tal-impjieg. Fil-fatt, it-tul ta’ kuntratt, kif jirriżulta mill-Klawżola 3(1) tal-ftehim qafas, jista’ jiġi ddeterminat mhux biss mill-fatt “li jilħaq data speċifika”, iżda wkoll mill-fatt li “ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq [li jseħħ] ta’ każ [avveniment] speċifiku” bħar-redazzjoni ta’ lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni speċifika, li magħha huma marbuta diversi konsegwenzi possibbli skont it-termini tal-kuntratt tal-membru tal-persunal. B’hekk, fil-każ li ma jkunx imniżżel ismu fil-lista ta’ riżerva, mit-termini tal-kuntratt jirriżulta li dan ser jintemm; dan jgħodd ukoll normalment fil-każ li jgħaddi mill-kompetizzjoni, għar-raġuni li impjieg ta’ uffiċjal ikun għaldaqstant propost lill-membru tal-persunal ikkonċernat, peress li huwa mifhum li, fil-każ ta’ rifjut tal-offerta, ikun ukoll intemm il-kuntratt skont it-termini tiegħu.

Minn dan isegwi li għandha tiġi annullata deċiżjoni tal-amministrazzjoni li ttemm l-impjieg ta’ membru tal-persunal u li tkun ġiet meħuda b’mod żbaljat abbażi ta’ klawżola ta’ rexissjoni inkluża fil-kuntratt ta’ impjieg ta’ dan tal-aħħar bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra. Fil-fatt, wara tiġdid, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsmemija Kondizzjonijiet tal-impjieg, bejn l-amministrazzjoni u l-membru tal-persunal, iġġedded għal żmien determinat, minkejja t-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

(ara l-punti 62 sa 64 u 68 sa 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 taʼ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, punt 63

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 taʼ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 66