Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2019 minn Vans, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-6 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-817/16, Vans, Inc. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-123/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Vans, Inc. (rappreżentanti: M. Hirsch u M. Metzner, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Deichmann SE

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Id-Disa’ Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-817/16 u d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-21 ta’ Settembru 2016 fil-Każ R 2030/2015-4 u tiċħad l-oppożizzjoni kollha kemm hi;

tikkundanna lill-konvenut fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-intervenjenti tat provi suffiċjenti tat-trade mark preċedenti; b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod wisq wiesa’ l-kunċett ta’ “dokument ekwivalenti” fis-sens tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 1 (issa l-Artikolu 7(2)(a)(ii) tar-Regolament Delegat Nru 2018/625 2 );

Bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali, estratt mid-data base TMView ma huwiex “dokument ekwivalenti” fis-sens tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009; dan jirriżulta, minn naħa, mill-formulazzjoni ċara tad-dispożizzjoni li, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti ekwivalenti ammessi, tirreferi għan-natura u mhux għall-oriġini tad-dokument, u, min-naħa l-oħra, mir-ratio legis tad-dispożizzjoni;

Minħabba l-karatteristiċi tad-database, estratt minn TMView ma jistax isir prova li tissostanzja [l-oppożizzjoni];

L-oppożizzjoni kellha għalhekk tiġi miċħuda diġà minħabba l-assenza ta’ prova tad-dritt preċedenti;

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti; b’mod partikolari, filwaqt li l-Qorti Ġenerali ċertament ikkonstatat id-differenzi eżistenti bejn is-sinjali, madankollu ma kkunsidrathomx iktar waqt l-evalwazzjoni tax-xebh viżiv bejn is-sinjali, iżda sempliċement qalet b’mod ġenerali u mingħajr ma mmotivat dan ulterjorment li jeżisti xebh viżiv medju bejn is-sinjali.

____________

1     Regolment tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).

2     Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1).