Language of document : ECLI:EU:C:2012:255

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ April 2012 (*)

“Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Minuri abitwalment residenti fl-Irlanda fejn kien ripetutament is-suġġett ta’ tqegħid — Aġir aggressiv u perikoluż għall-minuri stess — Deċiżjoni li l-minuri jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà fl-Ingilterra — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament — Artikolu 56 — Regoli ddettaljati dwar il-konsultazzjoni u l-kunsens — Obbligu li tiġi rrikonoxxuta jew iddikjarata eżegwibbli d-deċiżjoni li l-minuri jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà — Miżuri provviżorji — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑92/12 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2012, fil-proċeduri

Health Service Executive

vs

S. C.,

A. C.,

fil-preżenza ta’:

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-16 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2012, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tad-29 ta’ Frar 2012 tat-Tieni Awla li din it-talba għandha tiġi milqugħa,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Health Service Executive, minn A. Cox, avukat, u F. McEnroy, SC, kif ukoll minn S. McKechnie, BL,

–        għal S. C., minn G. Durcan, SC, u B. Barrington, BL, kif ukoll minn C. Ghent, avukat,

–        għal A. C., minn C. Stewart, SC, kif ukoll minn F. McGath, BL, N. McGrath, solicitor, u minn C. Dignam, avukat,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn C. Corrigan, SC, u C. Power, BL, kif ukoll minn K. Duggan,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn M. Gray, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u D. Calciu, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), u b’mod partikolari tal-Artikoli 1, 28 u 56 tiegħu.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Health Service Executive (Direttorat tas-saħħa pubblika, iktar ’il quddiem l-“HSE”) u, min-naħa l-oħra, minuri u ommu, dwar it-tqegħid ta’ dan il-minuri f’istituzzjoni ta’ kura taħt sigurtà li tinsab fl-Ingilterra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 5, 16 u 21 tar-Regolament jistabbilixxu:

“(2) Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ndorsja l-principju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u identifikat id-dritt taż-żjara bħala prijorità.

[…]

(5)      Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[…]

(16)      Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-qrati ta’ xi Stat Membru milli jieħdu miżuri proviżorji, inkluzi dawk protettivi, f’każijiet urġenti, fir-rigward ta’ persuni jew proprjetà li tinstab f’dak l-Istat.

[…]

(21)      Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.”

4        Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huwa ddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu. L-Artikolu 1(1)(b) tiegħu jindika li dan ir-regolament japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tat-tribunal, għal kwistjonijiet ċivili li jikkonċernaw l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri. L-Artikolu 1(2) tar-Regolament jelenka l-kwistjonijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 1(1)(b) u, fost dawn il-kwistjonijiet, tinsab, b’mod partikolari, fil-punt (d), il-kwistjoni tat-“tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja stituzjonali [f’istituzzjoni]”. L-Artikolu 1(3)(g) tar-Regolament jipprovdi li r-Regolament ma japplikax għall-miżuri meħuda bħala riżultat ta’ reati kriminali mwettqa minn minuri.

5        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.      ll-kelma ‘qort’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil‑ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza [fil-kamp ta’ applikazzjoni] ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[…]

4.      il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser [...] sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l‑ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]

7.      il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r‑responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9.      il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]”

6        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament jipprovdi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l‑Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tkun adita].”

7        L-Artikolu 15 tar-Regolament jippermetti, fuq bażi eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-rinviju tal-kawża mill-qorti ta’ Stat Membru li jkollha ġurisdizzjoni dwar il-mertu tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari, jekk l-ewwel qorti tqis li t-tieni qorti tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u meta dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

8        Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, fil-każ ta’ urġenza, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu miżuri provviżorji jew kawtelatorji fir-rigward tal-persuni li jkunu jinsabu f’dan l-Istat, liema miżuri jkunu previsti mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru, u dan anki jekk, skont ir-regolament imsemmi, tkun qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu.

9        Fit-Taqsima I tal-Kapitolu III tar-Regolament, l-Artikolu 21 tiegħu, intitolat “Ir-Rikonoxximent ta’ sentenza”, jipprovdi:

“1.      Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti imsemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta.

Il-ġurisdizzjoni lokali [territorjali] ta’ l-qorti li tidħer fil-lista notifikata f’kull Stat Membru lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 68 għandha tiġi ddeterminata skond il-liġi nterna ta’ l-Istat Membru li fih jinġiebu l-proċedimenti għar-rikonoxximent jew għan-nuqqas ta’ rikonoxximent.

4.      Fejn ir-rikonoxximent ta’ xi sentenza titressaq bħala kwistjoni nċidentali f’qorti ta’ xi Stat Membru, dik il-qorti tista’ tiddetermina dik il-kwistjoni.”

10      L-Artikolu 23 tar-Regolament, intitolat “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri”, jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom deċiżjoni mogħtija fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhiex tiġi rikonoxxuta u, fost dawn iċ-ċirkustanzi hemm, fil-punt (g) ta’ dan l-artikolu, il-każ ta’ “jekk il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56 ma ġietx imħarsa”.

11      Fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament, l-Artikolu 28 tiegħu, intitolat “Is-Sentenzi [...] li jistgħu jiġu nfurzati”, jipprovdi:

“1.       Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk.

2.       Madanakollu, fir-Renju Unit, l-imsemmija sentenza għandha tiġi nfurzata fl-Inġilterra u f’Wales, fl-Iskożja u fl-Irlanda ta’ Fuq biss meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti, ġiet rreġistrata għall-infurzar f’dik il-parti tar-Renju Unit.”

12      Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament:

“1.      Il-qorti li tkun saritilha l-applikazzjoni [għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà] għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien. La l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar, u lanqas il-minuri m’għandhom, f’dan l-istadju ta’ l-proċedimenti, ikunu ntitulati jagħmlu xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

2.      L-applikazzjoni tista’ tiġi rifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikoli 22, 23 u 24.

3.      Taħt l-ebda ċirkustanzi m’għandha sentenza titħalla tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza tagħha.”

13      L-Artikolu 33 tar-Regolament jagħti b’mod partikolari d-dritt li waħda mill-partijiet tippreżenta appell mid-deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Fil-paragrafu 5 tiegħu, dan l-artikolu jindika li “appell kontra dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità għandu jiġi ppreżentat fi zmien xahar min-notifika tiegħu [tagħha]. Jekk il-parti li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar hija abitwalment residenti fi Stat Membru li mhux dak li fih ingħatat id-dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità, iż-żmien għall-appell għandu jkun ta’ xaharejn u għandu jibda jiddekorri mid-data tan-notifika, jew fuq ismu jew fuq ir-residenza tiegħu”.

14      L-Artikolu 34 tar-Regolament, intitolat “Il-Qorti ta’ l-appell u l-mezzi ta’ kontestazzjoni”, jipprovdi li d-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista’ tiġi kkontestata biss permezz tar-rimedju ġudizzjarju msemmi fil-lista kkomunikata minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 68 tar-Regolament.

15      Fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tar-Regolament, l-Artikoli 41 u 42 tiegħu jipprovdu, rispettivament, li d-dritt ta’ aċċess mogħti permezz ta’ deċiżjoni eżegwibbli mogħtija fi Stat Membru u r-ritorn tal-minuri li jirriżulta minn deċiżjoni eżegwibbli mogħtija fi Stat Membru għandhom ikunu rikonoxxuti u għandhom ikunu eżegwibbli fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tirrikonoxxi l-eżegwibbiltà tagħhom u mingħajr ma jkun possibbli li ssir oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom jekk id-deċiżjoni jkollha magħha ċertifikat maħruġ mill-qorti fl-Istat Membru ta’ oriġini.

16      Il-Kapitolu IV tar-Regolament, intitolat “Il-koperazzjoni bejn awtoritajiet ċentrali f’kwistjonijiet tar-responsabiltà ta’ l-ġenituri”, jinkludi l-Artikoli 53 sa 58. Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità ċentrali waħda jew iktar li jkunu responsabbli sabiex jassistu fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u għandu jippreċiża l-kompetenzi territorjali jew materjali tagħhom.

17      L-Artikolu 55 tar-Regolament, intitolat “Koperazzjoni dwar każijiet speċifiċi dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri”, jipprovdi, fil-punt (d) tiegħu:

“L-awtoritajiet ċentrali għandhom, fuq talba minn awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor jew minn min għandu r-responsabbilità tal-ġenituri, jikkoperaw dwar il-każijiet speċifiċi biex jakkwistaw l-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandhom, jaġixxu direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ korpi oħra, jieħdu l-passi neċessarji kollha skond il-liġi ta’ dak l-Istat Membru fi kwistjonijiet tal-protezzjoni personali tad-data biex:

[…]

d)      jipprovdu l-imsemmija nformazzjoni u jagħtu l-għajnuna skond kif hemm bżonn mill-qrati biex japplikaw l-Artikolu 56.”

18      L-Artikolu 56 tar-Regolament, intitolat “It-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi:

“1.       Fejn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 8 sa 15 tikkontempla t-tqegħid tal-minuri f’istitut jew ma’ familja tar-rispett u fejn l-imsemmi tqegħid għandu jseħħ fi Stat Membru ieħor, l-ewwel għandha tikkonsulta l-awtorità ċentrali jew xi awtorità ohra li għandha l-ġurisdizzjoni [jew awtorità kompetenti oħra] f’dak l-aħħar Stat fejn huwa meħtieġ l-intervent tal-awtorità pubblika f’dak l-Istat Membru għal każijiet domestiċi tat-tqegħid tal-minuri.

2.       Is-sentenza dwar it-tqegħid imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ ssir fl-Istat fejn hemm it-talba biss jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat mitlub tkun tagħat il-kunsens tagħha għal dan it-tqegħid.

3.       Il-proċedimenti għall-konsultazzjoni jew għall-kunsens imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat mitlub.

4.      Fejn l-awtorità li għandha l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 8 sa 15 tiddeċiedi biex tqiegħed il-minuri ma’ familja tar-rispett, u fejn dan it-tqegħid għandu jseħħ fi Stat Membru ieħor u fejn m’huwa meħtieġ l-ebda ntervent ta’ xi awtorità pubblika f’dan l-aħħar Stat għall-każijiet domestiċi għat-tqegħid tal-minuri, hija għandha tinforma b’dan lill-awtorità ċentrali jew lill-awtorità oħra li għandha l-ġurisdizzjoni f'dan l-aħħar Stat.”

 Il-kuntest ġuridiku Irlandiż

19      Mit-tweġiba għal talba għal kjarifiki indirizzata lill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 104(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn A. C. jirriżulta li, fid-dritt Irlandiż, ma jeżisti ebda qafas leġiżlattiv ta’ natura li jista’ jservi ta’ bażi għall-kompetenza li jiġi awtorizzat jew irregolat it-tqegħid ta’ minuri, għal finijiet terapewtiċi u edukattivi, f’istituzzjoni taħt sigurtà, la f’dan l-Istat stess u lanqas barra minn dan l-Istat. Madankollu, il-High Court iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tali talbiet għal tqegħid f’istituzzjonijiet taħt sigurtà.

20      Il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza esposti mill-qorti tar-rinviju ser jiġu ssostitwiti b’qafas leġiżlattiv. Dan il-qafas ġie introdott permezz tal-emenda għal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri [Child Care (Amendment) Act 2011], iżda għadu ma daħalx fis-seħħ.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Irlandiż, il-High Court tista’ tkun adita b’talba intiża sabiex minuri jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà għal finijiet ta’ protezzjoni. Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi inerenti u kostituzzjonali tagħha intiżi għad-difiża u għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ minuri, din il-qorti tista’, fuq bażi eċċezzjonali u għal perijodi qosra ta’ żmien, tordna li minuri jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà għal finijiet ta’ protezzjoni, u dan fid-dawl tal-aħjar interess tiegħu u bil-kundizzjoni li jkun hemm motivi terapewtiċi li jiġġustifikaw tali tqegħid. Għal dan il-għan, dik il-qorti tista’ tawtorizza t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab barra mill-pajjiż. Dawn id-deċiżjonijiet jiġu adottati esklużivament fuq bażi provviżorja u huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju regolari u approfondit li, bħala regola ġenerali, isir kull xahar.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

22      S. C. huwa minuri ta’ ċittadinanza Irlandiża li għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Irlanda. Ommu, A. C., tgħix f’Londra (ir-Renju Unit). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħti ebda indikazzjoni dwar ir-residenza tal-missier.

23      Matul is-sena 2000, il-minuri kien is-suġġett ta’ tqegħid volontarju fi ħdan l-HSE, li huwa l-awtorità uffiċjali responsabbli għall-minuri li jkunu taħt il-kustodja tal-Istat fl-Irlanda. Fl-20 ta’ Lulju 2000, id-District Court ħarġet digriet ta’ tqegħid f’isem HSE fejn awtorizzat jieħu taħt il-kustodja tiegħu lil S. C. sakemm dan jagħlaq it-tmintax-il sena, skont l-Artikolu 18 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri (Child Care Act, 1991).

24      S. C. kien ripetutament is-suġġett ta’ tqegħid, sa minn meta kellu età żgħira ħafna, ma’ familji tar-rispett u kif ukoll f’istituzzjonijiet mingħajr sigurtà jew taħt sigurtà li jinsabu fl-Irlanda.

25      S. C. huwa partikolarment vulnerabbli u għandu bżonnijiet importanti f’termini ta’ protezzjoni. Huwa ħarab diversi drabi mill-postijiet fejn tqiegħed u l-aġir tiegħu huwa kkaratterizzat mit-teħid ripetut ta’ riskji kif ukoll minn atti vjolenti, minn aggressjoni u minn ħsara lilu nnifsu.

26      L-aħħar tqegħid f’istituzzjoni taħt sigurtà fl-Irlanda ma kienx irnexxa. Il-minuri iżola ruħu, irrifjuta li jiddedika ruħu għall-programm ta’ kura terapewtika tiegħu u s-sitwazzjoni tiegħu malajr marret għall-agħar. Huwa ħarab u wettaq diversi tentattivi ta’ suwiċidju.

27      L-esperti tas-saħħa kollha qablu li, għall-protezzjoni tiegħu stess, il-minuri kellu jinżamm f’istituzzjoni taħt sigurtà sabiex b’hekk ikun jista’ jkun suġġett għal evalwazzjoni klinika u għal interventi terapewtiċi adegwati. Madankollu, dawn l-esperti kkunsidraw li fl-Irlanda ma kien hemm ebda istituzzjoni li setgħet tissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi ta’ S. C.

28      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, l-HSE kkunsidra li l-bżonnijiet tal-minuri f’termini ta’ kura, ta’ protezzjoni u ta’ welfare kienu jirrikjedu li, b’mod urġenti, jitqiegħed f’istituzzjoni ta’ kura taħt sigurtà li tinsab fl-Ingilterra. Milli jidher, l-għażla tal-istituzzjoni kienet iddeterminata mill-fatt li S. C. kontinwament esprima x-xewqa li jkun eqreb lejn ommu u mill-fatt li ebda alternattiva ta’ tqegħid oħra ma setgħet tissodisfa aħjar il-bżonnijiet speċifiċi ta’ S. C.

29      Minħabba n-natura urġenti tal-każ, l-HSE talab lill-High Court, permezz ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, tordna t-tqegħid ta’ S. C. fl-istituzzjoni taħt sigurtà magħżula, li tinsab fl-Ingilterra.

 Il-proċedura għall-kisba ta’ kunsens għat-tqegħid mingħand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, fis-sens tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament

30      Fid-29 ta’ Settembru 2011, l-HSE informa lill-Awtorità Ċentrali Irlandiża bil-proċedura pendenti quddiem il-High Court li l-għan tagħha kien it-tqegħid tal-minuri fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 56 tar-Regolament. L-HSE insista li jinkiseb mingħand l-Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales il-kunsens previst fl-Artikolu 56 tar-Regolament fir-rigward tat-tqegħid ta’ S. C. L-Awtorità Ċentrali Irlandiża wieġbet lill-HSE billi informatu li t-talba għal kunsens taħt dan l-artikolu kienet tressqet quddiem l-Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales.

31      Fil-25 ta’ Ottubru 2011, l-International Child Abduction and Contact Unit (ICACU), li jaġixxi f’isem il-Lord Chancellor, li huwa l-Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales, kif ukoll l-Official Solicitor (amministratur responsabbli fi ħdan l-Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales) bagħtu lill-Awtorità Ċentrali Irlandiża ittra li fil-parti ta’ fuq tagħha (letterhead) kellha indikati l-istituzzjoni taħt sigurtà u l-kunsill lokali tal-belt fejn tinsab din l-istituzzjoni, ittra li huma ppreżentaw bħala li oriġinat minn din l-awtorità lokali. Din l-ittra tindika li l-istituzzjoni taħt sigurtà aċċettat it-tqegħid ta’ S. C.

32      Fl-10 ta’ Novembru 2011, l-ICACU u l-Official Solicitor bagħtu lill-Awtorità Ċentrali Irlandiża ittra mill-istituzzjoni taħt sigurtà li fiha din tal-aħħar ikkonfermat li setgħet tospita lil S. C. kif previst fl-Artikolu 56 tar-Regolament. Huma indikaw li kienu qegħdin jagħlqu l-każ peress li t-tqegħid kien ġie kkonfermat permezz ta’ din l-ittra.

 Id-deċiżjoni ta’ tqegħid tal-High Court

33      Fit-2 ta’ Diċembru 2011, il-High Court, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, iddeċidiet li minħabba l-welfare ta’ S. C. hija kienet obbligata tittrasferixxi, b’mod urġenti, lill-minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà li toffri kura terapewtika u edukattiva fl-Ingilterra. Hija għalhekk ordnat it-tqegħid ta’ S. C. f’tali istituzzjoni speċjalizzata fl-Ingilterra għal perijodu qasir u fuq bażi provviżorja filwaqt li pprovdiet li l-kundizzjonijiet tat-tqegħid tiegħu u l-welfare tiegħu kellhom jiġu kkontrollati b’mod regolari. Tali tqegħid, li huwa kkaratterizzat minn detenzjoni bil-forza, jissejjaħ “secure care” fid-dritt Irlandiż (iktar ’il quddiem id-“detenzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni”).

34      Fid-deċiżjoni tagħha dwar miżuri provviżorji, il-qorti tar-rinviju ddikjarat, b’mod partikolari, li l-kunsens meħtieġ mill-Artikolu 56(2) tar-Regolament kien ingħata mill-Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales u ma kienx inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament jew tal-liġi. Hija enfasizzat li, fid-dawl tan-natura urġenti tal-kawża, il-kwistjoni ta’ proċedura eventwali fl-Ingilterra u f’Wales għall-finijiet ta’ rikonoxximent u ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt ir-Regolament ma kinitx deċiża.

35      Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, il-HSE ttrasferixxa lil S. C. fl-Ingilterra, fejn il-minuri għadu jirrisjedi fil-kuntest ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni. Fil-mument tat-trasferiment, l-HSE ma talabx li tingħata dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni ta’ tqegħid fir-Renju Unit.

 Il-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju

36      Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-partijiet kollha fil-proċedura, bl-eċċezzjoni tal-minuri stess, jaqblu li t-tqegħid fl-istituzzjoni taħt sigurtà jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tal-minuri. Madankollu, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-partijiet u tal-provi prodotti quddiemha, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar numru ta’ kwistjonijiet.

37      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011 taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għandha tiġi deċiża sa fejn tikkonċerna miżura li timplika ċaħda tal-libertà.

38      It-tieni nett, il-provi prodotti quddiem il-qorti tar-rinviju ma jindikawx b’mod ċar liema korp speċifiku huwa nnominat b’mod espliċitu, fid-dritt Ingliż, bħala l-“awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 56 tar-Regolament.

39      F’dikjarazzjoni ġuramentata ppreżentata lill-qorti tar-rinviju, l-Awtorità Ċentrali għall-Ingilterra u Wales fil-fatt iddikjarat li hija ma kinitx l-“awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 56 tar-Regolament u li ma hemmx awtorità kompetenti waħda partikolari għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, fis-sens li diversi korpi jista’ jkollhom din il-funzjoni.

40      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-prattika, jidher li l-kunsens meħtieġ skont l-imsemmi artikolu joriġina mill-istituzzjoni li fiha jkun maħsub li jitqiegħed il-minuri. Jista’ jirriżulta kunflitt ta’ interessi jekk qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tordna li minuri għandu jitqiegħed f’istituzzjoni li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru fejn din l-istituzzjoni tkun hija stess l-“awtorità kompetenti”, għaliex din l-istituzzjoni tkun tista’ tiggwadanja mit-tqegħid. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-espert maħtur minnha, il-kunsens meħtieġ mill-Artikolu 56 tar-Regolament għandu joriġina minn korp pubbliku.

41      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni li tordna t-tqegħid ta’ S. C.

42      Hija tosserva li, jekk proċedura intiża sabiex jinkiseb ir-rikonoxximent u dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid ta’ minuri kellha tinbeda u tintemm qabel ma dan il-minuri jitqiegħed minn Stat Membru fi Stat Membru ieħor, dan jista’ jwassal, fil-prattika u f’sitwazzjonijiet urġenti, sabiex ir-Regolament jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu. Għall-kuntrarju, jekk minuri jitqiegħed f’istituzzjoni tal-Istat mitlub qabel ma tintemm din il-proċedura u jekk id-deċiżjoni ta’ tqegħid ma jkunx jista’ jkollha effetti qabel din id-data, dan ukoll ikun jista’ jikkomprometti l-interessi, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni, tal-minuri.

43      Fid-dawl tal-provi prodotti quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-awtoritajiet rilevanti tar-Renju Unit jistgħux leġittimament jieħdu miżuri bis-saħħa tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011, b’mod partikolari qabel ma din id-deċiżjoni tiġi ddikjarata eżegwibbli. Jekk dawn il-miżuri jkunu jistgħu jittieħdu biss fil-kuntest tal-adozzjoni, mill-qrati Ingliżi, ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament, dan ikun ifisser li deċiżjonijiet importanti dwar il-protezzjoni ta’ S. C. ikunu jistgħu jiġu adottati, għal perijodu twil u f’mument ta’ importanza kritika fir-rigward tat-tqegħid tiegħu u taż-żamma tiegħu, minn qorti li ma hijiex dik li fiż-żona tal-ġurisdizzjoni tagħha tinsab ir-residenza abitwali ta’ S. C. Tali sitwazzjoni tkun kuntrarja għal wieħed mill-għanijiet fundamentali tar-Regolament.

44      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar liema aġir għandha tadotta fil-każ li jirriżulta li d-detenzjoni ma hijiex konformi mar-Regolament u jekk, f’dan il-każ, S. C. huwiex awtorizzat li sempliċement jitlaq mill-istituzzjoni fejn qiegħed attwalment jinżamm minkejja li l-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-minuri stess, jaqblu dwar il-fatt li huwa fl-aħjar interess tiegħu li jibqa’ temporanjament f’din l-istituzzjoni.

45      Ir-raba’ nett, mill-provi prodotti jirriżulta li kunsensi ġodda skont l-Artikolu 56 tar-Regolament u talbiet ġodda għal rikonoxximent u għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid jistgħu jkunu rikjesti kull darba li tiġġedded id-deċiżjoni li żżomm lill-minuri f’detenzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni.

46      Skont il-qorti tar-rinviju, jekk tali rekwiżiti jkunu imposti meta jiġġeddu d-deċiżjonijiet, dan ikollu konsegwenzi serji fuq l-eżekuzzjoni prattika u effettiva tad-deċiżjonijiet adottati mill-qorti tar-rinviju jew fuq il-permanenza tat-tqegħid ta’ minuri bħal S. C. Jekk ikun meħtieġ li kull darba li jsir tiġdid jinkiseb kumpens ġdid u dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent u ta’ eżegwibbiltà ġdida, tkun qiegħda tiġi kompromessa l-finalità ta’ din is-sistema ta’ tqegħid.

47      Sabiex tkun tista’ tevalwa l-aħjar mod kif tipproteġi l-interessi tal-minuri fil-kawża prinċipali, u sabiex tiddeċiedi jekk it-tqegħid tiegħu fl-istituzzjoni ta’ kura taħt sigurtà li tinsab fl-Ingilterra għandux jinżamm, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Deċiżjoni li tqiegħed minuri f’kustodja protettiva għal żmien speċifiku f’istituzzjoni li tipprovdi kura terapewtika u edukattiva fi Stat Membru ieħor, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament [...]?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, liema obbligi jirriżultaw, skont il-każ, mill-Artikolu 56 tar-Regolament [...] għal dak li jirrigwarda n-natura tal-konsultazzjoni u tal-mekkaniżmu ta’ kunsens sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ minuri qabel ma jitqiegħed f’kustodja f’dawn il-kundizzjonijiet?

3)      Meta qorti ta’ Stat Membru tkun ipprovdiet għat-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat u tkun kisbet il-kunsens ta’ dak l-Istat skont l-Artikolu 56 tar-Regolament [...], id-deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat għandha tkun rikonoxxuta u/jew iddikjarata eżegwibbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor sabiex dan it-tqegħid ikun jista’ jseħħ?

4)      Deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat, li jkun ġie approvat mill-imsemmi Stat Membru skont l-Artikolu 56 tar-Regolament [...], għandha effetti ġuridiċi f’dan l-Istat Membru l-ieħor qabel ma tinħareġ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent u/jew ta’ saħħa eżekuttiva fi tmiem il-proċedura prevista għal dan il-għan?

5)      Meta deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat skont l-Artikolu 56 tar-Regolament [...] tiġi mġedda għal żmien determinat ulterjuri, il-kunsens tal-Istat Membru l-ieħor previst [f’dan l-]Artikolu 56 għandu jinkiseb għal kull tiġdid?

6)      Meta deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni residenzjali ta’ Stat Membru ieħor għal żmien determinat skont l-Artikolu 56 tar-Regolament [...] tiġi mġedda għal żmien determinat ulterjuri, din id-deċiżjoni għandha tkun rikonoxxuta u/jew iddikjarata eżegwibbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor għal kull tiġdid?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

48      Il-High Court talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura.

49      Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi indikat, minn naħa, li din il-kawża tikkonċerna minuri, miżmum kontra r-rieda tiegħu għal finijiet ta’ protezzjoni, f’istituzzjoni ta’ kura taħt sigurtà. Hija tispjega, min-naħa l-oħra, li din hija wkoll proċedura li tikkonċerna l-kustodja ta’ minuri, li għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Irlanda u li hija qiegħdet f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħha tiddependi mill-applikabbiltà tar-Regolament għal din il-proċedura ta’ tqegħid u, għaldaqstant, mir-risposta għad-domandi magħmula. Fit-tweġiba tagħha għal talba għal kjarifiki, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li s-sitwazzjoni tal-minuri teħtieġ miżuri urġenti. Il-minuri dalwaqt jilħaq l-età ta’ maġġorenni, u għalhekk ma jibqax taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal, u l-istat tiegħu jeżiġi li jitqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà, għal perijodu qasir, u li jiġi stabbilit programm ta’ libertà strutturali u gradwali sabiex b’hekk ikun jista’ jitqiegħed mal-familja tiegħu fl-Ingilterra.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-29 ta’ Frar 2012, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

 Osservazzjonijiet preliminari

51      B’mod parallel għat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ordnat lill-HSE titlob l-assistenza tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit), skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, sabiex jiġi żgurat li l-minuri jittieħed taħt kura u effettivament jinżamm f’istituzzjoni taħt sigurtà fl-Ingilterra, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

52      Fl-24 ta’ Frar 2012, il-HSE ressaq talba għal miżuri provviżorji u kawtelatorji, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, dwar it-tqegħid ta’ S. C. fl-Ingilterra, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division. Din il-qorti laqgħet din it-talba fl-istess jum. B’mod partikolari, ġie ordnat li, b’mod provviżorju u sakemm ma tingħata ebda deċiżjoni oħra mill-High Court of Justice, S. C. kellu jirrisjedi fl-istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fl-Ingilterra sabiex hemmhekk jirċievi l-assistenza u t-trattamenti meħtieġa, u li d-direttur u l-membri tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu ċerti miżuri, fosthom, jekk dan ikun meħtieġ, l-użu tal-forza, sa fejn ikun raġonevoli, sabiex iżommu jew jirritornaw lil S. C. fl-istituzzjoni kkonċernata.

53      L-HSE talab ukoll li d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li ordnat, fit-2 ta’ Diċembru 2011, it-tqegħid ta’ S. C. f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fl-Ingilterra tiġi ddikjarata eżegwibbli fir-Renju Unit fil-konfront ta’ S. C., irrappreżentat mill-kuratur tiegħu, A. C., u tal-awtorità lokali li taqa’ taħtha din l-istituzzjoni. Din it-talba tressqet fl-24 ta’ Frar 2012.

54      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Marzu 2012, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, iddikjarat li d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tat-2 ta’ Diċembru 2011 hija rreġistrata u eżegwibbli fl-Ingilterra u f’Wales, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament. L-avviż ta’ reġistrazzjoni ntbagħat lill-HSE sabiex jiġi nnotifikat lill-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali.

55      Fit-tweġiba tagħha għat-talba għal kjarifiki li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li hija ġeddet id-deċiżjoni ta’ tqegħid tat-2 ta’ Diċembru 2011 diversi drabi, jiġifieri fis-6, 9, 16 u 21 ta’ Diċembru 2011, fil-11, 23 u 27 ta’ Jannar 2012, fit-3, 7, 9, 16 u 24 Frar 2012 kif ukoll fid-9 ta’ Marzu ta’ din l-istess sena.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

56      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni li tipprovdi kura terapewtika u edukattiva taħt sigurtà u li tinsab fi Stat Membru ieħor, li timplika, għal finijiet ta’ protezzjoni, ċaħda tal-libertà għal perijodu determinat, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament.

57      Mill-premessa 5 tar-Regolament jirriżulta li, bl-intenzjoni li tiġi żgurata l-ugwaljanza għall-minuri kollha, dan ir-regolament għandu jkopri d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C, C‑435/06, Ġabra p. I‑10141, punti 47 u 48).

58      L-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament jipprovdi li dan japplika, fil-qasam ċivili, għall-“attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri”.

59      L-Artikolu 2(7) tar-Regolament jiddefinixxi r-“responsabbilità ta’ l-ġenituri” bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali”. Dan il-kunċett, li għandu jiġi ddefinit b’mod wiesa’ (sentenza C, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49), jinkludi b’mod partikolari “d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess”, fejn id-dritt ta’ kustodja jfisser id-drittijiet u r-responsabbiltajiet marbuta mal-kura tal-persuna tal-minuri, u, b’mod partikolari, id-dritt li jiġi ddeterminat il-post tar-residenza tal-minuri, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament. Skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament, ir-responsabbiltà tal-ġenituri hija vestita fi “kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri”. Ma huwiex rilevanti li, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, id-dritt ta’ kustodja jkun ġie ttrasferit lil amministrazzjoni.

60      Il-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ saħansitra jinkludi miżuri li, mill-perspettiva tad-dritt ta’ Stat Membru, jaqgħu taħt id-dritt pubbliku (sentenza C, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tqegħid ta’ minuri fil-kura ta’ familja tar-rispett li tirrisjedi fiż-żona tal-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor taqa’ taħt il-kunċett ta’ kwistjonijiet ċivili meta din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku ta’ Stat Membru dwar il-protezzjoni tal-minuri (sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, Ġabra p. I‑2805, punt 29).

61      L-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament jipprovdi li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jikkonċernaw it-“tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja stituzjonali”.

62      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 56 tar-Regolament jikkonċerna espliċitament it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni fi Stat Membru ieħor.

63      Huwa minnu li l-Artikoli 1(2)(d) u 56 tar-Regolament ma jagħmlux riferiment espliċitu għad-deċiżjonijiet tal-qrati ta’ Stat Membru li jordnaw it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni fi Stat Membru ieħor meta dan it-tqegħid jinkludi perijodu ta’ ċaħda tal-libertà għal finijiet terapewtiċi u edukattivi. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jeskludi dawn id-deċiżjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Fil-fatt, mill-punt 30 tas-sentenza C, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-lista li tinsab fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ma hijiex eżawrjenti u hija ta’ natura indikattiva, kif jindika l-użu tal-kelma “partikolarment”.

64      Kif sostnew il-partijiet u l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ tqegħid f’istituzzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tqegħid f’istituzzjoni taħt sigurtà. Fil-fatt, kwalunkwe interpretazzjoni oħra ċċaħħad lill-minuri li jkunu partikolarment vulnerabbli u li jkunu jeħtieġu tali tqegħid mill-benefiċċju tar-Regolament u tkun kuntrarja għall-għan tar-Regolament, espost fil-premessa 5, li tiġi żgurata l-ugwaljanza għall-minuri kollha.

65      L-Artikolu 1(3) tar-Regolament jipprevedi numru ta’ każijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-punt (g) ta’ din id-dispożizzjoni jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament il-“miżuri meħuda bħala riżultat ta’ xi reati kriminali magħmula mill-minuri” biss u, għaldaqstant, il-miżuri ta’ detenzjoni ta’ minuri li jissanzjonaw it-twettiq ta’ reat kriminali. Minn dan jirriżulta li t-tqegħid b’miżuri ta’ ċaħda tal-libertà jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament meta dan it-tqegħid ikun ordnat sabiex il-minuri jiġi protett, u mhux sabiex jiġi ssanzjonat.

66      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni li tipprovdi kura terapewtika u edukattiva taħt sigurtà u li tinsab fi Stat Membru ieħor, li timplika, għal finijiet ta’ protezzjoni, ċaħda tal-libertà għal perijodu determinat, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament.

 Fuq it-tieni domanda

67      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 56 tar-Regolament dwar in-natura tal-konsultazzjoni u l-mekkaniżmu ta’ kunsens fir-rigward tat-tqegħid ta’ minuri meta, bħal fil-kawża prinċipali, it-tqegħid jagħti lok għal ċaħda tal-libertà.

68      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, bħala regola ġenerali, ma huwiex il-kompitu tal-qorti ta’ Stat Membru li tistħarreġ il-bażi tal-kunsens għal tqegħid mogħti fi Stat Membru ieħor. Sa fejn il-kawża ineżami tikkonċerna l-protezzjoni tal-aħjar interess ta’ minuri mqiegħed f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti li kkunsidrat it-tqegħid u li jinsab f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 56 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil kull qorti ta’ Stat Membru li tkun qiegħda tikkunsidra li tqiegħed minuri f’istituzzjoni ta’ Stat Membru tivverifika li rċeviet kunsens validu min-naħa tal-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

69      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-kunsens għandhiex tkun korp li jkun espliċitament innominat bis-saħħa ta’ miżura adottata mill-Istat Membru fejn tinsab din l-awtorità u li jkun f’pożizzjoni li jiżgura li titwettaq evalwazzjoni indipendenti dwar jekk it-tqegħid ikkunsidrat huwiex ser jipprovdi lill-minuri l-kura u l-protezzjoni adegwati u jekk dan it-tqegħid huwiex ser isir fl-aħjar interess tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, fi kwalunkwe każ, li l-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun l-istituzzjoni fejn ikun maħsub li jsir it-tqegħid.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 56(1) tar-Regolament jindika li huwa obbligatorju li tiġi kkonsultata l-awtorità ċentrali tal-Istat mitlub jew awtorità kompetenti oħra ta’ dan l-Istat Membru meta l-intervent tal-awtorità pubblika jkun previst għall-każijiet domestiċi ta’ tqegħid ta’ minuri. Meta tali intervent ma jkunx previst, skont l-Artikolu 56(4) tar-Regolament huwa obbligatorju biss li tiġi informata l-awtorità ċentrali tal-Istat mitlub jew awtorità kompetenti oħra ta’ dan l-Istat Membru.

71      F’dan il-każ, il-Gvern tar-Renju Unit indika li l-intervent ta’ korp pubbliku huwa neċessarju f’sitwazzjoni ta’ tqegħid domestiku ta’ minuri, sitwazzjoni li, barra minn hekk, hija paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

72      Skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament, id-deċiżjoni dwar it-tqegħid ta’ minuri fi Stat Membru ieħor tista’ tittieħed biss jekk l-“awtorità kompetenti” tal-Istat mitlub tkun approvat it-tqegħid.

73      Mill-formulazzjoni “l-awtorità ċentrali jew xi awtorità ohra li għandha l-ġurisdizzjoni [awtorità kompetenti oħra]”, użata fl-Artikolu 56(1) tar-Regolament, jirriżulta li l-awtorità ċentrali tista’ tkun awtorità kompetenti. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” li jinsab fl-Artikolu 56(2) ta’ dan ir-regolament jirreferi jew għall-“awtorità ċentrali” jew għal kwalunkwe “awtorità ohra li għandha l-ġurisdizzjoni [awtorità kompetenti oħra]” fis-sens tal-Artikolu 56(1) tal-istess regolament. Minn dan isegwi li l-Artikolu 56 tar-Regolament jippermetti li f’dan il-qasam tiġi stabbilita sistema deċentralizzata li tinkludi diversi awtoritajiet kompetenti.

74      L-Artikolu 56 tar-Regolament għandu jinqara flimkien mal-Artikoli 53 sa 55 tiegħu.

75      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 53 tar-Regolament jipprovdi li kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità ċentrali li l-kompitu tagħha jkun li tassisti “bl-applikazzjoni [tar-]Regolament”, filwaqt li jiddetermina l-kompetenzi territorjali jew materjali tagħha. L-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-funzjonijiet ġenerali tal-awtoritajiet ċentrali u jindika li għandhom jieħdu miżuri sabiex itejbu l-applikazzjoni tar-Regolament.

76      L-Artikolu 55 tar-Regolament jipprovdi li l-awtoritajiet ċentrali, fuq talba minn awtorità ċentrali oħra ta’ Stat Membru ieħor jew mill-persuna li fiha tkun vestita r-responsabbiltà tal-ġenituri, għandhom jikkooperaw f’każijiet partikolari sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament. Skont il-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jieħdu, huma stess jew permezz tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ korpi oħra, kull miżura adegwata sabiex jipprovdu l-informazzjoni u l-għajnuna kollha meħtieġa għall-applikazzjoni mill-qrati tal-Artikolu 56 tar-Regolament.

77      Lil hinn mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 53 sa 56 tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu tal-kunsens.

78      Fil-fatt, l-Artikolu 56(3) tar-Regolament jipprovdi espliċitament li r-regoli ddettaljati dwar il-kisba tal-kunsens għandhom ikunu stabbiliti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru mitlub.

79      Madankollu, kif enfasizzaw b’mod partikolari A. C. u l-Kummissjoni, l-Istat mitlub għandu jiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu ma ddgħajjifx l-għanijiet tar-Regolament u ma ċċaħħadx lil dan tal-aħħar mill-effettività tiegħu.

80      L-Artikolu 56(2) tar-Regolament huwa intiż li jippermetti, minn naħa, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat mitlub jagħtu jew ma jagħtux il-kunsens tagħhom fir-rigward tal-eventwali akkoljenza tal-minuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qrati tal-Istat li jagħmel it-talba jiżguraw ruħhom, qabel ma jieħdu d-deċiżjoni li jqiegħdu minuri f’istituzzjoni, li fl-Istat mitlub ser jittieħdu l-miżuri meħtieġa għat-tqegħid f’dan l-Istat.

81      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament, huwa meħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub tagħti l-kunsens tagħha għat-tqegħid qabel mal-qorti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba tieħu d-deċiżjoni ta’ tqegħid. In-natura obbligatorja tal-kunsens hija enfasizzata mill-fatt li l-Artikolu 23(g) tar-Regolament jipprovdi li deċiżjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 56 ma tkunx ġiet osservata.

82      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprevedu regoli u proċeduri ċari għall-finijiet tal-kunsens imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament, b’tali mod li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-ħeffa. B’mod partikolari, il-proċeduri għandhom jippermettu lill-qorti li tkun qiegħda tikkunsidra t-tqegħid tidentifika faċilment l-awtorità kompetenti u lill-awtorità kompetenti tagħti jew tirrifjuta l-kunsens tagħha fi żmien qasir.

83      F’dan ir-rigward, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tar-rwol tal-awtoritajiet ċentrali skont l-Artikolu 55 tar-Regolament. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament, huwa essenzjali li l-awtoritajiet ċentrali, fuq talba ta’ awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor jew tal-persuna li fiha tkun vestita r-responsabbiltà tal-ġenituri, jikkooperaw sabiex, b’mod partikolari, jiġi żgurat li l-qrati tal-Istat Membru li jagħmel it-talba jkollhom informazzjoni preċiża u ċara fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 56 tar-Regolament.

84      Fir-rigward tal-kunċett ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-għoti tal-kunsens għal deċiżjoni ta’ tqegħid meħuda minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, għandu jiġi osservat li l-kelma “awtorità” tindika, bħala regola ġenerali, awtorità li taqa’ taħt id-dritt pubbliku.

85      Il-partijiet u l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet jaqblu dwar din l-interpretazzjoni.

86      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 56 tar-Regolament. Ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament jindikaw li huwa meħtieġ il-kunsens ta’ awtorità tal-Istat. Verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-istess regolament jużaw kunċetti li jissuġġerixxu n-natura Statali tal-entità li trid tagħti l-kunsens. Barra minn hekk, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 56 tar-Regolament jirreferi għall-“awtoritajiet pubbliċi” li l-intervent tagħhom ikun meħtieġ għall-każijiet domestiċi ta’ tqegħid ta’ minuri.

87      Madankollu, sa fejn l-Artikolu 56(3) tar-Regolament jirreferi, fir-rigward tar-regoli ddettaljati tal-mekkaniżmu tal-kunsens, għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru mitlub, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modi diverġenti ta’ kif l-Istati Membri jifhmu l-kwistjoni ta’ dak li jaqa’ jew ma jaqax taħt id-dritt pubbliku.

88      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li kunsens mogħti mill-istituzzjoni li tospita minuri bi ħlas ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi l-kunsens ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament. Fil-fatt, l-evalwazzjoni indipendenti tan-natura adegwata tat-tqegħid propost tirrappreżenta miżura ta’ protezzjoni essenzjali tal-minuri, b’mod partikolari jekk dan it-tqegħid jimplika ċaħda tal-libertà. Istituzzjoni li tiggwadanja mit-tqegħid ma tkunx f’pożizzjoni li tiddeċiedi b’mod indipendenti f’dan ir-rigward.

89      Minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, kif esposti fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk, meta l-qorti li tkun ikkunsidrat it-tqegħid tibbaża ruħha fuq dak li deher li huwa kunsens mingħajr ma jkun irnexxielha tiddetermina jekk dan il-kunsens effettivament ingħatax mill-awtorità kompetenti, kienx possibbli li s-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata anki meta, fl-interess tal-minuri, it-tqegħid ikun diġà twettaq.

90      Matul is-seduta, ġie enfasizzat li idealment, fl-aħjar interess tal-minuri, tali regolarizzazzjoni a posteriori tkun awtorizzata meta jiġi stabbilit li jkunu saru sforzi sabiex jinkiseb il-kunsens iżda l-qorti li tkun iddeċidiet dwar it-tqegħid ma tkunx ċerta jekk il-kunsens meħtieġ mill-Artikolu 56 tar-Regolament ingħatax b’mod validu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub. F’tali każ, fil-fatt tkun sempliċi kwistjoni li jiġi kkoreġut xi aspett jew ieħor tal-proċedura.

91      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni semmiet is-sitwazzjoni fejn il-qorti li tkun iddeċidiet dwar it-tqegħid tkun konvinta li kellha l-kunsens meħtieġ mill-Artikolu 56 tar-Regolament, iżda, minħabba nuqqas ta’ ftehim, tieħu deċiżjoni li tmur lil hinn mill-kunsens mogħti mill-awtorità kompetenti tal-Istat mitlub. F’tali każ, il-Kummissjoni ma tarax għalfejn ir-Regolament ma għandux jiġi interpretat fis-sens li, matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni, il-qorti adita tissospendi l-proċedura u li għalhekk ikun possibbli li jinkiseb il-kunsens meħtieġ mill-Artikolu 56 tar-Regolament.

92      F’dan ir-rigward, huwa importanti li, meta l-qorti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba tkun iddeċidiet dwar it-tqegħid billi tkun ibbażat ruħha fuq dak li deher li huwa l-kunsens mill-awtorità kompetenti, iżda l-informazzjoni dwar il-proċedura għall-kunsens skont l-Artikolu 56 tar-Regolament tqajjem inċertezzi dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu kinux kompletament osservati, din il-qorti tkun tista’ tikkoreġi s-sitwazzjoni a posteriori sabiex jiġi żgurat li l-kunsens ikun ingħata b’mod validu.

93      Għall-kuntrarju, jekk ma jkun hemm ebda konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali kkonċernati jew jekk ma jkun hemm ebda kunsens minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, il-proċedura intiża għall-kisba tal-kunsens ikollha tinbeda mill-ġdid u l-qorti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba jkollha tieħu deċiżjoni ġdida ta’ tqegħid wara li tkun iddeterminat li l-kunsens inkiseb b’mod validu.

94      Għad irid jiġi ppreċiżat li, fil-kawża prinċipali, il-Gvern tar-Renju Unit indika matul is-seduta li, għall-kuntrarju ta’ dak li tindika l-qorti tar-rinviju, l-istituzzjoni taħt sigurtà inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex istituzzjoni rregolata mid-dritt privat u hija amministrata mill-awtorità lokali, b’tali mod li l-kunsens meħtieġ mill-Artikolu 56 tar-Regolament ingħata b’mod validu.

95      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament għandu jingħata, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-tqegħid ta’ minuri, minn awtorità kompetenti, li taqa’ taħt id-dritt pubbliku. Ma huwiex biżżejjed li l-istituzzjoni li fiha jkun ser jitqiegħed il-minuri tagħti l-kunsens tagħha. F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti tal-Istat Membru li ddeċidiet dwar it-tqegħid ikollha inċertezzi dwar il-kwistjoni jekk kunsens ingħatax b’mod validu fl-Istat Membru mitlub, peress li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza liema kienet l-awtorità kompetenti f’dan l-Istat tal-aħħar, regolarizzazzjoni hija possibbli sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżit ta’ kunsens taħt l-Artikolu 56 tar-Regolament kien osservat kompletament.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

96      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid bil-forza ta’ minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fi Stat Membru ieħor għandhiex, qabel tiġi eżegwita fl-Istat Membru mitlub, tiġi rikonoxxuta u ddikjarata eżegwibbli f’dan l-Istat Membru. Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk tali deċiżjoni ta’ tqegħid tipproduċix effetti legali fl-Istat Membru mitlub qabel ma tiġi ddikjarata eżegwibbli hemmhekk.

97      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura, il-Gvern tar-Renju Unit indika li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011 kienet irreġistrata u ddikjarata eżegwibbli fir-Renju Unit permezz ta’ digriet tal-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, Principal Registry (ir-Renju Unit), tat-8 ta’ Marzu 2012.

98      L-HSE, S. C., A. C., l-Irlanda u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-Artikolu 21 tar-Regolament jistabbilixxi preżunzjoni ta’ rikonoxximent, fl-Istati Membri kollha, tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, meta qorti ta’ Stat Membru tkun ikkunsidrat it-tqegħid ta’ minuri, għal perijodu determinat, f’istituzzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor u tkun kisbet il-kunsens ta’ dan l-Istat skont l-Artikolu 56 tar-Regolament, il-preżentata ta’ rikors għal dikjarazzjoni tal-eżegwibbiltà ta’ din id-deċiżjoni ta’ tqegħid ma hijiex dejjem neċessarja sabiex din id-deċiżjoni tipproduċi effetti fl-Istat Membru mitlub, inkluż f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

99      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li tali deċiżjoni ma tipproduċi ebda effett sakemm tkun għadha ma ġietx iddikjarata eżegwibbli minn qorti tal-Istat Membru mitlub.

 Fuq ir-rikonoxximent

100    Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament, id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru għandhom ikunu rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura.

101    Kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarja huwa l-bażi għall-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, Ġabra p. I‑7353, punt 70).

102    Skont il-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, dan ir-rikonoxximent għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

103    Kien permezz ta’ din il-fiduċja reċiproka li setgħet tiġi stabbilita sistema obbligatorja ta’ ġurisdizzjoni, li l-qrati kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma obbligati josservaw, u li seta’ jkun hemm ir-rinunzja korrelattiva mill-Istati Membri għar-regoli interni tagħhom dwar ir-rikonoxximent u l-exequatur favur mekkaniżmu ssemplifikat ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72). Kif jippreċiża l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, il-qrati tal-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tar-Regolament jipprovdi li, fi kwalunkwe każ, deċiżjoni ma tistax tkun suġġetta għal reviżjoni dwar il-mertu.

104    Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 23 tar-Regolament. Skont l-Artikolu 23(g), deċiżjoni mogħtija fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhiex tiġi rikonoxxuta meta l-proċedura prevista fl-Artikolu 56 tar-Regolament ma tkunx ġiet osservata.

105    Id-deċiżjoni, meħuda minn qorti ta’ Stat Membru, li minuri jitqiegħed f’istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tibbenefika mir-rikonoxximent f’dan l-Istat tal-aħħar, sakemm u sa fejn ma tkunx ittieħdet deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

106    Mill-proċess ma jirriżultax li parti kkonċernata talbet l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ tqegħid skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament.

 Fuq in-neċessità ta’ dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni

107    Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament, is-“[s]entenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk”.

108    Fir-Renju Unit, ir-reġistrazzjoni għall-eżekuzzjoni fl-Ingilterra u f’Wales, fl-Iskozja jew fl-Irlanda ta’ Fuq, skont fejn tkun trid tiġi eżegwita d-deċiżjoni, tieħu post id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament.

109    S. C. sostniet li r-Regolament ma jeżiġix, bħala regola ġenerali, li miżura restrittiva kontra minuri għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli. Tali dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà hija meħtieġa biss għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-konfront ta’ adulti. Issa, fil-kawża prinċipali, kemm il-kuratur kif ukoll omm S. C., li hija parti fil-proċedura, esprimew il-qbil tagħhom mat-tqegħid. Matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ħa approċċ simili fejn sostna li miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda kontra r-rieda ta’ minuri ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ eżekuzzjoni.

110    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li deċiżjoni li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà taqa’ taħt id-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-kawża prinċipali, il-minuri oppona d-deċiżjoni tal-qorti li tordna t-tqegħid tiegħu f’tali istituzzjoni minħabba li sab ruħu, kontra r-rieda tiegħu, imċaħħad mil-libertà. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, jekk S. C. jaħrab mill-istituzzjoni taħt sigurtà li tqiegħed fiha, tkun meħtieġa l-assistenza tal-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex jittieħed lura bil-forza f’din l-istituzzjoni għall-protezzjoni tiegħu stess.

111    Deċiżjoni li tordna tqegħid f’istituzzjoni taħt sigurtà tikkonċerna d-dritt fundamentali għal-libertà rikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Karta lil “kull persuna”, u, għaldaqstant, anki lil “minuri”.

112    Għandu jingħad ukoll li, f’sitwazzjonijiet fejn il-persuni li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jkunu qablu mat-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà, il-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tista’ tinbidel jekk ikun hemm bidliet fiċ-ċirkustanzi.

113    Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita mir-Regolament, l-implementazzjoni bil-forza, fil-konfront ta’ minuri, ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid tiegħu f’istituzzjoni taħt sigurtà ta’ Stat Membru ieħor teħtieġ li d-deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli f’dan l-aħħar Stat.

114    Madankollu, kemm il-qorti tar-rinviju u kif ukoll l-HSE, S. C., l-Irlanda u l-Gvern Ġermaniż esprimew it-tħassib tagħhom, fid-dawl tal-urġenza partikolari fil-kawża prinċipali, dwar it-telf ta’ żmien inerenti għall-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni. It-tqegħid fl-Ingilterra kien ikkunsidrat biss minħabba n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ tqegħid adegwat fl-Irlanda u ma setax jiġi suġġett għal iktar dewmien minħabba r-riskju ferm serju ta’ ħsara għall-integrità fiżika tal-minuri kkonċernat.

115    L-argument tagħhom huwa essenzjalment ibbażat fuq l-idea li l-implementazzjoni, fi Stat Membru, ta’ tqegħid deċiż fi Stat Membru ieħor ma tistax tkun suġġetta, minħabba l-urġenza u l-aħjar interess tal-minuri, għal dikjarazzjoni mill-Istat mitlub tan-natura eżegwibbli tad-deċiżjoni ta’ tqegħid meħuda fl-Istat li jagħmel it-talba. Skonthom, ir-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà thedded l-effikaċità tat-tqegħid fi Stat Membru ieħor.

116    Issa, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tar-Regolament, espliċitament irrinunzja, għal raġunijiet ta’ ħeffa, milli jimponi dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà fir-rigward ta’ żewġ kategoriji ta’ deċiżjonijiet, jiġifieri ċerti deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess u ċerti deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn tal-minuri. Din id-dikjarazzjoni hija ssostitwita, sa ċertu punt, b’ċertifikat tal-qorti ta’ oriġini li, f’dawn il-każijiet, għandu jingħata mad-deċiżjoni ġudizzjarja li taqa’ taħt waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ deċiżjonijiet.

117    Għaldaqstant, il-ħruġ taċ-ċertifikat fl-Istat Membru ta’ oriġini, imsemmi fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament, huwa rikonoxxut u huwa awtomatikament eżegwibbli fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huwa possibbli li ssir oppożizzjoni għar-rikonoxximent tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga, C‑491/10 PPU, Ġabra p. I-14247, punt 48).

118    Mir-Regolament jirriżulta li huma biss dawn iż-żewġ kategoriji ta’ deċiżjonijiet espliċitament imsemmija li jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet, jiġu eżegwiti fi Stat Membru minkejja li ma jkunux ġew iddikjarati eżegwibbli hemmhekk. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ exequatur għandha tiġi segwita fir-rigward tad-deċiżjonijiet l-oħra fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri li jeżiġu eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor.

119    Għaldaqstant, fihom infushom, ċirkustanzi kkaratterizzati minn urġenza partikolari ma jistax ikollhom bħala konsegwenza li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ikunu jistgħu jiġu bbażati, fi Stat Membru ieħor, fuq deċiżjoni li tordna tqegħid f’istituzzjoni taħt sigurtà li l-eżegwibbiltà tagħha tkun għadha ma ġietx rikonoxxuta.

120    Il-proċedura għall-kunsens prevista fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament ma tistax tieħu post dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Fil-fatt, l-għan ta’ dawn iż-żewġ proċeduri huwa differenti. Filwaqt li l-kunsens fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa intiż sabiex jiġu eliminati l-ostakoli li jistgħu jipprekludu tqegħid fi Stat Membru ieħor, id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid f’istituzzjoni taħt sigurtà. Barra minn hekk, l-Artikolu 56 tar-Regolament ma jeħtieġx l-intervent ta’ qorti sa fejn l-awtorità kompetenti tista’ tkun korp amministrattiv.

121    Bla ħsara għall-emendi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, jekk ikun il-każ, jiddeċiedi li jintroduċi fir-Regolament sabiex iwieġeb għat-tħassib li esprimew diversi partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet matul is-seduta, dwar it-telf ta’ żmien inerenti għall-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, għandu fl-aħħar nett jiġi eżaminat liema huma l-possibbiltajiet previsti mir-Regolament, sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-funzjonament tiegħu, li jippermettu li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi fil-każ ta’ tqegħid fi Stat Membru ieħor li jeħtieġ ħeffa partikolari.

122    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 31(1) tar-Regolament jirriżulta li l-qorti adita bit-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha tiddeċiedi mingħajr dewmien, mingħajr ma jistgħu jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, f’dan l-istadju tal-proċedura, la mill-persuna li kontriha jintalab l-eżekuzzjoni u lanqas mill-minuri. It-talba tista’ tiġi miċħuda biss għal waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent previsti fl-Artikoli 22 sa 24 tar-Regolament. Id-deċiżjoni f’ebda każ ma tista’ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni fir-rigward tal-mertu.

123    L-Artikolu 33 tar-Regolament jipprovdi li waħda mill-partijiet tista’ tippreżenta appell mid-deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni f’terminu ta’ xahar min-notifika ta’ din id-dikjarazzjoni. Meta l-parti li kontriha jintalab l-eżekuzzjoni ikollha r-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, dan it-terminu huwa estiż għal xahrejn u jibda jiddekorri mill-jum li fih tkun saret in-notifika. L-Artikolu 34 tar-Regolament jipprovdi li d-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista’ tiġi kkontestata biss permezz tar-rimedju ġudizzjarju msemmi fil-lista kkomunikata minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 68 tar-Regolament.

124    Matul is-seduta, ġie enfasizzat li t-tul tal-proċeduri msemmija fl-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament jista’ jkun wieħed kunsiderevoli u b’hekk jippreġudika l-effikaċità u l-effettività ta’ dan ir-regolament.

125    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat li l-effett ta’ sospensjoni ta’ appell minn deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jkun jista’ jdgħajjef l-iskop tal-għoti ta’ deċiżjoni mingħajr dewmien, kif previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament, huwa meħtieġ, kif osservat l-Avukat Ġenerali fl-opinjoni tagħha u kif ipproponiet il-Kummissjoni matul is-seduta, li r-Regolament jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ tqegħid issir eżegwibbli malli l-qorti tal-Istat Membru mitlub tiddikjara, skont l-imsemmi Artikolu 31, l-eżegwibbiltà ta’ din id-deċiżjoni.

126    Il-formulazzjoni tar-Regolament ma tipprekludix tali interpretazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 28(1) tiegħu jipprovdi li d-deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor wara li jkunu ġew iddikjarati eżegwibbli hemmhekk fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata.

127    Għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tar-Regolament, id-deċiżjoni għandha tittieħed fuq il-bażi tal-kriterju tal-aħjar interess tal-minuri, fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta. Issa, l-aħjar interess tal-minur jista’ jeżiġi, f’każijiet ta’ tqegħid fi Stat Membru ieħor li jkunu kkaratterizzati minn urġenza eċċezzjonali, li tkun permessa soluzzjoni flessibbli matul il-proċedura ta’ exequatur jekk, fin-nuqqas ta’ tali soluzzjoni, l-għan li fuqu tkun ibbażata d-deċiżjoni li tordna t-tqegħid fi Stat Membru ieħor ikun kompromess mill-mogħdija taż-żmien.

128    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-kuntrarju tal-proċedura prevista fl-Artikoli 33 sa 35 tar-Regolament fir-rigward tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, id-deċiżjonijiet mogħtija skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (dritt ta’ aċċess u ritorn tal-minuri) jistgħu jiġu ddikjarati eżegwibbli mill-qorti ta’ oriġini indipendentement minn kull possibbiltà li jiġu kkontestati, kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll f’dak ta’ eżekuzzjoni (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, Ġabra p. I‑5271, punt 85)

129    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex ir-Regolament ma jiġix imċaħħad mill-effettività tiegħu, id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru mitlub dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha tittieħed b’ħeffa partikolari, u l-appelli ppreżentati minn tali deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru mitlub ma għandux ikollhom effett ta’ sospensjoni.

130    Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament jipprovdi li l-qrati ta’ Stat Membru fejn ikun jinsab il-minuri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu l-miżuri provviżorji jew kawtelatorji previsti mil-liġi ta’ dan l-Istat, u dan anki jekk, skont ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu. Sa fejn tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ ġurisdizzjoni prevista mir-regolament imsemmi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, Ġabra p. I‑12193, punt 38).

131    Dawn il-miżuri japplikaw għall-minuri li, filwaqt li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru, ikunu qegħdin joqogħdu b’mod temporanju jew okkażjonali fi Stat Membru ieħor u jkunu jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ tippreġudika b’mod serju l-welfare tagħhom, inklużi s-saħħa jew l-iżvilupp tagħhom, u b’hekk tkun iġġustifikata l-adozzjoni immedjata ta’ miżuri kawtelatorji. In-natura provviżorja ta’ dawn il-miżuri tirriżulta mill-fatt li, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament, dawn il-miżuri ma jibqgħux fis-seħħ meta l-qorti tal-Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni dwar il-mertu tieħu l-miżuri li hija tqis adegwati (sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

132    Fil-kawża prinċipali, fuq talba mill-HSE, il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, tat digriet taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament li jipprovdi għall-miżuri provviżorji u kawtelatorji neċessarji għat-tqegħid għal finijiet ta’ protezzjoni ta’ S. C. sal-konklużjoni tal-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011.

133    Ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domandi magħmula hija li r-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid bil-forza ta’ minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fi Stat Membru ieħor għandha, qabel tiġi eżegwita fl-Istat Membru mitlub, tiġi ddikjarata eżegwibbli f’dan l-Istat Membru. Sabiex dan ir-regolament ma jiġix imċaħħad mill-effettività tiegħu, id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha tittieħed b’ħeffa partikolari, u l-appelli minn tali deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru mitlub ma għandux ikollhom effett ta’ sospensjoni.

 Fuq il-ħames u s-sitt domandi

134    Permezz tal-ħames u s-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk, meta l-qorti ta’ Stat Membru li ordnat it-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu determinat, skont l-Artikolu 56 tar-Regolament, tadotta deċiżjoni ġdida sabiex testendi t-tul tat-tqegħid, humiex meħtieġa kull darba l-kunsens tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub imsemmi fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament u dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà skont l-Artikolu 28 tar-Regolament.

135    Peress li l-qorti tar-rinviju tixtieq tordna t-tqegħid bħala miżura provviżorja għal perijodu kemm jista’ jkun qasir sabiex imbagħad, jekk ikun meħtieġ, iġġedded id-deċiżjonijiet ta’ tqegħid għal perijodi daqstant ieħor qosra, hija tqis li ma huwiex possibbli li jkunu meħtieġa, fir-rigward ta’ kull tiġdid, proċeduri għall-kunsens u għall-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

136    L-HSE, S. C. u l-Irlanda jqisu li, anki jekk jitqies li l-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament hija neċessarja f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ma huwiex neċessarju li tinkiseb dikjarazzjoni ġdida ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni ta’ tqegħid għal kull deċiżjoni li testendi l-perijodu ta’ tqegħid u dan sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tad-deċiżjoni ta’ tqegħid inizjali tapplika għad-deċiżjoni ta’ estensjoni jew ta’ tiġdid ta’ din id-deċiżjoni inizjali.

137    Il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu, min-naħa l-oħra, li kull deċiżjoni li testendi d-deċiżjoni ta’ tqegħid inizjali għandha tikseb kemm il-kunsens tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub, sakemm il-kunsens inizjali mogħti minn dan il-korp ma kienx espress b’mod li jinkludi estensjonijiet eventwali, kif ukoll, fi kwalunkwe każ, għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli fl-Istat Membru mitlub daqslikieku kienet deċiżjoni ġdida.

138    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-punt 81 ta’ din is-sentenza jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru ma tistax tagħti deċiżjoni ta’ tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat mitlub ma tkunx approvat minn qabel dan it-tqegħid. Minn dan isegwi li, meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub tat il-kunsens tagħha għal tqegħid limitat ratione temporis mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, dan it-tqegħid ma jistax jiġi estiż jekk din l-awtorità tkunx tat kunsens ġdid.

139    B’hekk, meta, bħal fil-kawża prinċipali, it-tqegħid ikun ikkunsidrat għal tul ta’ żmien qasir ħafna, il-kunsens mogħti għal dan it-tqegħid ma jistax jipproduċi effetti wara t-tmiem tal-perijodu ddeterminat għal dan it-tqegħid, sakemm estensjonijiet eventwali ta’ dan il-perijodu ma kinux awtorizzati.

140    Għaldaqstant, il-qorti ta’ Stat Membru li tkun qiegħda tikkunsidra t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fi Stat Membru ieħor tista’, dejjem b’osservanza tal-għan ta’ tali tqegħid li huwa li tkun prevista detenzjoni għal perijodu limitat u li jiġi vverifikat, wara intervalli ta’ żmien qosra, jekk id-detenzjoni għandhiex tinżamm jew le, titlob il-kunsens għal tul ta’ żmien suffiċjenti sabiex b’hekk tevita l-inkonvenjent marbut ma’ miżuri ta’ kunsens repetuti u għal tul ta’ żmien qasir, soluzzjoni li ma tippreġudikax id-dritt ta’ din il-qorti li, matul il-perijodu kopert mill-kunsens, tnaqqas it-tul tat-tqegħid tal-minuri jekk dan ikun fl-aħjar interess tiegħu.

141    Fir-rigward tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, għandu jiġi osservat li, meta deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni li tinsab fi Stat Membru ieħor tiġi ddikjarata eżegwibbli, id-deċiżjoni ddikjarata eżegwibbli tista’ sservi ta’ bażi għal miżuri ta’ eżekuzzjoni biss fil-limiti li jirriżultaw mid-deċiżjoni stess.

142    F’dan ir-rigward, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemm ebda raġuni għalfejn deċiżjoni, fl-eżekuzzjoni tagħha, għandha tingħata drittijiet li hija ma għandhiex fl-Istat Membru ta’ oriġini jew effetti li deċiżjoni tal-istess natura mogħtija direttament fl-Istat Membru mitlub ma tipproduċix (sentenzi tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punt 66, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, Ġabra p. I‑9511, punt 38).

143    Jekk mid-deċiżjoni ta’ tqegħid jirriżulta li dan it-tqegħid kien ordnat biss għal żmien determinat, din id-deċiżjoni, anki jekk iddikjarata eżegwibbli, ma tistax isservi ta’ bażi għall-implementazzjoni bil-forza ta’ tqegħid għal perijodu ta’ żmien itwal minn dak indikat fid-deċiżjoni msemmija.

144    Minn dan isegwi li kull deċiżjoni ġdida ta’ tqegħid timplika dikjarazzjoni ġdida ta’ eżegwibbiltà.

145    Jekk ikun il-każ, il-qorti li tordna t-tqegħid xorta waħda tista’, l-istess bħall-possibbiltà msemmija fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, tikkunsidra li tordna t-tqegħid għal tul ta’ żmien adegwat sabiex b’hekk tevita l-inkonvenjent marbut ma’ dikjarazzjonijiet ta’ eżegwibbiltà repetuti u għal tul ta’ żmien qasir, u sabiex b’hekk tivverifika, wara intervalli ta’ żmien qosra, jekk hemmx lok li, matul il-perijodu kopert mid-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, tirrevedi d-deċiżjoni ta’ tqegħid.

146    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames u għas-sitt domandi magħmula hija li, meta jkun ingħata għal tul ta’ żmien determinat, il-kunsens għal tqegħid skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament ma japplikax għad-deċiżjonijiet intiżi li jestendu t-tul ta’ żmien tat-tqegħid. F’tali ċirkustanzi, għandu jintalab kunsens ġdid. Deċiżjoni ta’ tqegħid meħuda fi Stat Membru u ddikjarata eżegwibbli fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi eżegwita f’dan l-Istat tal-aħħar ħlief għall-perijodu indikat fid-deċiżjoni ta’ tqegħid.

 Fuq l-ispejjeż

147    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tqegħid ta’ minuri f’istituzzjoni li tipprovdi kura terapewtika u edukattiva taħt sigurtà u li tinsab fi Stat Membru ieħor, li timplika, għal finijiet ta’ protezzjoni, ċaħda tal-libertà għal perijodu determinat, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

2)      Il-kunsens imsemmi fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jingħata, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-tqegħid ta’ minuri, minn awtorità kompetenti, li taqa’ taħt id-dritt pubbliku. Ma huwiex biżżejjed li l-istituzzjoni li fiha jkun ser jitqiegħed il-minuri tagħti l-kunsens tagħha. F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti tal-Istat Membru li ddeċidiet dwar it-tqegħid ikollha inċertezzi dwar il-kwistjoni jekk kunsens ingħatax b’mod validu fl-Istat Membru mitlub, peress li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza liema kienet l-awtorità kompetenti f’dan l-Istat tal-aħħar, regolarizzazzjoni hija possibbli sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżit ta’ kunsens taħt l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 2201/2003 kien osservat kompletament.

3)      Ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid bil-forza ta’ minuri f’istituzzjoni taħt sigurtà li tinsab fi Stat Membru ieħor għandha, qabel tiġi eżegwita fl-Istat Membru mitlub, tiġi ddikjarata eżegwibbli f’dan l-Istat Membru. Sabiex dan ir-regolament ma jiġix imċaħħad mill-effettività tiegħu, id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha tittieħed b’ħeffa partikolari, u l-appelli minn tali deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru mitlub ma għandux ikollhom effett ta’ sospensjoni.

4)      Meta jkun ingħata għal tul ta’ żmien determinat, il-kunsens għal tqegħid skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax għad-deċiżjonijiet intiżi li jestendu t-tul ta’ żmien tat-tqegħid. F’tali ċirkustanzi, għandu jintalab kunsens ġdid. Deċiżjoni ta’ tqegħid meħuda fi Stat Membru u ddikjarata eżegwibbli fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi eżegwita f’dan l-Istat tal-aħħar ħlief għall-perijodu indikat fid-deċiżjoni ta’ tqegħid.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.