Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-20 ta’ Novembru 2019 fil-Kawża T-502/16, Stefano Missir Mamachi di Lusignano et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-54/20 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Schima, T.S. Bohr, G. Gattinara, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Stefano Missir Mamachi di Lusignano, bħala eredi ta’ Livio Missir Mamachi di Lusignano, Anne Jeanne Cécile Magdalena Maria Sintobin, bħala eredi ta’ Livio Missir Mamachi di Lusignano, Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano, bħala eredi ta’ Livio Missir Mamachi di Lusignano, Carlo Amedeo Missir Mamachi di Lusignano, Giustina Missir Mamachi di Lusignano, Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu morali kkawżat lil Maria Letizia Missir u lil Stefano Missir bil-mewt ta’ Alessandro Missir;

tevoka l-kawża u tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza bħala inammissibbli;

tikkundanna lil Stefano Missir u lil Maria Letizia Missir għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa diviż f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ persuna “prevista” fir-Regolamenti tal-Persunal; din l-ewwel parti hija diretta kontra l-punti 48 sa 64 tas-sentenza appellata. Permezz tat-tieni parti, l-appellanti targumenta li hemm, sussidjarjament, żball ta’ liġi fit-talba li tgħid li l-aħwa ta’ uffiċjal mejjet huma ġġustifikati li jitolbu kumpens għal dannu morali li jirriżulta mill-mewt ta’ uffiċjal bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal; din it-tieni parti hija diretta kontra l-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti targumenta li hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni hija kkundannata tikkumpensa d-dannu morali kkawżat lill-aħwa ta’ uffiċjal mejjet permezz tal-mewt ta’ dan tal-aħħar. Dan it-tieni aggravju huwa dirett kontra l-punti 154 sa 168, 171, 172 u 181 tas-sentenza appellata.

____________