Language of document : ECLI:EU:C:2008:11

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2008 1(1)

Kawża C-402/05 P

Yassin Abdullah Kadi

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej


“Appell – Miżuri restrittivi meħuda kontra t-Taliban tal-Afganistan – Lista ta’ persuni u entitatjiet li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja – Inklużjoni ta’ isem tal-appellant”





1.        L-appellant fl-appell f’din il-kawża kien ikklassifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala persuna ssuspettata li tappoġġja t-terroriżmu, li l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra tagħha għandhom ikunu ffriżati. Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant ikkontesta l-legalità tar-regolament li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea implementa d-deċiżjoni ta’ iffriżar fil-Komunità. Huwa argumenta – mingħajr suċċess – illi l-Komunità ma kellhiex il-kompetenza sabiex tadotta dak ir-regolament, u, barra minn hekk, illi r-regolament kiser numru ta’ drittijiet fundamentali tiegħu. Fuq dawk li huma essenzjalment l-istess aggravji, issa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jaqblux mal-appellant fuq iż-żewġ aggravji. Madankollu, aktar importanti minn hekk, huma jsostnu li r-regolament huwa neċessarju għall-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li jorbtu, u, għalhekk, il-qrati Komunitarji m’għandhomx jivverifikaw il-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali. Essenzjalment huma jargumentaw li, meta jitkellem il-Kunsill tas-Sigurtà, il-qrati Komunitarji għandhom jibqgħu siekta.

I –    Il-kuntest tal-appell

2.        Yassin Abdulla Kadi (iktar’il quddiem “l-appellant”) huwa residenti fl-Għarabja Sawdija. Fid-19 ta’ Ottubru 2001, ismu kien inkluż fil-lista tal-Anness I tar-Regolament Nru 467/2001 bħala persuna ssuspettata li tappoġġja t-terroriżmu (2). Konsegwentement, il-fondi tiegħu u r-riżorsi finanzjarji kollha fil-Komunità kellhom jiġu ffriżati. Fis-27 ta’ Mejju 2002, dak ir-regolament kien revokat u mibdul mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (3) (“ir-regolament ikkontestat”). Madankollu, l-appellant baqa’ mniżżel – fl-Anness I tar-regolament ikkontestat – bħala persuna ssuspettata li tappoġġja t-terroriżmu u li għalhekk il-fondi tagħha kellhom jiġu ffriżati.

3.        Ir-regolament ikkontestat kien adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE sabiex jagħti effett, fil-Komunità, lill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK [PBSK] (4). Dik il-Pożizzjoni Komuni, min-naħa l-oħra, tirriffletti r-Riżoluzzjonijiet 1267(1999) (5), 1333(2000) (6) u 1390(2002) (7) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Minħabba li s-soppressjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija essenzjali għall-manteniment tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta dawk ir-riżoluzzjonijiet skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan- Nazzjonijiet Uniti.

4.        Ir-riżoluzzjonijiet jipprovdu, inter alia, li l-Istati kollha għandhom jieħdu miżuri sabiex jiffriżaw il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra ta’ individwi u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, kif nominat minn kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà kompost mill-membri kollha tiegħu (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”). Fit-8 ta’ Marzu 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika l-ewwel lista kkonsolidata tal-persuni u entitajiet li kellhom ikunu suġġetti għall-iffriżar tal-fondi. Din il-lista kienet sadanittant emendata u ssupplementata diversi drabi. L-isem tal-appellant kien miżjud mal-lista mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fid-19 ta’ Ottubru 2001.

5.        Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452(2002), maħsuba sabiex tiffaċilita l-implementazzjoni tal-miżuri kontra t-terroriżmu. Dik ir-riżoluzzjoni tipprovdi għal numru ta’ eċċezzjonijiet għall-iffriżar tal-fondi imposti mir-Riżoluzzjonijiet 1267(1999), 1333(2000) u 1390(2002), li jistgħu jkunu mogħtija mill-Istati għal raġunijiet umanitarji, bil-kundizzjoni li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet kien nnotifikat u ma oġġezzjonax jew, f’xi każijiet, ta l-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, fis-17 ta’ Jannar 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1455(2003), maħsuba sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri għall-iffriżar tal-fondi.

6.        Skont dawk ir-riżoluzzjonijiet, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/140/PESK [PBSK] (8) sabiex jipprovdi għall-eċċezzjonijiet permessi mill-Kunsill tas-Sigurtà. Barra minn hekk, fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kunsill emenda r-regolament ikkontestat rigward eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi (9).

7.        Ir-regolament ikkontestat, kif emendat, jipprovdi fl-Artikolu 2 li “[l]-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses[s] ta’, persuna naturali [fiżika] jew ġuridika jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati”. L-Artikolu 2a jipprovdi għal ċertu eċċezzjonijiet, bħala eżempju fir-rigward ta’ ikel, spejjeż mediċi u spejjeż legali raġonevoli, bil-kundizzjoni li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet kien innotifikat u ma oġġezzjonax.

8.        Permezz ta’ applikazzjoni mressqa fit-18 ta’ Diċembru 2001, l-appellant ippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni, fejn jitlob li r-Regolamenti Nri 2062/2001 u 467/2001 jiġu annullati, sa fejn kienu jikkonċernawh. Ir-Renju Unit kien mogħti permess sabiex jintervjeni insostenn tal-konvenuti. Wara r-revoka tar-Regolament Nru 467/2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tittratta l-kawża bħala rikors għall-annullament tar-regolament ikkontestat, dirett kontra l-Kunsill biss, u sostnut mill-Kummissjoni u r-Renju Unit.

9.        Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant argumenta li l-Kunsill ma kellux il-kompetenza li jadotta r-regolament ikkontestat. Aktar minn hekk, l-appellant sostna li dak ir-regolament kiser numru ta’ drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt ta’ proprjetà u d-dritt għal smigħ xieraq. Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-315/01) (10) (iktar’il quddiem “is-sentenza appellata”), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat ir-regolament ikkontestat u ċaħdet l-aggravji kollha tal-appellant. Fis-17 ta’ Novembru 2005, l-appellant ressaq l-appell inkwistjoni kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra ml-appellant, il-partijiet fil-proċeduri tal-appell inkwistjoni huma l-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit, kif ukoll Spanja, Franza u l-Olanda, bħala intervenjenti fl-appell. Biex inqassar sejjer nirreferi, okkażjonalment, għall-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit bħala “l-konvenuti”.

10.      L-analiżi tiegħi tal-appell se tipproċedi kif ġej. L-ewwel nett, se niddiskuti l-aggravji li jikkonċernaw il-bażi legali tar-regolament ikkontestat. Sussegwentement, se nindirizza l-aggravji li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji sabiex jeżaminaw jekk ir-regolament ikkontestat jiksirx id-drittijiet fundamentali. Fl-aħħar nett, se niddiskuti l-kwistjoni tal-kriterju ta’ stħarriġ rilevanti u se nevalwa jekk ir-regolament ikkontestat jiksirx jew le d-drittijiet fundamentali invokati ml-appellant.

II – Il-bażi legali tar-regolament ikkontestat

11.      L-ewwel aggravju tal-appellant jirrigwarda l-bażi legali tar-regolament ikkontestat. Is-sentenza appellata tagħti attenzjoni konsiderevoli lil dan l-aggravju. Wara eżaminazzjoni ta’ varji alternattivi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-effett tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE flimkien ta lill-Komunità l-poter sabiex tadotta r-regolament ikkontestat. (11) L-appellant jargumenta li din id-dikjarazzjoni hija żbaljata fil-liġi u jsostni li l-Komunità ma kellhiex biżżejjed kompetenza sabiex tadotta r-regolament ikkontestat. Għalkemm jiddependu fuq ġustifikazzjonijiet kemmxejn differenti, kemm il-Kunsill kif ukoll ir-Renju Unit jaqblu mal-Qorti tal-Prim’Istanza li r-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE. Il-Kummissjoni, madankollu, għandha opinjoni differenti u tikkonkludi li l-Artikoli 60 KE u 301 KE waħedhom kienu jipprovdu bażi legali suffiċjenti.

12.      Jien naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-poteri sabiex timponi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji pprovduti mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, fosthom, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis ta’ relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, ma jkoprux l-interruzzjoni jew it-tnaqqis ta’ relazzjonijiet ekonomiċi ma’ individwi f’dawk il-pajjiżi, iżda biss mal-kwistjonijiet li jirregolawhom. Huwa diffiċli li dik l-opinjoni tkun rikonċiljata mal-kliem u l-iskop ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. L-Artikolu 301 KE jawtorizza lill-Kunsill sabiex “[j]interrompi jew [i]naqqas […] ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar” permezz ta’ “miżuri urġenti” mhux speċifikati li jkunu neċessarji sabiex iwettqu l-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni (iktar’il quddiem il-“PBSK”). Fil-fatt, l-Artikolu 301 KE huwa fundamentalment ikkonċernat bl-għanijiet ta’ dawk il-miżuri, fosthom l-għanijiet tal-PBSK, li għandhom jinkisbu billi jintmessu r-relazzjonijiet ekonomiċi tal-Komunità ma’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 60(1) KE jawtorizza lill-Kunsill sabiex jieħu dawn il-miżuri fir-rigward tal-“moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni”. Huwa għalhekk jindika l-mezzi għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija qabel; dawk il-mezzi jinvolvu r-restrizzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-fondi fi u barra mill-Komunità. Barra dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, it-Trattat KE ma jirregolax x’forma għandhom jieħdu l-miżuri, jew min għandu jkun il-mira jew iġorr il-piż tal-miżuri. Pjuttost, l-uniku rekwiżit huwa li l-miżuri “jinterrompu jew inaqqsu” r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terzi, fil-qasam tal-moviment ta’ kapital jew pagamenti.

13.      Is-sanzjonijiet finanzjarji fir-regolament ikkontestat jilħqu dak ir-rekwiżit: huma mmirati l-biċċa l-kbira lejn individwi u gruppi f’pajjiżi terzi. Billi jeffettwaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ entitajiet f’pajjiż partikolari, is-sanzjonijiet neċessarjament jeffettwaw l-istat ġenerali tar-relazzjonijet ekonomiċi bejn il-Komunità u dak il-pajjiż. Ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ invidwi u gruppi minn ġewwa pajjiż terz huma parti mir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ dak il-pajjiż; il-mira fuq dak tal-ewwel neċessarjament jeffettwa lil dan tal-aħħar. Li jkunu esklużi relazzjonijet ekonomiċi ma’ individwi jew gruppi mill-ambitu ta’ “relazzjonijiet ekonomiċi ma’ […] pajjiżi terzi” jkun li tkun injorata realtà bażika ta’ ħajja ekonomika internazzjonali: li l-gvernijiet ta’ ħafna mill-pajjiżi mhumiex għassiesa tar-relazzjonijiet u attivitajiet ekonomiċi ta’ kull entità speċifika ġewwa l-fruntieri tagħhom.

14.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni restrittiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 301 KE iċċaħħad din id-dispożizzjoni minn parti kbira mill-użu prattiku tagħha. Fil-kuntest tal-PBSK, l-Unjoni tista’ tiddeċiedi, għal raġunijiet li jirrigwardaw il-manteniment tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, li timponi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra atturi mhux tal-Istat li huma stabbiliti f’pajjiżi terzi. Jiena ma narax raġuni għala l-Artikolu 301 KE għandu jkun interpretat b’mod aktar restrittiv. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza nfisha rrikonoxxiet, “l-Unjoni u l-pilastru Komunitarju tagħha mhumiex mwaqqfa milli jadattaw rwieħhom għal [theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali] permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mhux biss kontra pajjiżi terzi iżda wkoll kontra persuni, gruppi, impriżi jew entitajiet assoċjati li jwettqu attività terrorista internazzjonali, jew li b’xi mod ieħor iqiegħdu f’perikolu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali”. (12)

15.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-Artikolu 308 KE kellu jiġi applikat sabiex jimponi sanzjonijiet finanzjarji fuq individwi li mhumiex suġġetti għal kontroll mill-gvern. Madankollu, id-dipendenza fuq il-kunċett ta’ kontroll mill-gvern bħala fattur distint jenfasizza ċertu kontradizzjoni fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat l-Artikolu 308 KE bħala “pont” bejn il-PBSK u l-pilastru Komunitarju. Madankollu, filwaqt li l-Artikolu 301 KE jista’ jidher bħala pont bejn il-pilastri, l-Artikolu 308 KE żgur ma jistax iwettaq dik il-funzjoni. L-Artikolu 308 KE, bħall-Artikolu 60(1) KE, huwa strettament dispożizzjoni fakultattiva: tipprovdi l-mezzi, iżda mhux l-għan. Għalkemm jirreferi għall-“għanijiet tal-Komunità”, dawk l-għanijiet huma esoġeni għall-Artikolu 308 KE; ma jistgħux ikunu introdotti mill-Artikolu 308 KE innifsu. Għalhekk, jekk wieħed jeskludi l-interruzzjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi ma’ atturi mhux tal-Istat mill-isfera ta’ mezzi aċċettabbli sabiex jinkisbu l-għanijiet permessi mill-Artikolu 301 KE, wieħed ma jistax juża l-Artikolu 308 KE sabiex jerġa’ idaħħal mill-ġdid dawn il-mezzi. Jew miżura diretta kontra atturi mhux tal-Istat tidħol fl-għanijiet tal-PBSK, li l-Komunità tista’ ssegwi skont l-Artikolu 301 KE, jew, jekk ma jiġrix dan, allura l-Artikolu 308 KE ma hu ta’ ebda għajnuna.

16.      Il-konklużjoni tiegħi, għalhekk, hija li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija vizzjata bi żball fil-liġi. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-analiżi tiegħi rigward il-bażi legali jkollha raġuni biżżejjed sabiex tannulla s-sentenza appellata. Jiena madankollu nemmen li, meta jitressqu aggravji dwar allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali, ikun aħjar li l-Qorti tagħmel użu mill-possibilità li teżamina dawk l-aggravji wkoll, kemm għal raġunijiet ta’ ċertezza legali kif ukoll sabiex tostakola ksur possibbli ta’ drittijiet fundamentali milli jippersisti fis-sistema legali Komunitarja, għalkemm dan isir skont miżura li għandha biss forma jew bażi legali differenti. Jien se nipproċedi għalhekk sabiex nevalwa l-aggravji li jifdal li ġew mressqa ml-appellant.

III – Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Komunitarji sabiex jiddeterminaw jekk ir-regolament ikkontestat jiksirx drittijiet fundamentali

17.      Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant sostna li r-regolament ikkontestat kiser id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt ta’ rispett tal-proprjetà u l-prinċipju tal-proporzjonalità, u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv (13). Madankollu, qabel ma jiġu eżaminati fil-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-kompetenza tagħha sabiex tevalwa l-konformità tar-regolament ikkontestat mad-drittijiet fundamentali (14). Sabiex taċċerta l-portata ta’ stħarriġ ġudizzjarju xieraq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ir-relazzjoni bejn is-sistema legali Komunitarja u s-sistema legali stabbilita skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa estensiv u sofistikat, iżda jista’ jkun imqassar kif ġej.

18.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat dak li essenzjalment jammonta għal regola ta’ supremazija, li ġejja mit-Trattat KE, skont liema Trattat ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom preċedenza fuq il-liġi tal-Komunità. Il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment iddikjarat li l-liġi Komunitarja tirrikonoxxi u taċċetta li, skont l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jieħdu preċedenza fuq it-Trattat (15). It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li, konsegwentement, ma kellha ebda awtorità sabiex teżamina, anke indirettament, riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tevalwa l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali kif protetti mis-sistema legali Komunitarja. Hija osservat li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà diskussi ma ħallewx marġni ta’ diskrezzjoni u, għalhekk, li ma setgħatx tevalwa r-regolament ikkontestat mingħajr ma tkun involuta fi stħarriġ indirett. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fit-tielet nett, li hi kellha l-poter li teżamina r-riżoluzzjonijiet diskussi tal-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tevalwa l-konformità tagħhom mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sa fejn dawk id-drittijiet jiffurmaw parti mill-prinċipju ta’ jus cogens.

19.      L-appellant jikkontesta din il-parti tas-sentenza appellata fuq il-bażi ta’ numru ta’ argumenti li ġejjin mil-liġi internazzjonali u l-liġi Komunitarja. Fid-dikjarazzjoni tal-appell tiegħu, huwa jargumenta, inter alia, li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-effett vinkolanti u l-interpretazzjoni tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà huwa żbaljat mill-perspettiva tal-liġi internazzjonali. L-appellant jiddikjara li la l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u lanqas dawk ir-riżoluzzjonijiet ma jistgħu jkollhom l-effett li jipprekludu l-qrati milli jeżaminaw miżuri domestiċi ta’ implementazzjoni sabiex jevalwaw il-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali. Fir-replika tiegħu u waqt is-smigħ, l-appellant irranġa l-aggravji tiegħu u reġa’ fformulahom sabiex ikunu iktar adattati mal-liġi Komunitarja u l-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti. L-appellant iddikjara li, sakemm in-Nazzjonijiet Uniti ma jipprovdux mekkaniżmu ta’ stħarriġ ġudizzjarju indipendenti li jiggarantixxi osservanza tad-drittijiet fundamentali ta’ deċiżjonijiet magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-qrati Komunitarji għandhom jeżaminaw miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità bl-iskop li jimplementaw dawk id-deċiżjonijiet rigward il-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fis-sitema legali Komunitarja. L-appellant jikkwota d-deċiżjoni Bosphorus (16) bħala preċedent.

20.      Ir-Renju Unit ressaq talba ta’ inammissibiltà fir-rigward tal-aggravju ibbażat espressament fuq il-liġi Komunitarja għar-raġuni li din tammonta għal talba ġdida. Jien m’għandix l-istess opinjoni. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza jwassal għal konfużjoni leġittima dwar kif is-supremazija tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tista’ tkun ibbażata fuq il-liġi Komunitarja skont rekwiżit li jirriżulta mil-liġi internazzjonali. F’dak ir-rigward, l-aggravji li ġejjin mil-liġi internazzjonali u dawk li ġejjin mill-liġi Komunitarja huma, fundamentalment, żewġ faċċati tal-istess munita. Bla ebda dubju, l-appellant kien ikun aħjar kieku appoġġja t-talba tiegħu, mill-bidu, skont iż-żewġ ideat tal-argument. Madankollu, għalkemm inizjalment huwa bbaża kollox mill-angolu tad-dritt internazzjonali, qatt ma kien hemm nuqqas ta’ ftehim fost il-partijiet rigward il-forza tat-talba tiegħu, fi kliem ieħor, li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin in-natura tal-obligazzjonijiet tal-Komunità skont il-liġi internazzjonali u r-relazzjoni ta’ dawk l-obbligazzjonijiet mad-doveri tal-qrati Komunitarji skont it-Trattat. Fil-fatt, f’kull wieħed mill-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u orali lejn il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll ir-Renju Unit, taw kunsiderazzjoni kbira lill-aggravju ewlieni magħmul ml-appellant: ir-relazzjoni bejn is-sistema legali internazzjonali u s-sistema legali Komunitarja. Ma jirnexxilix nara, għalhekk, għala l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkaratterizza parti mill-aggravji tal-appellant bħala aggravju addizzjonali. Iżda, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra t-talba tiegħu bħala inammissibbli fit-totalità tagħha.

21.      Din twassalna għad-domanda dwar kif għandha tiġi deskritta r-relazzjoni bejn is-sistema legali internazzjonali u s-sistema legali Komunitarja. Il-punt tat-tluq loġiku tad-diskussjoni tagħna għandha, ċertament, tkun is-sentenza stabbilita f’Van Gend en Loos, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-awtonomija tas-sistema legali Komunitarja (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-Trattat mhuwiex sempliċiment ftehim bejn l-Istati, iżda ftehim bejn il-popli tal-Ewropa. Hija kkunsidrat li t-Trattat kien stabbilixxa “sistema legali ġdida”, konnessa ma’, iżda distinta mis-sistema legali eżistenti tad-dritt internazzjonali pubbliku. Fi kliem ieħor, it-Trattat stabbilixxa sistema legali domestika ta’ dimensjonijiet trans-nazzjonali, li minnhom jifforma l-“karta bażika kostituzzjonali” (18).

22.      Dan ma jfissirx, madankollu, li s-sistema legali domestika Komunitarja u s-sistema legali internazzjonali jgħaddu minn ħdejn xulxin mingħajr l-ebda effett wieħed fuq l-ieħor. Għall-kuntrarju, il-Komunità tradizzjonalment kellha parti attiva u kostruttiva fil-livell internazzjonali. L-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja hija għalhekk iggwidata mill-presunzjoni li l-Komunità tixtieq tonora l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħha (19). Il-qrati Komunitarji għalhekk jeżaminaw sew l-obbligazzjonijiet li għandha l-Komunità fuq il-livell internazzjonali u jieħdu nota ġudizzjarja ta’ dawk l-obbligazzjonijiet (20).

23.      Madankollu, fl-analiżi finali, il-qrati Komunitarji jiddeterminaw l-effett ta’ obbligazjonijiet internazzjonali fis-sistema legali Komunitarja skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi Komunitarja. Il-ġurisprudenza tipprovdi numru ta’ eżempji. Hemm każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja waqqfet ftehim internazzjonali milli jkollu effett fis-sistema legali Komunitarja għar-raġuni li l-ftehim kien konkluż fuq bażi legali żbaljata. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan, riċentament, fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (21). L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa faċli biex tifhmu ladarba wieħed jirrealizza li jkollu “implikazzjonijiet istituzzjonali fundamentali għall-Komunità u għall-Istati Membri” (22) jekk ftehim li kien adottat mingħajr bażi legali xierqa – jew skont il-proċedura ta’ teħid tad-deċiżjonijiet żbaljata – kellu jipproduċi effetti fis-sistema legali Komunitarja. Preokkupazzjoni simili għal din tinstab f’każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta jidħlu f’obbligazzjonijiet fuq il-livell internazzjonali, Stati Membri u Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom id-dover ta’ kooperazzjoni leali (23). Jekk ikun ftehim internazzjonali konkluż li jikser dak id-dover, jista’ ma jkunx mogħti effett fis-sistema legali Komunitarja. Huwa iktar xieraq, fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat, okkażjonalment, jekk atti adottati mill-Komunità sabiex jagħtu effett domestiku lil obbligazzjonijiet internazzjonali kienux skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Bħala eżempju, fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (24), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-konklużjoni tal-Ftehim WTO f’dak li kellu x’jaqsam mal-ftehim qafas dwar il-banana. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-disposizzjonijiet ta’ dak il-ftehim qafas kiser prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja: il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

24.      Dawn il-każijiet kollha għandhom komuni l-fatt li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja toqgħod attenta ħafna sabiex tirrispetta l-obbligazzjonijiet li jaqgħu fuq il-Komunità skont il-liġi internazzjonali, hi tfittex, l-ewwel u qabel kollox, li tippreserva l-qafas kostituzzjonali maħluq mit-Trattat (25). Għalhekk, ikun żbaljat li nikkonkludi li, ladarba il-Komunità hija marbuta bil-liġi internazzjonali, il-qrati Komunitarji għandhom jobdu dik ir-regola kompletament u japplikawaha mingħajr kundizzjonijiet fis-sistema legali Komunitarja. Ir-relazzjoni bejn il-liġi internazzjonali u s-sistema legali Komunitarja hija rregolata mis-sistema legali nnifsiha, u l-liġi internazzjonali tista’ tidħol f’dik is-sistema legali biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-prinċipji kostituzzjonali tal-Komunità.

25.      Konsegwentement l-appell inkwistjoni huwa bbażat fundamentalment fuq il-mistoqsija li ġejja: hemm xi bażi fit-Trattat sabiex ikun deċiż li r-regolament kkontestat huwa eżentat mil-limiti kostituzzjonali normalment imposti mil-liġi Komunitarja, peress li jimplementa sistema ta’ sanzjonijiet imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà? Jew, fi kliem ieħor: is-sistema legali Komunitarja tagħti status supra-kostituzzjonali lil miżuri li huma neċessarji għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà?

26.      L-appellant jargumenta li r-risposta għal dik id-domanda tista’ tkun dedotta mis-sentenza Bosphorus (26). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk regolament li kien adottat sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li impona embargo kummerċjali fuq ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja kisirx id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-interess sabiex “iwasslu fit-tmiem l-istat tal-gwerra fir-reġjun u għall-vjolazzjonijiet massivi ta’ drittijiet tal-bniedem u liġi umanitarja fir-Repubblika tal-Bożnja u l-Ħerzegovina” kien ikbar mill-interess ta’ parti, anki jekk totalment innoċenti, sabiex ikun jista’ jsegwi l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu li kien kera minn kumpanija bbażata fir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet l-ebda suġġeriment li jista’ jkun li ma jkollhiex il-poteri ta’ stħarriġ għax ir-regolament kien neċessarju sabiex jimplementa sistema ta’ sanzjonijiet li kienu magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà. (28)

27.      Minkejja dan, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jiddikjaraw li s-sentenza Bosphorus ma tipprovdix l-awtorità li l-appellant jipprova jagħtiha. Huma jargumentaw li s-sentenza tibqa’ siekta fuq il-motiv dwar l-iskop tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għax, fi kwalunkwe każ, ir-regolament ma kisirx drittijiet fundamentali. Jien ma nikkunsidrax dan l-motiv persważiv ħafna. Veru, li filwaqt li l-Avukat Ġenerali qal li ma jaqbilx mal-idea, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ndirizzatx espliċitament jekk il-fatt li r-regolament implementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà setax jipprekludiha milli teżerċita stħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, nissupponi li, minflok ma ħalliet dan il-punt mingħajr deċiżjoni dwaru, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat bħala evidenti mingħajr dubju dak li l-Avukat Ġenerali kien ħassu bżonnjuż li jispjega, fi kliem ieħor li “rispett għad-drittijiet fundamentali hu […] kundizzjoni tal-legalità ta’ atti Komunitarji” (29).

28.      Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed kellu jaċċetta s-suġġeriment li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx każ tal-problema tal-ġurisdizzjoni tagħha fis-sentenza Bosphorus, jibqa’ l-fatt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jonqsu milli jidentifikaw xi bażi fit-Trattat li minnu jsegwi loġikament li l-miżuri meħuda għall-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għandhom status sopra-kostituzzjonali u huma għalhekk mogħtija immunità minn stħarriġ ġudizzjarju.

29.      Ir-Renju Unit jissuġġerixxi li din l-immunità minn stħarriġ tista’ tkun ġejja mill-Artikolu 307 KE. L-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu jipprovdi: “Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data tal-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat”. Fl-opinjoni tar-Renju Unit, dik id-dispożizzjoni, meta tinqara flimkien mal-Artikolu 10 KE, timponi fuq il-Komunità obbligazzjoni sabiex ma teffetwax l-eżekuzzjoni minn Stat Membru ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Konsegwentement, il-Qorti għandha tastjeni mill-istħarriġ ġudizzjarju tar-regolament ikkontestat. Se niddikjara mill-bidu li minix konvint minn dak l-argument, iżda minkejja dan xieraq li l-argument ikun analizzat f’ċertu dettall, partikolarment peress li l-Artikolu 307 KE kellu parti prominenti fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza (30).

30.      Fil-bidu, jista’ ma jkunx ċar ħafna kif l-Istati Membri jkunu ostakolati milli jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla r-regolament ikkontestat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ miżura Komunitarja, ikun fil-prinċipju possibbli għall-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni tagħhom, peress li huma permessi, skont it-Trattat, sabiex jadottaw miżuri li, għalkemm jeffettwaw il-funzjonament tas-suq komuni, jistgħu jkunu neċessarji għall-manteniment ta’ paċi u sigurtà internazzjonali (31). Minkejja dan, il-poter miżmum mill-Istati Membri fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà għandu jkun eżerċitat b’mod konsistenti mal-liġi Komunitarja (32). Skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ERT (33), wieħed jista’ jissoponi li, sa fejn l-azzjonijiet tagħhom jaqgħu fl-iskop tal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri huma soġgetti għall-istess regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali bħall-istituzzjonijiet Komunitarji infushom. Fuq dik is-suppożizzjoni, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla r-regolament ikkontestat fuq il-bażi li kiser regoli Komunitarji għall-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali, allura, impliċitament dan ikun ifisser li l-Istati Membri ma setgħux possibilment jadottaw l-istess miżuri mingħajr – safejn dawk il-miżuri jaqgħu fl-iskop tal-liġi Komunitarja – ma jkunu qed jiksru d-drittijiet fundamentali kif protetti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 307 KE għandu biss rilevanza indiretta.

31.      Il-problema kruċjali tal-aggravju imressaq mir-Renju Unit, madankollu, huwa dak li jippreżenta l-Artikolu 307 KE bħala s-sors ta’ deroga possibbli mill-Artikolu 6(1) UE, li jgħid li “[l]-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt […]”. Ma narax bażi għal din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 307 KE. Barra minn hekk dan, ikun irrikonċiljabbli mal-Artikolu 49 UE, li wieħed jagħmel l-adeżjoni mal-Unjoni kundizzjonali fuq ir-rispett għall-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) UE. Barra minn hekk, dan jista’ potenzjalement jagħti l-poter lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jużaw il-Komunità biex jevitaw id-drittijiet fundamentali li huma ggarantiti fis-sistema legali tagħhom anke fir-rigward ta’ atti li jimplementaw obbligazzjonijiet internazzjonali (34). Dan b’mod ċar imur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema l-Komunità tiggarantixxi sistema kompluta ta’ protezzjoni ġudizzjarja li fiha d-drittijiet fundamentali huma mħarsa flimkien mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha Les Verts, “il-Komunità Ewropea hija komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt billi la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet ma jistgħu jevitaw verifika dwar jekk il-miżuri adottati minnhom humiex konformi mal-karta bażika kostituzzjonali, it-Trattat” (35). B’mod iktar dirett, fis-sentenza Schmidberger, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet sostniet li “miżuri li mhumiex kompatibbli mal-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex aċċettabbli fil-Komunità” (36). Fil-qosor, l-interpetazzjoni tar-Renju Unit tal-Artikolu 307 KE tmur kontra l-prinċipji li fuqhom propju hija bbażata l-Unjoni, filwaqt li mhemm xejn fit-Trattat li jissuġġerixxi li l-Artikolu 307 KE għandu status speċjali – aħseb u ara status speċjali ta’ dak il-livell – fil-qafas kostituzzjonali tal-Komunità.

32.      Minkejja dan, l-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 307 KE u d-dover konness ta’ kooperazzjoni leali jindirizzaw żewġ kategoriji: huma japplikaw għall-Komunità kif ukoll għall-Istati Membri (37). It-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jipprovdi li “l-Istat Membru jew Stati Membri inkwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni biex titneħħa l-inkompatibilità li tista’ tinstab” bejn l-obbligazzjonijiet tat-trattat ta’ qabel tagħhom u l-obbligazzjonijiet tagħhom skont il-liġi Komunitarja. Għal dan l-għan, l-Istati Membri “għandhom jgħinu lil xulxin […] u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni”. Dak id-dover jirrikjedi Stati Membri sabiex jeżerċitaw l-poteri u r-responsabbiltajiet tagħhom f’organizzazzjoni internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti b’mod li huwa kumpatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli primarji u mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja (38). Bħala Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Membri, u partikolarment – fil-kuntest tal-kawża inkwistjoni – dawk li jappartjenu lill-Kunsill tas-Sigurtà, għandhom jaġixxu b’tali mod li jimpedixxu, sa fejn hu possibbli, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet minn organi tan-Nazzjonijiet Uniti li huma soġġetti li jidħlu f’kunflitt mal-prinċipji essenzjali tas-sistema legali Komunitarja. L-Istati Membri nfushom, għalhekk, għandhom responsabbiltà li jimminimizzaw ir-riskju ta’ kunflitti bejn is-sistema legali Komunitarja u l-liġi internazzjonali.

33.      Jekk l-Artikolu 307 KE ma jistax jagħmel lir-regolament ikkontestat eżenti minn stħarriġ ġudizzjarju, hemm forsi regoli oħra tal-liġi Komuntarja li jistgħu? Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jargumentaw li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju ġenerali mhuwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li titfa’ dubju fuq miżuri Komunitarji li jimplementaw riżoluzzjonijiet li l-Kunsill tas-Sigurtà kkunsidra bħala neċessarji għall-manteniment ta’ paċi u sigurtà internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Komunità ssemmi l-kunċett ta’ “kwistjonijiet politiċi” (39). Fil-qosor, wieħed jista’ jgħid li l-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu li s-suġġett speċifiku diskuss fil-kawża preżenti mhuwiex suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Huma jiddikjaraw li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha pożizzjoni simili.

34.      L-implikazzjoni li l-kawża preżenti tikkonċerna “kwistjoni politika”, li fir-rigward tagħha anke l-iktar livell baxx ta’ interferenza ġudizzjarja ma tkunx xierqa, hija, fl-opinjoni tiegħi, insostenibbli. Id-dikjarazzjoni li miżura hija neċessarja għall-manteniment ta’ paċi u sigurtà internazzjonali ma tistax topera sabiex issikket il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja u ċċaħħad individwi mid-drittijiet fundamentali tagħhom. Dan ma jnaqqasx mill-importanza tal-interess fiż-żamma ta’ paċi u sigurtà internazzjonali; ifisser biss li jibqa’ fid-dover tal-qrati sabiex jevalwaw il-legalità ta’ miżuri li jistgħu jmorru kontra interessi oħra li huma ta’ importanza ugwalment kbira u l-protezzjoni li hija f’idejn il-qrati. Kif l-Imħallef Murphy iddikjara korrettament fil-konklużjonijiet tiegħu diverġenti fil-kawża Korematsu tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti:

“Bħal talbiet oħra li jmorru kontra d-drittijiet kostituzzjonali affermati tal-individwu, [dik] it-talba għandha tkun soġġetta għall-proċess ġudizzjarju li jkollu r-raġonevolezza tiegħu determinat u l-konflitti tiegħu ma’ interessi oħra rikonċiljati. X’inhuma l-limiti ta’ [diskrezzjoni] li jistgħu jkunu permessi, u jekk kinux injorati f’każ partikolari, huma domandi ġudizzjarji” (40).

35.      Ċertament, ċirkustanzi straordinarji jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq libertà individwali li ma jkunux aċċettabbli f’kundizzjonijiet normali. Madankollu, dak m’għandux iġiegħlna ngħidu li “hemm każijiet li fihom għandha titgħatta l-libertà b’velu għal ftit żmien, kif kien isir biex jgħattu l-istatwi tal-allat” (41). Lanqas ma jfisser, kif jissottometti r-Renju Unit, li stħarriġ ġudizzjarju f’dawk il-każijiet għandu jkun biss “tal-iktar tip marġinali”. Għall-kuntrarju, meta r-riskji għas-sigurtà pubblika jitqiesu li jkunu straordinarjament għoljin, il-pressjoni hija partikolarment qawwija sabiex jittieħdu miżuri li ma jagħtux każ drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward ta’ individwi li għandhom ftit jew l-ebda aċċess għall-proċess politiku. Għalhekk, f’dawk il-każijiet, il-qrati għandhom iwettqu d-dmir tagħhom li jiddefendu l-istat ta’ dritt b’viġilanza akbar. Allura, l-istess ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet eċċezzjonali dwar drittijiet fundamentali jirrikjedu wkoll li l-qrati janalizzaw b’attenzjoni jekk dawk ir-restrizzjonijiet imorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju. Kif se niddiskuti iktar’il quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk allegazzjoni li jeżistu riskji ta’ sigurtà straordinarjament għoljin hijiex sustanzjata jew le u għandha tiżgura li l-miżuri adottati joħolqu bilanċ xieraq bejn in-natura tar-riskju tas-sigurtà u l-portata tal-effett ta’ dawn il-miżuri lid-drittijiet fundamentali tal-individwi.

36.      Skont il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċedi l-poteri tagħha ta’ stħarriġ meta miżura kkontestata hija neċessarja sabiex tkun implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà. Madankollu, niddubita serjament jekk il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tillimitax l-ġurisdizzjoni tagħha stess b’dak il-mod (42). Barra minn hekk, anke li kieku tagħmel dan, ma naħsibx li dak ikollu effett fuq il-kawża inkwistjoni.

37.      Huwa ċertament korrett li jintqal li, fl-assigurazzjoni tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali fil-Komunità, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu ispirazzjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (43). Minkejja dan, jibqgħu differenzi importanti bejn iż-żewġ qrati. Ir-rwol tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija li tiżgura l-osservanza tal-obbligazzjonijiet tal-Istati kontraenti skont il-Konvenzjoni. Għalkemm l-iskop tal-Konvenzjoni huwa ż-żamma u t-twettiq iktar fid-dettall tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwu, hija maħsuba sabiex topera primarjament bħala ftehim bejn l-istati li joħloq obbligazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti fuq il-livell internazzjonali (44). Dan huwa muri permezz tal-mekkaniżmu ta’ infurzar intergovernattiv tal-Konvenzjoni (45). It-Trattat KE, b’kuntrast ma’ dan, stabbilixxa sistema legali awtonoma, li fiha l-Istati kif ukoll l-individwi għandhom drittijiet u obbligazzjonijiet immedjati. Id-dover tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li taġixxi bħala l-qorti kostituzzjonali tas-sistema legali domestika li hi l-Komunità. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja huma għalhekk uniċi fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħhom ratione personae u fir-rigward tar-relazzjoni tas-sistema legali tagħhom mad-dritt internazzjonali pubbliku. Għalhekk, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit jipprovaw joħolqu parallel preċiżament minn fejn l-analoġija bejn iż-żewġ qrati tieqaf.

38.      Waqt is-smigħ il-Kunsill sostna li, permezz tal-eżerċizzju tar-rwol ġudizzjarju tagħha fir-rigward ta’ atti ta’ istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom is-sors tagħhom fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tmur lil hinn mill-funzjoni proprja tagħha u “titkellem f’isem il-komunità internazzjonali”. Madankollu, dik l-affermazzjoni hija eċċessiva b’mod ċar. Bla dubju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssib li r-regolament ikkontestat ma jistax ikun applikat fis-sistema legali Komunitarja, dan wisq probabbli jkollu riperkussjonijiet fuq il-livell internazzjonali. Għandu jiġi nnotat, madankollu, li dawn ir-riperkussjonijiet m’għandhomx neċessarjament ikunu negattivi. Huma l-konsegwenza immedjata tal-fatt li, kif qegħda bħalissa s-sistema li tirregola l-funzjonament tan-Nazzjonijiet Uniti, l-unika għażla disponibbli għal individwi li jixtiequ li jkollhom aċċess għal tribunal indipendenti sabiex jiksbu protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali tagħhom hija li jikkontestaw miżuri ta’ implementazzjoni domestiċi quddiem qorti domestika (46). Fil-fatt, il-possibilità ta’ kontestazzjoni li tirnexxi ma tistax tkun totalment mhux mistennija min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà, minħabba li kien kontemplat espressament mit-Tim ta’ Appoġġ Analitiku u Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet (47).

39.      Barra minn hekk, l-effetti legali ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu marbuta mas-sistema legali domestika Komunitarja. Sa fejn din id-deċiżjoni tostakola lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha milli jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-konsegwenzi legali fis-sistema legali internazzjonali għandhom ikunu ddeterminati mir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku. Filwaqt li huwa veru li r-restrizzjonijiet li l-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja jimponu fuq l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet jistgħu jkunu ta’ inkonvenjenza għall-Komunità u l-Istati Membri tagħha fit-trattazzjonijiet tagħhom fuq livell internazzjonali, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji mill-Qorti tal-Ġustizzja hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ regoli internazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat jew tar-regola msemmija fl-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. L-argument tal-Kunsill li, permezz tal-istħarriġ tar-regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tasssumi ġurisdizzjoni li tmur lil hinn mil-limiti tas-sistema legali Komunitarja hija għalhekk żbaljata.

40.      Jiena għalhekk nikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina r-regolament ikkontestat skont id-drittijiet fundamentali li huma parti mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra t-tieni talba tal-appellant bħala fondata korrettament u tannulla s-sentenza appellata.

IV – L-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali

41.      Minflok ma tirreferi l-kawża lura lill-Qorti tal-Prim’Istanza, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel użu tal-possibilità li tagħti sentenza finali fuq dan il-każ (48). Għal raġunijiet ta’ konvenjenza, naħseb li jkun xieraq, f’dan ir-rigward, li nikkonċentra fuq l-aspett prinċipali tal-kawża, fi kliem ieħor li jkun magħruf ir-regolament ikkontestat jiksirx id-drittijiet fundamentali tal-appellant.

42.      L-appellant jallega diversi ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu u, għal dawk ir-raġunijiet, ifittex l-annullament tar-regolament ikkontestat safejn jikkonċernah. Il-konvenuti – b’mod partikolari l-Kummissjoni u r-Renju Unit – jargumentaw li, sa fejn ir-regolament ikkontestat jista’ jinterferixxi mad-drittijiet fundamentali tal-appellant, dan huwa ġustifikat għal raġunijiet li jirrigwardaw is-soppressjoni ta’ terroriżmu internazzjonali. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tapplika standards normali ta’ stħarriġ, iżda minflok għandha – skont l-interessi tas-sigurtà internazzjonali fir-riskju – tapplika kriterji inqas stretti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

43.      Ma naqbilx mal-konvenuti. Huma jiddefendu tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju li essenzjalment huwa simili ħafna tal-approċċ meħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza taħt it-titolu ta’ jus cogens. F’ċertu sens, l-argument tagħhom huwa espressjoni oħra tat-twemmin li l-kawża preżenti tikkonċerna “domanda politika” u li l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju tal-istituzzjonijiet politiċi, mhijiex f’pożizzjoni li titratta domandi bħal dawn kif jixraq. Ir-raġuni tkun li l-argumenti diskussi huma ta’ importanza internazzjonali u kwalunkwe intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jostakola sforzi koordinati globalment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-argument huwa wkoll konness mill-viċin mal-opinjoni li l-qrati mhumiex ippreparati sabiex jiddeterminaw liema miżuri huma xierqa sabiex jostakolaw terroriżmu internazzjonali. Il-Kunsill tas-Sigurtà, għall-kuntrarju, huwa preżunt li għandu l-kompetenza li jagħmel dik id-determinazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-konvenuti jikkonkludu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha titratta valutazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà bl-akbar rispett u, jekk tagħmel xi ħaġa assolutament, għandha twettaq stħarriġ minimu rigward atti Komunitarji bbażati fuq dawk il-valutazzjonijiet.

44.      Huwa veru li l-qrati m’għandhomx ikunu istituzzjonalment għomja. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun konxja tal-kuntest internazzjonali li fih topera u tal-limitazzjonijiet tagħha. Għandha tkun konxja tal-impatt li d-deċiżjonijiet tagħha jista’ jkollhom barra mill-konfini tal-Komunità. F’dinja li dejjem issir iktar interdipendenti, sistemi legali differenti għandhom jipprovaw jakkomodaw it-talbiet ġurisdizzjonali ta’ xulxin. Bħala riżultat ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax dejjem tafferma monopolju dwar id-determinazzjoni ta’ kif ċertu interessi fundamentali għandhom ikunu rikonċiljati. Għandha, fejn hu possibbli, tirrikonoxxi l-awtorità ta’ istituzzjonijiet, bħall-Kunsill tas-Sigurtà, li huma stabbiliti skont sistema legali differenti minn dik tagħha u li huma xi kultant f’pożizzjoni aħjar sabiex jiġġudikaw dawk l-interessi fundamentali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, b’rispett għall-opinjonijiet ta’ dawk l-istituzzjonijiet, tinjora l-valuri fundamentali li jeżistu fil-bażi tas-sistema legali Komunitarja li għandha d-dmir li tipproteġi. Rispett għal istituzzjonijiet oħra huwa sinjifikattiv biss jekk jista’ jinbena fuq fehma komuni ta’ dawn il-valuri u fuq obbligazzjoni reċiproċi li jipproteġuhom. Konsegwentement, f’sitwazzjonijiet fejn il-valuri fundamentali tal-Komunità huma inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun mitluba li terġa’ tevalwa, u possibilment tannulla, miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, anke meta dawk il-miżuri jirriflettu x-xewqat tal-Kunsill tas-Sigurtà.

45.      Il-fatt li l-miżuri diskussi huma maħsuba sabiex irażżnu terroriżmu internazzjonali m’għandux jimpedixxi lil-Qorti tal-Ġustizzja milli twettaq d-dmir tagħha li tippreserva l-istat ta’ dritt. Filwaqt li tagħmel dan, iktar milli tindaħal fid-dinja tal-politika, il-Qorti tal-Ġustizzja qed terġa tafferma l-limiti li l-liġi timponi fuq ċertu deċiżjonijiet politiċi. Dan qatt mhuwa rwol faċli, u, fil-fatt, hija sfida kbira għall-qorti biex tapplika informazzjoni f’affarijiet li jirrigwardaw it-theddida tat-terroriżmu. Madankollu, l-istess japplika għall-istituzzjonijiet politiċi. Speċjalment f’materji ta’ sigurtà pubblika, il-proċess politiku huwa soġġett li jsir sensibbli wisq għall-interessi popolari immedjati, li jwassal li l-awtoritajiet jikkalmaw l-ansjetajiet tal-ħafna għad-detriment tad-drittijiet tal-ftit. Dan huwa preċiżament l-każ meta l-qrati għandhom jinvolvu ruħhom, sabiex jassiguraw li l-ħtiġiet politiċi ta’ llum ma jsirux r-realtajiet legali ta’ għada. Ir-responsabbiltà tagħhom hija li jiggarantixxu li dak li jista’ jkun politikament opportun f’mument partikolari jimxi wkoll skont l-istat ta’ dritt li mingħajru, fl-aħħar mill-aħħar, ebda soċjetà demokratika ma tista’ realment tirnexxi. Fi kliem Aharon Barak, l-President ta’ qabel tal-Qorti Suprema tal-Iżrael:

“Huwa meta l-kanuni jisparaw li l-iktar għandna bżonn liġijiet […]. Kull ġlieda tal-istat – kontra t-terroriżmu jew kwalunkwe għadu ieħor – hija kondotta skont ir-regoli u l-liġi. Dejjem hemm liġi li l-istat għandu jimxi magħha. Mhemmx “nuqqasijiet”. […] Ir-raġuni li hija l-bażi ta’ dan l-approċċ mhix biss il-konsegwenza pragmatika tar-realtà politika u normattiva. L-għeruq tagħha qegħdin ħafna iktar fil-fond. Hija espressjoni tad-differenza bejn stat demokratiku li qiegħed jiġġieled għal ħajtu u l-ġlied kontra t-terroriżmu li qed iżid kontrih. L-istat jiġġieled f’isem il-liġi u f’isem id-difiża tal-liġi. It-terroristi jiġġieldu kontra l-ligi, filwaqt li jiksruha. Il-gwerra kontra t-terroriżmu hija wkoll il-gwerra tal-liġi kontra dawk li jmorru kontriha.” (49)

46.      Mhemm ebda raġuni, għalhekk, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja titlaq, fil-kawża preżenti, mill-interpretazzjoni tagħha tad-drittijiet fundamentali li normalment kienu invokati ml-appellant. L-unika domanda ġdida hija jekk il-bżonnijiet konkreti maħluqa mill-prevenzjoni ta’ terroriżmu internazzjonali jiġġustifikawx restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali tal-appellant li kieku ma jkunux aċċettabbli. Dan ma jinvolvix kunċett differenti minn dawk id-drittijiet fundamentali u l-istandard applikabbli ta’ stħarriġ. Dan sempliċiment ifisser li l-piż li għandu jingħata lill-interessi differenti li għandhom dejjem ikunu bbilanċjati fl-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali diskussi jistgħu jkunu differenti bħala konsegwenza tal-bżonnijiet speċifiċi li ġejjin mill-prevenzjoni tat-terroriżmu internazzjonali. Iżda dan għandu jkun ivvalutat f’eżerċizzju normali ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċirkustanzi preżenti jistgħu jirriżultaw f’bilanċ differenti maħluq fost il-valuri involuti fil-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali iżda l-istandard ta’ protezzjoni mogħti minnhom m’għandux jinbidel.

47.      Il-problema li jaffaċċja l-appellant hija li l-interessi finanzjarji tiegħu kollha fil-Komunità kienu ffriżati għal diversi snin, mingħajr limitu ta’ żmien u f’kundizzjonijiet fejn jidher li mhemmx mezzi adegwati sabiex hu jikkontesta l-affermazzjoni li huwa ħati ta’ mġiba ħażina. Huwa nvoka d-dritt ta’ proprjetà, id-dritt għal smigħ xieraq, u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, dawn id-drittijiet huma konnessi mill-qrib. B’mod ċar, l-iffriżar indefinit tal-assi ta’ xi ħadd jikkostitwixxi interferenza kbira fit-tgawdija fil-paċi ta’ proprjetà. Il-konsegwenzi għall-persuna kkonċernata huma potenzjalment devastanti, anke meta jsiru arranġamenti għal bżonnijiet u spejjeż bażiċi. Bla dubju, dan jispjega għaliex il-miżura għandha effett qawwi ta’ impożizzjoni u għaliex “sanzjonijiet intelliġenti” ta’ dan it-tip jistgħu jkunu kkunsidrati bħala mezz adattat jew anke neċessarju sabiex jimpedixxu atti terroristiċi. Madankollu, dan jenfasizza wkoll il-bżonn ta’ garanziji proċedurali li jirrikjedu li l-awtoritajiet jiġġustifikaw dawn il-miżuri u juru l-proporzjonalità tagħhom, mhux biss fl-astratt, iżda wkoll fiċ-ċirkostanzi konkreti tal-kawża partikolari. Il-Kummissjoni turi korrettament li l-prevenzjoni tat-terroriżmu internazzjonali jista’ jiġġustifika restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ proprjetà. Madankollu, dak ma jagħtix ipso facto lill-awtoritajiet il-jedd li jeħilsu mir-rekwiżit li juru li dawk ir-restrizzjonijiet huma ġustifikati rigward il-persuna kkonċernata. Salvagwardji proċedurali huma neċessarji preċiżament sabiex jassiguraw li huwa fil-fatt il-każ. Fin-nuqqas ta’ dawk is-salvagwardji, l-iffriżar tal-assi ta’ xi ħadd għal perijodu ta’ żmien indefinit jikser id-dritt ta’ proprjetà.

48.      L-appellant isostni li, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sanzjonijiet meħuda kontrieh, ma jeżistu ebda salvagwardji simili. Hu jsostni li ma kienx mogħti opportunità għal smigħ fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u fuq l-evidenza ppreżentata kontrieh. Hu jiddikjara li kien ikun f’pożizzjoni aħjar li kieku kienu mressqa kontrieh akkużi kriminali, peress li allura għall-inqas seta’ jgawdi l-protezzjoni mogħtija minn proċess kriminali. F’dan il-kuntest, hu jipprova jiddependi fuq id-dritt għal smigħ mill-awtoritajiet amministrattivi, kif ukoll fuq id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn tribunal indipendenti.

49.      Kemm id-dritt għal smigħ u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju jikkostitwixxu drittijiet fundamentali li jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Skont ġurisprudenza stabbilita, “osservanza tad-dritt għal smigħ hija, fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna, suxxettibbli li twassal għal miżura li teffettwa ħażin dik il-persuna, prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja li għandu jkun iggarantit anke fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regoli li jirregolaw il-proċeduri inkwistjoni […]. Dak il-prinċipju jitlob mid-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jeffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikanti, li jkunu mpoġġija f’pożizzjoni li fiha jistgħu effettivament jgħidu l-opinjonijiet tagħhom” (50). Rigward id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat: “Il-Komunità Ewropea hija komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet huma bbażati fuq stħarriġ ġudizzjarju tal-kompatibbilità tal-azzjonijiet tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi li jinkludu drittijiet fundamentali […]. Individwi huma għalhekk intitolati għal protezzjoni effettiva ġudizzjarja tad-drittijiet li jiksbu mis-sistema legali Komunitarja u d-dritt għal din il-protezzjoni huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-liġi li ġej mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri” (51).

50.      Il-konvenuti jargumentaw, madankollu, li sa fejn kien hemm restrizzjonijiet fuq id-dritt għal smigħ u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, dawn ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati. Huma jsostnu li kwalukwe sforz min-naħa tal-Komunità jew l-Istati Membri tagħha sabiex jipprovdu proċeduri amministrativi jew ġudizzjarji għall-kontestazzjoni tal-legalità tas-sanzjonijiet imposti mir-regolament ikkontestat tmur kontra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u għalhekk jipperikola l-ġlieda kontra terroriżmu internazzjonali. Kontra dik il-fehma, ma saru ebda sottomissjonijiet li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita stħarriġ rigward is-sitwazzjoni speċifika tal-appellant.

51.      Mhux se nitkellem ħafna fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Biżżejjed ngħid li, għalkemm ċertu restrizzjonijiet fuq dak id-dritt jistgħu jkunu kkunsidrati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, fil-kawża inkwistjoni l-istituzzjonijiet Komunitarji ma taw ebda opportunità ll-appellant sabiex jistqarr l-opinjonijiet tiegħu dwar jekk is-sanzjonijiet kontrieh humiex ġustifikati u dwar jekk għandhomx jibqgħu fis-seħħ. L-eżistenza ta’ proċedura ta’ tħassir mil-lista fuq il-livell tan-Nazzjonijiet Uniti mhijix ta’ konsolazzjoni f’dak ir-rigward. Dik il-proċedura tippermetti lil dawk li jagħmlu t-talbiet sabiex jissottomettu talba lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew lill-gvern tagħhom għat-tħassir mil-lista (52). Madankollu, l-ipproċessar ta’ dik it-talba huwa purament argument ta’ konsultazzjoni intergovernattiva. Mhemm ebda obbligazzjoni fuq il-Kumitat tas-Sanzjonijiet attwalment sabiex jikkunsidra l-opinjonijiet tal-persuna li qed tagħmel it-talba. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ tħassir mil-lista ma tipprovdix lanqas aċċess minimu għall-informazzjoni li fuqha d-deċiżjoni kienet ibbażata sabiex il-persuna li qed jagħmel it-talba kienet inkluża fil-lista. Fil-fatt, aċċess għal din l-informazzjoni hija miċħuda u dan huwa irrilevanti minn kwalunkwe talba sostanzjata rigward il-bżonn li tkun protetta l-kunfidenzjalità tagħha. Waħda mir-raġunijiet kruċjali li għalih id-dritt għal smigħ xieraq għandu jkun irrispettat hija sabiex jippermetti l-partijiet kkonċernati jiddefendu d-drittijiet tagħhom effettivament, partikolarment fi proċeduri legali li jistgħu jkunu magħmula wara li l-proċedura ta’ kontroll amministrattiv kienet intemmet. F’dak is-sens, rispett għad-dritt għal smigħ xieraq huwa direttament rilevanti sabiex jiżgura d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Salvagwardji proċedurali fuq il-livell amministrattiv ma jistgħu qatt ineħħu l-bżonn għal stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti. Minkejja dan, in-nuqqas ta’ dawn is-salvagwardji amministrattivi għandha diversi effetti ħżiena fuq id-dritt tal-appellant għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

52.      Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu post prominenti fl-istruttura tad-drittijiet fundamentali. Filwaqt li ċertu limitazzjonijiet fuq dak id-dritt jistgħu jkunu permessi f’każ ta’ interessi oħra importanti, mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika li l-element essenzjali ta’ dak id-dritt ikun miksur. Kif iddikjarat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Klass et, “l-istat ta’ dritt jimplika, inter alia, li interferenza mill-awtoritajiet eżekuttivi fuq id-drittijiet ta’ individwu għandha tkun suġġetta għal kontroll effettiv li għandu normalment ikun assigurat mill-ġudikatura, mill-inqas fl-aħħar tentattiv, kontroll ġudizzjarju li joffri l-aħjar garanziji ta’ indipendenza, imparzjalità u proċedura xierqa” (53).

53.      L-appellant ilu mniżżel diversi snin fl-Anness I tar-regolament kkontestat u l-istituzzjonijiet Komunitarji xorta jirrifjutaw li jagħtuh opportunità sabiex jispjega r-raġunijiet għall-inklużjoni kontinwa tiegħu fuq il-lista. Huma, fil-fatt, għamlu allegazzjonijiet estremament serji kontrih u, fuq dik il-bażi, għamluh suġġett għal sanzjonijiet severi. Madankollu, jirrifjutaw totalment l-idea ta’ tribunal indipendenti li jivvaluta l-ġustizzja ta’ dawn l-allegazzjonijiet u r-raġonevolezza ta’ dawn is-sanzjonijiet. Bħala riżultat ta’ din in-negazzjoni, hemm possibilità reali li s-sanzjonijiet magħmula kontra l-appellant fil-Komunità jistgħu jkunu disproporzjonati jew ukoll ta’ diżgwid, u jistgħu minkejja dan jibqgħu fejn huma għal żmien indefinit. Il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandha ebda mod sabiex tkun taf jekk dan huwiex il-każ fir-realtà, iżda s-sempliċi eżistenza ta’ dik il-possibiltà hija anatema f’soċjetà li tirrispetta l-istat ta’ dritt.

54.      Kieku kien hemm mekkaniżmu ġenwin u effettiv ta’ kontroll ġudizzjarju minn tribunal indipendenti fuq il-livell tan-Nazzjonijiet Uniti, allura dan seta’ jeħles lill-Komunità mill-obbligazzjoni li tipprovdi għal kontroll ġudizzjarju ta’ miżuri ta’ implementazzjoni li japplikaw fis-sistema legali Komunitarja. Madankollu, ebda mekkaniżmu bħal dan ma jeżisti preżentament. Kif il-Kummissjoni u l-Kunsill infushom enfasizzaw fit-talbiet tagħhom, id-deċiżjoni jekk titħassarx persuna jew le mil-lista tas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti tibqa’ fid-diskrezzjoni assoluta tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet – organu diplomatiku. F’dawk iċ-ċirkostanzi, għandu jintqal li d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju minn tribunal ma kienx assigurat fuq il-livell tan-Nazzjonijiet Uniti. Bħala konsegwenza, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jinjoraw il-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju xieraq meta jimplementaw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni fis-sistema legali Komunitarja.

55.      Konsegwentement it-talba tal-appellant li r-regolament ikkontestat jikser id-dritt għal smigħ, id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju, u d-dritt ta’ proprjetà huma motivati. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna l-appellant.

V –    Konklużjoni

56.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)         tħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005 fil-Kawża T-315/01 Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni;

2)         tannulla, safejn jikkonċerna ll-appellant, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża [l-iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001, tas-6 ta’ Marzu 2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża [l-iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 337/2000 (ĠU 2001 L 67, p. 1). L-isem tal-appellant kien miżjud mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001, tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda, għat-tielet darba, ir-Regolament (KE) Nru 467/2001 (ĠU 2001 L 277, p. 25).


3 – Li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 (ĠU 2002 L 139, p. 9).


4 – Dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al‑Qaida u t-Talibani u individwi oħrajn, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u jħassar il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746/PESK [PBSK], 1999/727/PESK [PBSK], 2001/154/PESK [PBSK] u 2001/771/PESK [PBSK] (ĠU 2002 L 139, p. 4). Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 u d-disa’ premessa tal-Preambolu.


5 – S/RES/1267(1999) tal-15 ta’ Ottubru 1999.


6 – S/RES/1333(2000) tad-19 ta’ Diċembru 2000.


7 – S/RES/1390(2002) tas-16 ta’ Jannar 2002.


8 – Li tikkonċerna l-eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi mposti mill-Posizzjoni Komuni 2002/402/PESK [PBSK] (ĠU 2003 L 53, p. 62).


9 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 561/2003 li jemenda, għal dak li għandu x’jaqsam mal-eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 (ĠU 2003 L 82, p. 1).


10 – [2005] Ġabra p. II-3649.


11 – Punti 87 sa 135 tas-sentenza appellata.


12 – Punt 133 tas-sentenza appellata.


13 – Punt 59 tas-sentenza appellata.


14 – Punti 181 sa 232 tas-sentenza appellata.


15 – L-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jipprovdi: “[f’]il-każ ta’ konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond il-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond il-Karta preżenti għandhom jgħoddu”. Huwa ġeneralment rikonoxxut li din l-obbligazzjoni testendi għal riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li jorbtu. Ara d-Digriet tal-14 ta’ April 1992 tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali fi Domandi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montreal tal-1971 li jirriżultaw mill-inċident tal-ajru ta’ Lockerbie (Ġamaħirija Għarbija Libjana vs Ir-Renju Unit), digriet għal miżuri provviżorji, tal-14 ta’ April 1992, Rapporti QIĠ 1992, p. 3, punt 39.


16 – Sentenza tat-30 ta’ Lulju 1996 (C-84/95, Ġabra p. I-3953).


17 – Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963 (26/62, Ġabra p. 12).


18 – Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, Ġabra p.1339, punt 23).


19 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 22), u tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019, punti 9 sa 11).


20 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi Merck Genéricos‑Produtos Farmacêuticos (C-431/05, Ġabra p. I-0000); tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307, punt 33); tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C-162/96, Ġabra p. I-3655); tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (Kawżi magħquda 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219), u Poulsen u Diva Navigation, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.


21 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006 (Kawżi Magħquda C-317/04 u C-318/04, Ġabra p. I-4721). Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il-Kummissjoni (C-327/91, Ġabra p. I-3641).


22 – Opinjoni 2/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Marzu 1996 (Ġabra p. 1759, punt 35).


23 – Ara, bħala eżempju, id-deċiżjoni 1/78 tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Novembru 1978 (Ġabra p. 2151, punt 33); opinjoni 2/91 tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1993 (Ġabra p. I-1061, punti 36 sa 38); u s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-25/94, Ġabra p. I-1469, punti 40 sa 51).


24 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998 (C-122/95, Ġabra p. I-973).


25 – Ara, bħala eżempju, l-opinjoni 2/94, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 30, 34 u 35.


26 – Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


27 – Sentenza Bosphorus, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 26.


28 – Il-konfiska tal-ajruplan ta’ Bosphorus Airways seħħ skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 820(1993). Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti kien iddeċieda li n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet li jikkonfiskaw l-ajruplan jammonta għal ksur tar-riżoluzzjoni.


29 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Bosphorus, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 53. Ara wkoll punt 34 tal-opinjoni 2/94, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.


30 – Punti 185 sa 191 u 196 tas-sentenza appellata.


31 – Artikoli 297 KE u 60(2) KE. Ara wkoll, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C-70/94, Ġabra p. I-3189); u tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et (C-83/94, Ġabra p. I-3231), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, tas-6 ta’ April 1995, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-120/94, Ġabra p. I-1513).


32 – Sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C-124/95, Ġabra p. I-81, punt 25).


33 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991 (C-260/89, Ġabra p. I-2925). Ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, Ġabra p. I-3689), kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279).


34 – F’ċerti sistemi legali, jidher mhux probabbli li miżuri nazzjonali għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jgawdu immunità minn stħarriġ ġudizzjarju (li inċidentalment turi li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi miżuri bħar-regolament ikkontestat minn stħarriġ ġudizzjarju jista’ joħloq diffikultajiet għall-implementazzjoni tal-liġi Komunitarja f’ċerti sistemi legali nazzjonali). Ara, bħala eżempju, is-sorsi li ġejjin. Ġermanja: Bundesverfassungsgericht, digriet tal-14 ta’ Ottubru 2004 (Görgülü) 2 BvR 1481/04, ippubblikat fin-NJW 2004, p. 3407-3412. Ir-Repubblika Ċeka: Ústavní soud, tal-15 ta’ April 2003 (I. ÚS 752/02); Ústavní soud, tal-21 ta’ Frar 2007 (I. ÚS 604/04). Italja: Corte Costituzionale, tad-19 ta’ Marzu 2001, Nru 73. Ungerija: 4/1997 (I. 22.) AB határozat. Polonja: Orzecznictwo Trybunału Konstytucyjnego (zbiór urzędowy), tas-27 ta’ April 2005, P 1/05, pkt 5.5, Serje A, 2005 Nru 4, poz. 42; u Orzecznictwo Trybunału Konstytucyjnego (zbiór urzędowy), tat-2 ta’ Lulju 2007, K 41/05, Serje A, 2007 Nru 7, poz. 72.


35 – Sentenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 23.


36 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003 (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 73).


37 – Għal eżempju reċenti ta’ sentenza li tikkonċerna l-obbligazzjonijiet ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 307 KE, ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-203/03, Ġabra p. I-935, punt 59).


38 – Ara, fuq linja simili, dwar ir-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Komunità, l-opinjoni 1/94 tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra p. I-5267, punti 106 sa 109); u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 40 sa 51.


39 – Il-kunċett ta’ “domanda politika” nħoloq mill-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti Taney, fil-kawża Luther v. Borden, 48 U.S. 1 (1849), 46‑47. It-tifsira preċiża ta’ dan il-kunċett fil-kuntest Komunitarju mhuwiex ċar. Il-Kummissjoni ma analizzatx l-argument, li qajmet waqt is-smigħ, iżda s-suġġeriment jidher li hu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni milli teżerċita stħarriġ ġudizzjarju, peress li mhemmx kriterji ġudizzjarji li permezz tagħhom il-kwistjonijiet preżentament ikkunsidrati jistgħu jkunu evalwati.


40 –      Qorti Suprema tal-Istati Uniti, Korematsu vs L-Istati Uniti, 323 U.S. 214, 233-234 (1944) (Murphy, J., ma jaqbilx) (virgoletti interni mneħħija).


41 – Montesquieu, De l’Esprit des Lois, Ktieb XII (“Il y a des cas où il faut mettre, pour un moment, un voile sur la liberté, comme l’on cache les statues des dieux”).


42 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ddikjarat li “l-Istati Kontraenti ma jistgħux, f’isem il-ġlieda kontra […] t-terroriżmu, jadottaw kwalunkwe miżuri li jikkunsidraw xierqa” (sentenza Klass et, vs Il-Ġermanja tas-6 ta’ Settembru 1978, Serje A Nru 28, punt 49). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha f’Bosphorus Airways, l-istess qorti ddiskutiet l-argument tal-ġurisdizzjoni tagħha fit-tul, mingħajr ma ssemmi l-possibbilità li jista’ jkun li ma tkunx tistà twettaq reviżjoni peress li l-miżuri kkontestati implementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà (Bosphorus Hava Yolları Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi (Bosphorus Airways) vs L-Irlanda ([GC], Nru. 45036/98). Għalhekk, is-sentenza f’Bosphorus Airways tidher li tappoġġja l-argument favur stħarriġ ġurdizzjarju. Madankollu, skont il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit, huwa mistenni mid-deċiżjoni ta’ ammissibiltà f’Behrami li miżuri li huma neċessarji għall-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà awtomatikament jaqgħu barra l-ambitu tal-Konvenzjoni (QEDB tat-2 ta’ Mejju 2007, Behrami vs Franza (Nru 71412/01) u Saramati vs Franza, Il-Ġermanja u In-Norveġja (Nru 78166/01) ara wkoll is-sentenzi ta’ ammissibbiltà tal-5 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Kasumaj vs il-Greċja (Nru 6974/05), u tat-28 ta’ Awwissu 2007 fil-kawża Gajic vs Il-Ġermanja (Nru 31446/02). Madankollu, dik tidher li hi interpretazzjoni wisq wiesgħa tas-sentenza tal-QEDB. Is-sentenza Behrami kienet tikkonċerna allegat ksur tad-drittijiet fundamentali minn forza tas-sigurtà fil-Kosovo li kienet topera taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Istati konvenuti kienu kkontribwixxew truppi lil din il-forza tas-sigurtà. Iżda, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrifjutat ġurisdizzjoni ratione personae l-iktar minħabba li l-awtorità u l-kontroll finali fuq il-missjoni tas-sigurtà baqa’ f’idejn il-Kunsill tas-Sigurtà u, għalhekk, l-azzjonijiet ikkontestati u nuqqas ta’ azzjonijiet kienu attribwiti lin-Nazzjonijiet Uniti u mhux lill-Istati konvenuti (ara l-punti 121 u 133 sa 135 tas-sentenza). Fil-fatt, f’dan ir-rigward il-QEDB għamlet distinzjoni bejn din is-sentenza u Bosphorus Airways (ara, b’mod partikolari, il-punt 151 tas-sentenza). Għalhekk, il-pożizzjoni tal-QEDB tidher li hi li, fejn, skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, l-atti kkontestati huma attribwiti lin-Nazzjonijiet Uniti, il-qorti m’għandha ebda ġurisdizzjoni ratione personae, peress li n-Nazzjonijiet Uniti mhumiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni. Għall-kuntrarju, meta l-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti ħadu passi proċedurali sabiex jimplementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fis-sistema legali nazzjonali, il-miżuri magħmula b’dan il-mod huma attribwiti lil dak l-Istat u għalhekk soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju skont il-Konvenzjoni (ara wkoll il-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni ta’ ammissibbiltà tas-16 ta’ Ottubru 2007 f’Beric et vs Il-Bosnia Herzegovina).


43 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega Spielhallen (C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 33).


44 – Ara l-Preambolu, kif ukoll l-Artikoli 19 u 46(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar ir-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, tal-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


45 – Ara l-Artikolu 46(2) KEDB.


46 – Ara l-punt 39 tar-Rapport tas-16 ta’ Awwissu 2006 tar-rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (A/61/267): “Minħabba li l-effett ta’ inklużjoni [fuq il-lista] huwa l-iffriżar ta’ assi, id-dritt li l-inklużjoni tkun ikkontesta huwa neċessità. Fuq il-livell internazzjonali, dawn il-proċeduri ma jeżistux preżentament. Huma preżenti, f’xi każijiet, fuq il-livell nazzjonali. Ir-rapporteur speċjali huwa tal-opinjoni li jekk mhemmx reviżjoni xierqa jew adegwata disponibbli, proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali — anke għal listi internazzjonali — huma neċessarji. Dawn għandhom ikunu disponibbli fl-Istat li japplikaw is-sanzjonijiet”.


47 – Ara, b’mod partikolari, it-Tieni Rapport tat-Tim ta’ Appoġġ Analitiku u Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet (S/2005/83), li fih huwa mniżżel, fil-punt 54, li “il-mod li entitajiet jew individwi huma mniżżla fil-lista ta’ terroristi miżmuma mill-Kunsill u n-nuqqas ta’ reviżjoni jew appell għal dawk imniżżla joħolqu argumenti serji ta’ responsabbiltà u possibilment jiksru normi u konvenzjonijiet ta’ drittijiet fundamentali” u, fil-punt 58, li “reviżjonijiet tal-proċess jistgħu jgħinu sabiex inaqqsu l-possibiltà ta’ deċiżjoni jew deċiżjonijiet mill-qorti li huma potenzjalment negattivi”. F’dak ir-rigward, ir-Rapport isemmi speċifikament il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Ara wkoll l-Anness I tas-Sitt Rapport tat-Tim ta’ Appoġġ Analitiku u Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet (S/2007/132) għal deskrizzjoni fil-qosor tal-problemi legali tal-aspetti tal-programm tas-sanzjonijiet.


48 – Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.


49 –      Qorti Suprema tal-Istat ta’ Iżrael, HCJ 769/02 (2006) The Public Committee Against Torture in Israel et vs The Government of Israel et, punti 61 u 62 (virgoletti interni mneħħija).


50 – Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21). Ara wkoll l-Artikolu 41(2) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


51 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra 2002 p. I-6677, punti 38 u 39). Ara wkoll l-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Artikoli 6 u 13 KEDB.


52 – Din il-proċedura għat-tħassir mil-lista kienet mibdula diversi drabi mill-adozzjoni oriġinali tal-miżuri kontra l-appellant. Skont is-sistema inizjali, il-persuna kkonċernata setgħet tissottometti rikjesta għal tħassir mil-lista biss lill-Istat tagħha ta’ ċittadinanza jew residenza. Skont il-proċedura eżistenti, persuni li jippruvaw jissottomettu rikjesta għal tħassir mil-lista jistgħu jagħmlu dan jew permezz ta’ “punt fokali” tan-Nazzjonijiet Uniti, jew permezz tal-Istat tar-residenza jew ċittadinanza tagħhom. Madankollu, in-natura fundamentalment intergovernattiva tal-proċess ta’ tħassir mil-lista ma nbidilx. Ara r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1730(2006) tad-19 ta’ Diċembru 2006 u l-Linji Gwida tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-Kondotta tax-Xogħol tiegħu, disponibbli fuq is-sit http://www.un.org/sc/committees/1267/index.shtml.


53 – Sentenza imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 55.