Language of document : ECLI:EU:C:2016:422

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

9 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tniġġis atmosferiku – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Direttiva 2003/87/KE – Kunċett ta’ ‘installazzjoni’ – Inklużjoni tas-sit tal-ħażna tal-kombustibbli – Regolament (UE) Nru 601/2012 – Kunċett ta’ ‘kombustibbli esportat mill-installazzjoni’”

Fil-Kawża C‑158/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2015, fil-proċedura

Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ NV

vs

Bestuur van de Nederlandse Emissieautoriteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ NV, minn V. M. Y. van ’t Lam u T. Kortmann, avukati,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. de Ree u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1359/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 343, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2003/87”), u tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 181, p. 30), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2014, tal-4 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, L 65, p. 27, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 601/2012”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ NV (iktar ’il quddiem, “EPZ”) u l-Bestuur van de Nederlandse Emissieautoriteit (bord tad-diretturi tal-awtorità kompetenti Olandiża fil-qasam ta’ emissjonijiet, iktar ’il quddiem, in-“NEa”), rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mit-tisħin tal-karbonju matul il-ħażna tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/87

3        Il-premessa 11 tad-Direttiva 2003/87 tipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-operaturi ta’ ċerti attivitajiet speċifiċi jkollhom permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra u li jimmonitorjaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra speċifikati fejn jidħlu dawn l-attivitajiet.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet” jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)      ‘emissjonijiet’ ifissru r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ġewwa stallazzoni, [...]

[...]

e)      ‘stallazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż;

[...]

t)      ‘Kombustjoni’ tfisser kull ossidazzjoni tal-karburanti [kombustibbli] irrispettivament mill-mod li bih jintużaw is-sħana, l-enerġija mekkanika jew elettrika prodotti minn dan il-proċess u kwalunkwe attività oħra assoċjati direttament inkluż tindif tal-gass tal-iskart;

[...]”

6        L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “It-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, ekwivalenti ghat-total tal-emissjonijet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati.”

7        L-Anness I tad-Direttiva 2003/87 jelenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom tapplika din id-direttiva u jirreferi fost l-oħrajn, fil-punt 6 tiegħu, għall-kombustjoni ta’ kombustibbli fl-installazzjonijiet b’input termiku nominali totali ta’ iktar minn 20 MW, bl-eċċezzjoni tal-installazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali. Il-punt 5 ta’ dan l-anness jispeċifika, barra minn hekk, li meta installazzjoni taqbeż il-limitu ta’ kapaċità ddefinit għal attività f’dan l-anness, il-junits kollha li fihom jinħarqu karburanti, bl-eċċezzjoni tal-impjanti għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali, għandhom jiddaħħlu fil-permess għall-emissjoni ta’ gassijiet serra.

 Ir-Regolament Nru 601/2012

8        Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 601/2012 tipprevedi:

“Il-monitoraġġ u r-rapportar kompluti, konsistenti u preċiżi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, skont ir-rekwiżiti armonizzati stabbiliti f’dan ir-Regolament, huma fundamentali għall-operat effikaċi tal-iskema għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbilita skont id-[Direttiva 2003/87]. [...]”

9        Il-premessa 5 tal-imsemmi regolament hija fformulata kif ġej:

“Il-pjan ta’ monitoraġġ, li jistabbilixxi dokumentazzjoni dettaljata, kompluta u trasparenti li tikkonċerna l-metodoloġija ta’ installazzjoni jew operatur tal-inġenji tal-ajru speċifiċi għandu jkun parti ewlenija mis-sistema stabbilita minn dan ir-Regolament. Għandhom ikunu meħtieġa aġġornamenti regolari tal-pjan, kemm bħala tweġiba għas-sejbiet tal-verifikatur kif ukoll abbażi tal-inizjattiva proprja tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru. [...]”

10      L-Artikolu 2 tal-istess regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra speċifikati b’rabta mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-[Direttiva 2003/87] u dejta dwar l-attivitajiet minn installazzjonijiet stazzjonarji [...].

Għandu japplika għad-dejta dwar l-emissjonijiet u l-attivitajiet li jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2013.”

11      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 601/2012, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

5.      ‘sors ta’ emissjoni’ tfisser parti identifikabbli b’mod separat ta’ installazzjoni jew proċess f’installazzjoni, li minnha jiġu rilaxxati gassijiet serra rilevanti [...]

[...]

11.      ‘emissjonijiet ta’ kombustjoni’ tfisser emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jseħħu waqt ir-reazzjoni eżotermika ta’ karburant mal-ossiġenu;

[...].”

12      L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kompletezza”, jipprevedi:

“Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu kompluti u jkopru l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-[Direttiva 2003/87] u attivitajiet rilevanti oħra inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju.

L-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom japplikaw miżuri xierqa sabiex jevitaw kwalunkwe nuqqas fid-dejta fi żmien il-perjodu ta’ rapportar.”

13      L-Artikolu 11 tal-istess regolament, intitolat “Obbligu ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja l-emissjoniijet ta’ gassijiet serra, fuq bażi ta’ pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni jew l-attività ta’ avjazzjoni li japplika għalihom.

[...]”

14      L-Artikolu 20, tar-Regolament Nru 601/2012, intitolat “Il-konfini tal-monitoraġġ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Operatur għandu jiddefinixxi l-konfini tal-monitoraġġ għal kull installazzjoni.

Fi ħdan dawk il-konfini, l-operatur għandu jinkludi l-emissjonijiet rilevanti kollha ta’ gassijiet serra mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi minn sorsi kollha li jagħmlu parti minn attivitajiet imwettqa fl-installazzjoni u elenkati fl-Anness I tad-[Direttiva 2003/87], kif ukoll minn attivitajiet u gassijiet serra inklużi minn Stat Membru skont l-Artikolu 24 tad-[Direttiva 2003/87].

L-operatur għandu jinkludi wkoll l-emissjonijiet minn operazzjonijiet regolari u avvenimenti anormali inkluż sitwazzjonijiet ta’ bidu u għeluq u ta’ emerġenza matul il-perjodu ta’ rapportar, bl-eċċezzjoni ta’ emissjonijiet minn makkinarju mobbli għal finijiet ta’ trasport.”

15      L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għażla tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni, l-operatur għandu jagħżel li japplika jew metodoloġija bbażata fuq kalkolu inkella metodoloġija bbażata fuq kejl, soġġetta għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament.

Metodoloġija bbażata fuq kalkolu għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ emissjonijiet minn flussi minn sorsi bbażati fuq dejta tal-attivitajiet miksuba permezz ta’ sistemi ta’ kejl u parametri addizzjonali minn analiżijiet fil-laboratorju jew valuri predefiniti. [...]

[...]”

16      L-Artikolu 27 tal-istess regolament, intitolat “Determinazzjoni tad-dejta tal-attivitajiet”, jipprevedi:

“1.      L-operatur għandu jiddetermina d-dejta tal-attivitajiet ta’ fluss minn sors f’wieħed mill-modi li ġejjin:

a)      abbażi ta’ kejl kontinwu b’miter fil-proċess li joħloq l-emissjonijiet;

b)      abbażi tal-aggregazzjoni ta’ kejl b’miter ta’ kwantitajiet imwassla b’mod separat b’kunsiderazzjoni tat-tibdil rilevanti tal-ħażniet.

2.      Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, il-kwantità ta’ karburant [kombustibbli] jew materjal ipproċessat waqt il-perjodu ta’ rapportar għandha tiġi kkalkulata bħala l-kwantità ta’ karburant jew materjal mixtri waqt il-perjodu ta’ rapportar, li minnha titnaqqas il-kwantità ta’ karburant jew materjal esportat mill-installazzjoni, u tiżdied il-kwantità ta’ karburant jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fil-bidu tal-perjodu ta’ rapportar, u titnaqqas il-kwantità ta’ karburant jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fl-aħħar tal-perjodu ta’ rapportar.

[...]”

 Id-dritt Olandiż

17      Skont l-Artikolu 2.2(1) tal-wet milieubeheer (liġi dwar l-immaniġġjar tal-ambjent), il-missjonijiet previsti permezz tar-Regolament Nru 601/2012 huma fdati lin-NEa.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      EPZ topera installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju fil-Pajjiżi l-Baxxi, li bdiet tkun attiva fl-1987. Din l-installazzjoni tal-enerġija għandha input ta’ 406 MB u bħala medja tuża 2 500 tunnellata ta’ karbonju kuljum.

19      Il-karbonju jiġi kkunsinnat f’sit ta’ ħażna, li jinsab madwar 800 metru mill-installazzjoni tal-enerġija, li hija sseparata mis-sit tal-ħażna bi triq pubblika. Huwa jibqa’ fis-sit tal-ħażna bejn sitt xhur u sena qabel ma jittieħed lejn l-installazzjoni tal-enerġija fuq conveyer belt sabiex jiġi, imbagħad, mitħun u finalment jiddaħħal fl-installazzjoni tal-kombustjoni.

20      Fil-kuntest tat-tfassil tal-pjan ta’ monitoraġġ tal-installazzjoni operata minn EPZ għat-tielet perijodu ta’ skambju bejn is-sena 2013 u s-sena 2020, in-NEa qies li t-telf ta’ karbonju minħabba t-tisħin ta’ dan fil-perijodu ta’ ħażna ma setax jitqies li huwa kombustibbli esportat barra minn din l-installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 601/2012.

21      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2013, in-NEa, għaldaqstant, irrifjuta li japprova l-modifika tal-imsemmi pjan ta’ monitoraġġ mitluba minn EPZ, u mbagħad, b’deċiżjoni tat-23 ta’ April 2014, ċaħad bħala infondat l-ilment imressaq minn din l-impriża kontra l-ewwel deċiżjoni.

22      EPZ ressqet quddiem ir-Raad van State (kunsill tal-istat) talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Sitwazzjoni, bħal dik tal-każ ineżami, fejn karbonju jinżamm f’park tal-karbonju li minnu joħorġu emissjonijiet CO2 ikkawżati minn proċess ta’ tisħin, fejn iċ-ċentru tal-park tal-karbonju jkun jinsab f’distanza ta’ madwar 800 metru mil-limitu tal-installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju, fejn iż-żewġ terreni jkunu sseparati wieħed mill-ieħor permezz ta’ triq pubblika u fejn il-karbonju huwa ttrasportat mis-sit fejn jinżamm għall-installazzjoni permezz ta’ makkinarju fl-għamla ta’ conveyor belt li jaqsam it-triq, taqa’ taħt il-kunċett ta’ installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-[Direttiva 2003/87] [...]?

2)      It-termini “karburant esportat mill-installazzjoni”, li jidhru fl-Artikolu 27(2) tar-[Regolament Nru 601/2012] jipprevedu s-sitwazzjoni, bħal dik tal-każ ineżami, fejn kwantità ta’ karbonju tintilef b’kombustjoni matul il-perijodu taż-żamma tagħha fil-park tal-karbonju minħabba proċess ta’ tisħin?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk jikkostitwixxix “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, sit ta’ ħażna tal-kombustibbli ta’ installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li dan jinsab madwar 800 metru minn din l-installazzjoni tal-enerġija, li huwa sseparat minnha bi triq pubblika, u li l-kombustibbli jiġi ttrasportat minn dan is-sit lejn l-installazzjoni tal-enerġija fuq conveyer belt li taqsam din it-triq pubblika.

25      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi installazzjoni għall-finijiet ta’ din id-direttiva bħala unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis.

26      Barra minn hekk, dan l-anness jirreferi, fost l-oħrajn, għall-attività ta’ kombustjoni ta’ kombustibbli fl-installazzjonijiet b’input termiku nominali totali ta’ kombustjoni ta’ iktar minn 20 MW, bl-eċċezzjoni tal-installazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali.

27      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li, peress li l-installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju ta’ EPZ għandha input termiku nominali totali ta’ iktar minn 20 MW, l-attività ta’ kombustjoni ta’ karbonju ta’ din l-installazzjoni hija koperta mill-Anness 1 tad-Direttiva 2003/87.

28      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-attività ta’ ħażna, anki jekk jingħad li l-proċess ta’ tisħin naturali tal-karbonju intiż għal din l-installazzjoni tal-enerġija, waqt il-ħażna ta’ dan il-kombustibbli, jista’ jitqies li huwa kombustjoni ta’ kombustibbli kopert fl-Anness 1 ta’ din id-direttiva, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-input termiku tas-sit ta’ ħażna inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqbeż il-limitu ta’ 20 MW stabbilit fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Dan is-sit, għaldaqstant, ma jistax jitqies li huwa unità teknika stazzjonarja fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87.

29      Għaldaqstant, is-sit ta’ ħażna tal-karbonju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmel parti minn installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, biss jekk l-attività ta’ ħażna tal-karbonju tissodisfa l-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għall-attivitajiet l-oħra għajr dawk indikati fl-Anness 1 ta’ din id-direttiva. Dan huwa l-każ jekk din l-attività tkun marbuta direttament mal-attività ta’ kombustjoni tal-installazzjoni tal-enerġija, jekk ikollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa fis-sit ta’ din l-installazzjoni tal-enerġija u jekk jista’ jkollha effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li s-sempliċi fatt li l-karbonju maħżun huwa indispensabbli għall-operat tal-installazzjoni tal-enerġija huwa biżżejjed biex jitqies li l-ħażna hija marbuta direttament mal-attività ta’ din. Din ir-rabta diretta, barra minn hekk, hija kkonkretizzata permezz tal-eżistenza ta’ konnessjoni teknika bejn iż-żewġ attivitajiet. Fil-fatt, kif tirrakkomanda l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi konkluż li teżisti tali konnessjoni meta l-attività kkonċernata tkun integrata fil-proċess tekniku komuni tal-attività ta’ kombustjoni tal-installazzjoni tal-enerġija.

31      Tali konnessjoni teżisti f’kull każ għal sit ta’ ħażna ta’ karbonju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, diġà minħabba l-organizzazzjoni materjali ta’ dan is-sit u minħabba l-preżenza ta’ conveyer belt li tinsab bejn il-park tal-karbonju u l-installazzjoni tal-enerġija.

32      Iċ-ċirkustanzi l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju, li l-art tas-sit ta’ ħażna u dik tal-installazzjoni tal-enerġija jinsabu madwar 800 metru ’l bogħod minn xulxin u huma sseparati, barra minn hekk, permezz ta’ triq pubblika, huma irrilevanti f’dan ir-rigward.

33      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat ukoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-attività ta’ ħażna tal-karbonju inkwistjoni fil-kawża prinċipali temetti, bi proċess ta’ tisħin naturali, gassijiet serra, b’tali mod li din l-attività jista’ jkollha effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87.

34      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li jagħmel parti minn “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, sit ta’ ħażna tal-kombustibbli ta’ installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kif deskritt mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni domanda

35      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 601/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li telf ta’ karbonju li jirriżulta mill-proċess ta’ tisħin naturali ta’ dan waqt il-ħażna tiegħu f’sit li jagħmel parti minn installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 għandu jitqies li huwa karbonju esportat minn din l-installazzjoni.

36      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-installazzjoni li hija topera, EPZ għażlet li tapplika l-metodu ta’ monitoraġġ ibbażat fuq il-kalkolu deskritt fl-Artikolu 27(1)(b) tar-Regolament Nru 601/2012.

37      F’dan il-każ, qabel kollox, l-Artikolu 27(1)(b) tar-Regolament Nru 601/2012 jippermetti lill-operatur jiddetermina d-data tal-attivitajiet ta’ fluss b’kumulu ta’ kejl b’miter tal-kwantitajiet imwassla b’mod separat, b’kunsiderazzjoni tat-tibdil tal-ħażniet.

38      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 601/2012 jipprevedi, imbagħad, li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data tal-attivitajiet ta’ fluss skont il-metodu speċifikat fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari, għandha titnaqqas mill-kwantità ta’ kombustibbli mixtri waqt il-perijodu ta’ rapportar, il-kwantità ta’ kombustibbli esportat mill-installazzjoni.

39      Kemm il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fejn jintuża l-kunċett ta’ “esportazzjoni” u mhux dak ta’ “telf”, kif ukoll l-għan segwit permezz tar-Regolament Nru 601/2012 li jiġu żgurati monitoraġġ u rapportar kompleti li jkopru, kif jispeċifika l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, l-emissjonijiet kollha tal-proċess u tal-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjoni u mill-flussi kollha marbuta mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra kollha indikati b’rabta ma’ dawn l-attivitajiet, filwaqt li jiġi evitat l-għadd doppju, jiġġustifikaw li t-telf ta’ kombustibbli bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitqiesx li huwa karbonju esportat mill-installazzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tal-imsemmi regolament.

40      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 601/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li telf ta’ karbonju li jirriżulta mill-proċess ta’ tisħin naturali ta’ dan waqt il-ħażna tiegħu f’sit li jagħmel parti minn installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 ma jistax jitqies li huwa karbonju esportat minn din l-installazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Jagħmel parti minn “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1359/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, sit ta’ ħażna tal-kombustibbli ta’ installazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-karbonju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kif deskritt mill-qorti tar-rinviju.

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2014, tal-4 ta’ Marzu 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li telf ta’ karbonju li jirriżulta mill-proċess ta’ tisħin naturali ta’ dan waqt il-ħażna tiegħu f’sit li jagħmel parti minn installazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 ma jistax jitqies li huwa karbonju esportat minn din l-installazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.