Language of document : ECLI:EU:F:2011:51

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-11 ta’ Frar 2010 1(1)

Kawża C‑407/08 P

Knauf Gips KG, li qabel kienet Gebr. Knauf Westdeutsche Gipswerke KG vs

Il-Kummissjoni Ewropea





“Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Suq tal-folji tal-ġibs – Ksur tal-Artikolu 81 KE – Proċedura amministrattiva – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Rifjut li jiġu kkomunikati provi inkriminanti – Rifjut li jiġu kkomunikati provi li jiskaġunaw – Akkordji u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Ksur tal-limitu ta’ 10 % skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17/62 – Unità ekonomika”

I –    Introduzzjoni

1.        Bl-appell tagħha, Knauf Gips KG, li qabel kienet Gebrüder Knauf Gipswerke KG (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, biex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla), tat-8 ta’ Lulju 2008, fil-Kawża T‑52/03 (2); (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) fl-intier tagħha. Sussidjarjament, l-appellanti qed titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (li fl-1 ta’ Diċembru 2009 saret il-“Qorti Ġenerali”, iktar il-quddiem il-“Qorti Ġenerali”) għal deċiżjoni ġdida u iktar sussidjarjament, qed titlob tnaqqis fil-multa imposta fuqha, u jkun xi jkun il-każ, tnaqqis b’mill-inqas EUR 54.51 miljun.

II – Il-kuntest ġuridiku

2.        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (3) jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

(a)      dawn jiksru l-Artikolu 81(1) jew l-Artikolu 82 tat-Trattat: […]”

III – Il-kuntest tal-appell

A –    Id-deċiżjoni kkontestata

3.        Fis-27 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/471/KE dwar proċeduri taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE fil-konfront ta’ BPB PLC, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Każ Nru COMP/E‑1/37.152 – Folji tal-ġibs) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) fejn ġie kkonstatat li BPB plc (iktar ’il quddiem “BPB”), il-Grupp Knauf, Société Lafarge SA (iktar ’il quddiem “Lafarge”) u Gyproc Benelux NV (iktar ’il quddiem “Gyproc”) kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw f’numru ta’ akkordji u prattiki miftiehma fin-negozju tal-folji tal-ġibs (4). Il-Kummissjoni kkunsidrat li BPB, Knauf (5), Lafarge u Gyproc kienu daħlu fi u pparteċipaw mingħajr interruzzjoni f’akkordju kumpless u kontinwu li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE li kien manifestat fl-aġir li ġej li jikkostitwixxi akkordji jew prattiki miftiehma:

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf iltaqgħu f’Londra fl-1992 u wrew ix-xewqa komuni li jistabbilizzaw is-swieq fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem is-“suq Ġermaniż”), fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem is-“suq tar-Renju Unit”), fi Franza (iktar ’il quddiem is-“suq Franċiż”) u fl-Olanda, fil-Belġju u fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem is-“suq tal-Benelux”);

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf stabbilixxew, mill-1992, arranġamenti għal skambju ta’ informazzjoni, li ssieħbu fihom Lafarge u wara Gyproc, fir-rigward tal-volumi tal-bejgħ tagħhom fis-swieq tal-folji tal-ġibs Ġermaniżi, Franċiżi, tar-Renju Unit u tal-Benelux;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf u ta’ Lafarge f’diversi okkażjonijiet, skambjaw informazzjoni, qabel iż-żidiet fil-prezzijiet fis-suq tar-Renju Unit;

–        minħabba l-iżviluppi partikolari fis-suq Ġermaniż, ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc iltaqgħu f’Versailles fl-1996, fi Brussell fl-1997 u f’Den Haag fl-1998, bil-għan li jaqsmu bejniethom jew, għall-inqas, li jistabbilizzaw is-suq Ġermaniż;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc f’diversi okkażjonijiet skambjaw informazzjoni, u ftiehmu dwar l-applikazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż bejn l-1996 u l-1998 (6).

4.        Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tul tal-ksur kien kif ġej:

–        “BPB PLC: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998;

–        Knauf: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998;

–        Société Lafarge SA: mill-31 ta’ Awwissu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998;

–        Gyproc Benelux N.V.: mis-6 ta’ Ġunju 1996, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        Il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tan-natura tal-aġir inkwistjoni, tal-effett prattiku tiegħu fuq is-suq tal-folji tal-ġibs li kien ferm ikkonċentrat u oligopolistiku u tal-fatt li kien ikopri l-erbat iswieq prinċipali fil-qalba tal-Komunità Ewropea, li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu wettqu ksur ferm serju tal-Artikolu 81(1) KE. Il-multi li ġejjin kienu imposti fuq l-impriżi li ġejjin:

–        BPB: EUR 138.6 miljun,

–        Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG: EUR 85.8 miljun,

–        Lafarge: EUR 249.6 miljun,

–        Gyproc: EUR 4.32 miljun (7).

6.        Rigward il-multa imposta fuq l-appellanti, fil-punti 495 sa 499 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat:

“(495) Huwa stabbilit li [l-Grupp] Knauf ipparteċipa b’mod attiv fl-aġir antikompetittiv kollu li ġie deskritt f’din id-deċiżjoni u li [ir-rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Grupp Knauf], [B u C,] kienu involuti personalment f’dan l-aġir.

(496) Id-deċiżjoni hija indirizzata lil Knauf Westdeutsche Gipswerke minħabba l-istruttura partikolari tal-Grupp Knauf. Il-Kummissjoni ma tistax tidentifika individwu wieħed li jmexxi lill-grupp ta’ kumpanniji li jikkostitwixxi l-impriża. Konsegwentement, ma hemmx entità legali waħda li, fil-pożizzjoni ta’ tmexxija, tista’, bħala l-korp inkarigat mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-grupp, tiġi kkunsidrata bħala responsabbli mill-ksur li twettaq mid-diversi kumpanniji li jikkostitwixxuh.

(497) Knauf Westdeutsche Gipswerke, li tagħha [B] u [C] huma [rappreżentanti ta’ livell għoli], hija l-iktar kumpannija rappreżentattiva f’din l-impriża. B’mod partikolari, rigward Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG, li l-funzjoni tagħha hija li tamministra l-kumpanniji l-oħra tal-Grupp Knauf, għandu jiġi nnotat li hija dipendenti, għall-inqas parzjalment, fuq Knauf Westdeutsche Gipswerke kemm għall-uffiċċji tagħha kif ukoll għall-persunal tagħha.

(498) F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex kwistjonijiet purament ta’ forma ma jkunux ta’ tfixkil għal konstatazzjoni tal-aġir fis-suq tal-folji tal-ġibs tal-[Grupp] Knauf, sabiex ikunu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li Knauf Westdeutsche Gipswerke għandha tiġi kkunsidrata bħala responsabbli mill-azzjonijiet kollha tal-[Grupp] Knauf. Knauf Westdeutsche Gipswerke ma oġġezzjonatx għall-fatt li l-Kummissjoni bagħtitilha d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minkejja l-fatt li din għamlitielha ċara li l-Kummissjoni kienet biħsiebha żżommha responsabbli għall-aġir kollu ta’ Knauf.

(499) Il-Kummissjoni tikkunsidra li, minħabba l-impożizzjoni possibbli ta’ multa […], il-fatturat li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni huwa dak tal-“impriża” fis-sens tal-Artikolu 81(1) tat-Trattat, jiġifieri f’dan il-każ il-fatturat dinji miksub mill-kumpanniji kollha tal-Grupp Knauf kif ġie kkomunikat minn Knauf lill-Kummissjoni” (8). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        Il-Kummissjoni kienet anki nnotat preċedentement, fil-punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(38) Stabbilita fl-1932 u bl-uffiċċju prinċipali tagħha u b’impjant industrijali kbir f’Iphofen, fil-Bavarja (il-Ġermanja), Knauf issa tinkludi numru ta’ kumpanniji privati li għadhom il-proprjetà ta’ madwar […] azzjonist li huma membri tal-familja Knauf. Il-kumpannija tħobb tippreżenta ruħha bħala l-kumpannija proprjetà tal-familja Knauf, Knauf Westdeutsche Gipswerke: “Id-ditta Gebr. Knauf Westdeutsche Gipswerke, ta’ Iphofen, stabbilita fl-1932, bħalissa mhux biss hija waħda mill-produtturi prinċipali tal-materjali tal-bini fl-Ewropa, imma hija grupp li jopera mad-dinja kollha u li l-attivitajiet tiegħu ma humiex ristretti għall-produzzjoni ta’ materjali bbażati fuq il-ġipsum. Minkejja t-tkabbir tagħha, Knauf tibqa’ negozju proprjetà ta’ familja, peress li l-proprjetarji tagħha huma l-familji ta’ Alfons u ta’ Karl Knauf […].’

(39) Knauf Westdeutsche Gipswerke fil-fatt hija l-eqdem kumpannija fil-Grupp Knauf u timpjega numru kbir (iktar minn 1000) mill-impjegati tal-grupp; bħalissa hija soċjetà in akkomandita li [ir-rappreżentanti ta’ livell ogħli tagħha] huma [B u C] […] Il-kumpannija topera mill-istess uffiċċji u bl-istess persunal bħal kumpannija oħra, Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG, li wkoll hija soċjetà in akkomandita li [ir-rappreżentanti ta’ livell ogħli tagħha] wkoll huma [B] u [C] u li l-funzjoni tagħha hija li tamministra l-kumpanniji l-oħra fil-Grupp Knauf. Għandu jiġi nnotat ukoll li, minbarra li għandhom l-istess amministrazzjoni, iż-żewġ soċjetajiet in akkomandita għandhom eżattament l-istess struttura azzjonarja (l-istess individwi għandhom eżattament l-istess sehem fil-kapital tal-kumpannija). Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG għandha numru ferm żgħir ta’ impjegati, li jinsabu wkoll fis-sit ta’ Iphofen.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali

8.        B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2003, u rreġistrat bħala l-Kawża T‑52/03, Knauf Gips KG talbet li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċernaha jew, sussidjarjament, li jkun hemm tnaqqis xieraq fil-multa imposta fuqha mid-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

9.        Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Knauf Gips KG ressqet tmien motivi. Bl-ewwel motiv tagħha, Knauf Gips KG allegat li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet tad-difiża tagħha. Knauf Gips KG sostniet, inter alia, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq provi li ma kinux disponibbli għaliha minkejja t-talbiet tagħha f’dan ir-rigward. It-tieni motiv ta’ Knauf Gips KG kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Bit-tielet motiv tagħha, Knauf Gips KG allegat li kien inkiser il-kunċett ta’ ksur uniku. Bir-raba’ motiv tagħha, Knauf Gips KG allegat li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 rigward il-limitu massimu tal-multa. Bil-ħames motiv tagħha, Knauf Gips KG allegat li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt bl-evalwazzjoni tagħha tal-multa. Bis-sitt motiv tagħha, Knauf Gips KG allegat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, għaliex ma naqsitx il-multa imposta fuqha minkejja l-fatt li kienet ikkooperat mal-Kummissjoni bl-istess mod kif kienet għamlet BPB, li l-multa tagħha tnaqqset bi 30 %. Bis-seba’ motiv tagħha, Knauf Gips KG allegat li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva wassal għal ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fit-tmien u l-aħħar motiv tagħha, Knauf Gips KG allegat li kien hemm żball ta’ liġi u żball fl-evalwazzjoni meta ġiet iffissata r-rata tal-imgħax applikata għall-ħlas tardiv tal-multa.

10.      Il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha fit-8 ta’ Lulju 2008 fejn hija ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Knauf Gips KG. Knauf Gips KG ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż.

IV – Il-proċedura tal-appell

11.      Fid-19 ta’ Settembru 2008, l-appellanti ppreżentat appell mis-sentenza appellata. L-appellanti qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għal deċiżjoni mill-ġdid;

–        b’mod iktar sussidjarju, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti permezz tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontesta, b’mod xieraq, u f’kull każ mill-inqas bi EUR 54.51 miljun;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12.      Il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

13.      L-appell mis-sentenza appellata huwa bbażat fuq tliet aggravji. Bl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti qed issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha nkisru. Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li kien hemm ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Bit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li nkisru l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 81 KE.

14.      Fit-22 ta’ Ottubru 2009 inżammet seduta.

V –    L-ewwel aggravju: ksur tad-drittijiet tad-difiża

15.      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar, l-ewwel nett, ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti inkriminanti u, it-tieni nett, ir-rifjut ta’ aċċess għal provi li jiskaġunaw.

A –    Rifjut ta’ aċċess għal dokumenti inkriminanti

1.      Is-sentenza appellata

16.      Fl-ewwel istanza, Knauf Gips KG sostniet li d-deċiżjoni kkontestata hija prinċipalment ibbażata fuq provi inkriminanti li hija ma kellhiex aċċess għalihom minkejja t-talbiet tagħha f’dan ir-rigward.

17.      Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, ikkonfermat li Knauf Gips KG ma kellhiex aċċess matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Din il-qorti kkunsidrat li peress li d-dokumenti li ma ġewx ikkomunikati lill-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura amministrattiva ma humiex provi ammissibbli, jeħtieġ, jekk il-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali invokat dokumenti li ma kinux fil-fajl tal-investigazzjoni u ma kinux ikkomunikati lir-rikorrenti, li dawn id-dokumenti ma jiġux inklużi bħala provi. Madankollu, jekk kien hemm provi dokumentarji oħrajn li l-partijiet kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li speċifikament kienu jsostnu l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-fatt li dokument inkriminanti li ma kienx ikkomunikat lill-persuna kkonċernata ma kienx ammissibbli bħala prova ma għandux jaffetwa l-validità tal-oġġezzjonijiet sostnuti fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kellha tkun l-impriża kkonċernata li turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument li ma kienx ikkomunikat lil din l-impriża u li kien invokat mill-Kummissjoni biex tasal għal konklużjoni ta’ ksur kontra tagħha ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova (9).

18.      Il-Qorti Ġenerali nnotat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li Knauf Gips KG kienet sempliċement elenkat, bi ftit eċċezzjonijiet, is-siltiet fid-deċiżjoni kkontestata fejn issemmew id-dokumenti li l-aċċess għalihom kien irrifjutat. Din il-qorti kkunsidrat li tali elenku ma kienx suffiċjenti sabiex ikun sodisfatt l-obbligu impost fuq Knauf Gips KG u stabbilit mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ provi inkriminanti mhux żvelati. Il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat l-allegat ksur tal-aċċess għal provi inkriminanti rigward dawk l-ilmenti li Knauf Gips KG qajmet espressament (10). Il-Qorti Ġenerali, meta eżaminat id-dokumenti inkwistjoni, ikkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun differenti li kieku d-dokumenti inkwistjoni tneħħew mill-fajl. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li kienet ser teżamina l-kontenut tal-kawża billi telimina, għal finijiet ta’ kompletezza, l-elementi inkriminanti kollha li jirriżultaw mir-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward jekk l-eżistenza u l-effetti tal-ksur kinux stabbiliti b’mod suffiċjenti anki fin-nuqqas ta’ tali elementi (11).

2.      Argument

19.      L-appellanti qed issostni li l-Qorti Ġenerali irrifjutat b’mod żbaljat li teżamina l-eżempji ta’ provi mhux żvelati li l-appellanti kienet indikat. L-appellanti tikkunsidra li fejn hija tiċċita l-provi inkwistjoni u s-siltiet mid-deċiżjoni kkontestata li huma esklużivament ibbażati fuq dawn il-provi, ma hija meħtieġa l-ebda indikazzjoni addizzjonali sabiex ikun konkluż li, kieku dawn il-provi ġew eliminati, għall-inqas dawk it-taqsimiet tar-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata kienu jkunu differenti. Meta jiġi kkunsidrat li huwa evidenti li s-siltiet deskritti mill-appellanti kienu jikkonċernaw l-aspett materjali tal-ksur kollu, jidher ċar li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun għal kollox differenti. Is-siltiet mid-deċiżjoni kkontestata li kienu effettivament eżaminati mill-Qorti Ġenerali, (ara l-punti 50 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata) ma humiex deċiżivi meta jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti diġà kienu nkisru minħabba li l-Kummissjoni kienet invokat, f’siltiet oħrajn mid-deċiżjoni kkontestata, il-provi inkriminanti mhux żvelati li ma kinux eżaminati minn din il-qorti.

20.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, jekk jitqies li l-ilment tal-appellanti huwa dirett biss kontra r-raġunijiet tas-sentenza appellata inklużi fil-punti 49 u 50, dan l-ilment ma jistax iwassal biex dik is-sentenza tiġi annullata. Ir-raġunijiet inkwistjoni kienu inklużi għal finijiet ta’ kompletezza peress li, skont il-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-provi inkwistjoni meta eżaminat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-appellanti ma ssodisfatx ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (12) fir-rigward tal-provi inkriminanti. Skont din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-parti kkonċernata tipprova li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti. Ir-riferiment globali li sar mill-appellanti għas-siltiet differenti tad-deċiżjoni kkontestata fejn id-dokumenti inkwistjoni sempliċement jissemmew ma huwiex suffiċjenti peress li nkella jkun meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tipprova rabta kawżali bejn ir-rifjut ta’ aċċess għall-provi inkwistjoni u l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża.

3.      Kunsiderazzjonijiet

21.      L-ewwel nett, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali inklużi fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata. Madankollu, l-appellanti ma għamlet l-ebda oġġezzjoni għall-konstatazzjonijiet dettaljati tal-Qorti Ġenerali inklużi fil-punti 51 sa 62 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-ilmenti speċifiċi li qajmet Knauf Gips KG rigward ċerti provi.

22.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 49 u 50 u tabilħaqq fil-punti 51 sa 62 tas-sentenza appellata ma kinux inklużi għal finijiet ta’ kompletezza, b’din il-kwalità attribwita espliċitament minn din il-qorti lill-pożizzjoni tagħha inkluża fil-punt 63 ta’ din is-sentenza. B’hekk, il-ġurisprudenza stabbilita fejn jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad assolutament l-impunjazzjonijiet diretti biss kontra r-raġunijiet inklużi purament għal finijiet ta’ kompletezza, peress li ma jistgħux iwasslu biex is-sentenza appellata tiġi annullata (13), fil-fehma tiegħi, mhix direttament applikabbli għall-aggravju inkwistjoni.

23.      Rigward l-allegazzjoni tal-appellanti dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-eżempji ta’ provi mhux żvelati li kienet indikat l-appellanti, nikkunsidra li din l-allegazzjoni hija manifestament infondata.

24.      Essenzjalment, Knauf Gips KG targumenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li elenku tas-siltiet fid-deċiżjoni kkontestata fejn issemmew il-provi mhux żvelati ma kienx suffiċjenti biex jiġi sodisfatt l-obbligu stabbilit mill-ġurisprudenza li jeżiġi li l-parti interessata tipprova li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument li ma kienx ikkomunikat lil din l-impriża u li ġie invokat mill-Kummissjoni sabiex tasal għal konklużjoni ta’ ksur kontra tagħha, ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova.

25.      Hija ġurisprudenza stabbilita li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni invokat dan id-dokument biex issostni l-oġġezzjoni tagħha rigward l-eżistenza ta’ ksur u t-tieni nett, li l-oġġezzjoni setgħet tiġi pprovata biss permezz ta’ riferiment għal dan id-dokument. Jekk kien hemm provi dokumentarji oħrajn li l-partijiet kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li kienu jsostnu speċifikament il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-fatt li dokument inkriminanti li ma kienx ikkomunikat lill-persuna kkonċernata ma kienx ammissibbli bħala prova ma għandux jaffetwa l-validità tal-oġġezzjonijiet sostnuti fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, għandha tkun l-impriża kkonċernata li turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument li ma kienx ikkomunikat lil din l-impriża u li l-Kummissjoni invokatu biex tasal għall-konklużjoni tagħha ta’ ksur kontriha ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova (14).

26.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li sempliċi elenku tas-siltiet mid-deċiżjoni kkontestata fejn jissemmew provi mhux żvelati mhux suffiċjenti sabiex l-impriża kkonċernata, skont is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (15), tissodisfa l-oneru ċar impost fuqha.

B –    Rifjut ta’ aċċess għal provi li jiskaġunaw u ksur tad-drittijiet tad-difiża rigward l-iskambju ta’ informazzjoni

27.      F’din it-taqsima, għal finijiet ta’ konvenjenza, biħsiebni nittratta t-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appellanti peress li ż-żewġ partijiet jikkonċernaw it-tieni parti tal-ewwel motiv li Knauf Gips KG ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali rigward ir-rifjut ta’ aċċess għal provi li jiskaġunaw (16).

1.      Is-sentenza appellata

28.      Fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ċċitat is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iddikjarat li fejn dokument li jiskaġuna ma jkunx ġie kkomunikat, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi biss li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu rnexxielu jinfluwenza, b’mod żvantaġġjuż għaliha, l-andament tal-proċeduri u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa suffiċjenti li l-impriża turi li kienet tkun tista’ tuża d-dokumenti li jiskaġunaw fid-difiża tagħha, fis-sens li, kieku setgħet tinvokahom matul il-proċedura amministrattiva, kienet tkun tista’ tressaq provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet f’dak l-istadju u għalhekk seta’ jkollhom xi influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fi kwalunkwe deċiżjoni li adottat, għall-inqas fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-aġir li kienet akkużata bihom, u għaldaqstant, fuq il-livell tal-multa. Il-possibbiltà li dokument li ma kienx żvelat seta’ influwenza l-andament tal-proċeduri u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk eżami provviżorju ta’ ċerti provi juri li d-dokumenti mhux żvelati – fid-dawl ta’ dawn il-provi – seta’ kellhom sinjifikat li ma missux ġie injorat (17).

29.      Wara li tat lill-appellanti aċċess għar-risposti mhux kunfidenzjali tal-produtturi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li anki li kieku Knauf Gips KG setgħet tinvoka dawn id-dokumenti matul il-proċedura amministrattiva, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx tkun influwenzata minn dawn id-dokumenti (18).

2.      Argument

30.      L-appellanti tikkunsidra, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor b’mod żbaljta l-allegazzjonijiet tagħha fir-rikors tagħha fil-Kawża T‑52/03 u l-kummenti inklużi f’dokument separat li jġib id-data tas-7 ta’ Lulju 2006 dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess għal provi li jiskaġunaw. Il-konstatazzjonijiet ta’ din il-qorti, fil-punti 64 sa 79 tas-sentenza appellata, b’hekk jiksru d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u huma infondati.

31.      L-appellanti tikkunsidra wkoll li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-provi li jiskaġunaw. Skont l-appellanti, hija ma għandhiex tipprova, illi kieku kellha aċċess għar-risposti li taw il-produtturi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, imma biss li hija setgħet tuża dawn id-dokumenti għad-difiża tagħha (19). L-appellanti tikkunsidra li fil-punti 70 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod żbaljat jekk ċerti provi li jiskaġunaw imsemmija mill-appellanti setgħux jaffetwaw ir-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata.

32.      Barra minn hekk, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fejn jingħad li r-riposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma fiha l-ebda prova li tiskaġuna (20). L-appellanti tallega li skont il-prinċipji ġenerali tal-provi, id-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-partijiet interessati l-oħra huma provi. Barra minn hekk, il-fatt li l-appellanti qajmet l-istess argumenti ma jbiddilx in-natura ta’ tali dikjarazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħrajn.

33.      L-appellanti tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina d-dikjarazzjoni fil-punt 4.1.16 tar-risposta ta’ BPB li l-laqgħa ta’ Londra, l-iktar l-iktar, kienet diskussjoni spontanja. Il-Qorti Ġenerali naqset anki milli teżamina d-dikjarazzjoni ta’ BPB fil-punt 4.2.3 tar-risposta tagħha li l-figuri skambjati bejn BPB u l-kompetituri tagħha ma kinux inklużi fil-proċess ta’ ppjanar ta’ BPB. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-importanza tal-provi biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-laqgħat fi Brussell u f’Den Haag fl-1997 u fl-1998 rispettivament li segwew l-allegata l-ewwel laqgħa f’Versailles. Knauf Gips KG, f’dokument li jġib id-data tas-7 ta’ Lulju 2006, iddikjarat li jidher ċar mill-punti 4.3.28 u 4.3.34 tar-risposta ta’ BPB li waqt il-laqgħa ta’ Versailles ma ntlaħaq l-ebda akkordju antikompetittiv. Rigward il-laqgħat fi Brussell u f’Den Haag, il-Kummissjoni sempliċement ikkonkludiet li l-partijiet segwew l-allegat akkordju milħuq f’Versailles. Madankollu, il-punti 4.3.28 u 4.3.34 tar-risposta ta’ BPB dwar il-laqgħa ta’ Versailles setgħu jintużaw biex jiġi pprovat li l-konklużjoni rigward il-laqgħat fi Brussell u f’Den Haag kienet infondanta.

34.      Il-Kummissjoni qed terġa’ tqajjem argument li qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali u li ma kienx indirizzat minn din il-qorti. Il-Kummissjoni tinnota li mar-rifjut tagħha li tagħti aċċess lill-appellanti għar-risposti tal-produtturi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ehmżet indikazzjoni tar-rimedji disponibbli għall-appellanti. Meta jiġi kkunsidrat li l-appellanti ma qajmitx il-kwistjoni quddiem l-Uffiċjal tas-Smigħ u b’hekk naqset milli teżawrixxi r-rimedji disponibbli għaliha matul il-proċedura amministrattiva, l-appellanti implikat li ma kinitx ser issegwi t-talba tagħha. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, meta jiġi kkunsidrat li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl missu kien ittrattat matul il-proċedura amministrattiva, l-appellanti ma kellha l-ebda dritt li tallega li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża quddiem il-Qorti Ġenerali.

35.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali applikat korrettament it-test stabbilit fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (21) rigward il-provi li jiskaġunaw. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li s-sentenza appellata ma tgħawwiġx l-argumenti tal-appellanti.

36.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-allegazzjonijiet tal-appellanti fil-punt 31 iktar ’il fuq ma humiex ammissibbli peress li l-appellanti sempliċement qed tirriproduċi l-argumenti li kienet qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali u qed tfittex evalwazzjoni ġdida tal-allegazzjonijiet tagħha min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-appellanti ma wrietx kif il-provi mhux żvelati inkwistjoni kienu ser ikunu ta’ għajnuna għad-difiża tagħha. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-allegazzjoni tal-appellanti fil-punt 33 iktar ’il fuq hija sostanzjalment żbaljata.

3.      Kunsiderazzjonijiet

37.      L-ewwel nett, biħsiebni niddiskuti l-allegazzjoni li l-Kummissjoni qajmet fil-punt 34 iktar ’il fuq. Essenzjalment, il-Kummissjoni qed targumenta li t-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appellanti qed jiġu miċħuda peress li l-appellanti naqset milli teżawrixxi r-rimedji kollha li kienu disponibbli għaliha rigward l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva ta’ quddiem il-Kummissjoni.

38.      Jiena nikkunsidra li dan l-argument għandu jiġi miċħud. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma stabbilietx li l-appellanti attivament qarrqitha jew naqset milli taġixxi in bona fide rigward id-dokumenti mhux żvelati inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva. Is-sempliċi nuqqas tal-appellanti li teżawrixxi r-rimedji tagħha quddiem il-Kummissjoni ma setax ikkawża b’mod mhux xieraq xi impressjoni ħażina min-naħa tal-Kummissjoni li l-appellanti ma kinitx ser issegwi t-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti inkwisjoni quddiem il-qrati Komunitarji (22). It-tieni nett, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva li speċifikament teżiġi li parti interessata teżawrixxi r-rimedji disponibbli għaliha matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, nikkunsidra li l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit mill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita b’mod mhux xieraq id-drittijiet tad-difiża ta’ din il-parti u ċċaħadha milli jkollha aċċess sħiħ għall-ġustizzja (23).

39.      Rigward l-allegazzjoni tal-appellanti, imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, li l-punt 65 tas-sentenza appellata kien jinkludi sommarju żbaljat tal-argumenti tagħha, għandu jiġi nnotat li dawn l-argumenti eżatti kienu inklużi fil-punt 43 tar-rapport tal-Imħallef Relatur għas-seduta ta’ quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li din is-seduta nżammet fit-23 ta’ Jannar 2007.

40.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tar-rapport tal-Imħallef Relatur huwa li jippreżenta b’mod sommarju l-punti ta’ fatt u ta’ liġi fil-kawża u l-motivi u l-argumenti tal-partijiet, u l-partijiet qabel jew matul is-seduta jistgħu jitolbu biex isiru korrezzjonijiet jew jesprimu r-riżervi tagħhom. Barra minn hekk, l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali li ħadu sehem fid-deliberazzjonijiet kellhom aċċess, matul il-proċedura kollha, għad-dokumenti kollha li kienu inklużi fil-proċess tal-kawża (24).

41.      Fil-Kawża T‑52/03, ir-rapport tal-Imħallef Relatur intbagħat lill-partijiet fil-11 ta’ Diċembru 2006 mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali u l-partijiet kienu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward dan ir-rapport qabel is-seduta. Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, li fil-15 ta’ Jannar 2007, ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub rigward ir-rapport inkwistjoni, Knauf Gips KG ma ppreżentat l-ebda osservazzjoni. Barra minn hekk, fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2007, Knauf Gips KG ma għamlet l-ebda oġġezzjoni għas-sommarju tal-allegazzjonijiet u tal-argumenti tagħha inklużi fir-rapport tal-Imħallef Relatur. In-nuqqas ta’ tali oġġezzjoni huwa rifless fil-minuti tas-seduta, li r-Reġistratur ħejja skont l-Artikolu 63 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li kienu ffirmati mill-President u mir-Reġistratur u li jikkostitwixxu att uffiċjali.

42.      Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe oġġezzjoni min-naħa ta’ Knauf Gips KG għar-rapport tal-Imħallef Relatur fil-Kawża T‑52/03 u meta jiġi kkunsidrat li l-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Ġenerali kellu aċċess matul il-proċedura kollha għad-dokumenti kollha inklużi fil-proċess ta’ din il-kawża, nikkunsidra li l-allegazzjoni tal-appellanti, li tissemma fil-punt 30 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda.

43.      Barra minn hekk, għal finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nenfasizza li jidher ċar mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 68 sa 77 tas-sentenza appellata li din il-qorti eżaminat b’mod dettaljat l-allegazzjonijiet li għamlet Knauf Gips KG (25) dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess għal provi li jiskaġunaw.

44.      Rigward l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-provi li jiskaġunaw, huwa suffiċjenti li l-impriża turi li setgħet tuża d-dokumenti li jiskaġunaw fid-difiża tagħha, fis-sens li, kieku setgħet tinvokahom matul il-proċedura amministrattiva, kienet tkun tista’ tressaq provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni f’dak l-istadju u għalhekk seta’ jkollhom xi influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fi kwalunkwe deċiżjoni adottata, għall-inqas rigward il-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih u, konsegwentement, fuq il-livell tal-multa. Il-possibbiltà li dokument li ma kienx żvelat seta’ influwenza l-andament tal-proċeduri u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk eżami provviżorju ta’ ċerti provi juri li d-dokumenti mhux żvelati– fid-dawl ta’ dawn il-provi – seta’ kellhom sinjifikat li ma missux ġie injorat (26).

45.      Il-Qorti Ġenerali speċifikament irreferiet għall-ġurisprudenza ta’ iktar ’il fuq dwar provi li jiskaġunaw mhux żvelati fil-punt 67 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet illi kieku Knauf Gips KG kellha aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma setgħetx tiġi influwenzata minn dawn id-dokumenti.

46.      Għandu jiġi nnotat li minkejja l-konstatazzjoni ġenerali tal-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata, id-diċitura tal-punt 74 tas-sentenza appellata fejn din il-qorti tiddikjara li l-punt 4.2.1 tar-risposta ta’ BPB “ma setax ibiddel ir-riżultat finali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] hija pjuttost inadatta fil-kuntest ta’ provi li jiskaġunaw u pjuttost tfakkarni fil-ġurisprudenza applikabbli għal provi inkriminanti mhux żvelati (27). Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ terminoloġija ta’ din ix-xorta mhux tali li jinvalida s-sentenza appellata. Jiena nikkunsidra li sempliċi dikjarazzjoni, bla ebda prova li ssostniha, minn parti oħra għal akkordju fejn tipprova tiċħad l-għan antikompetittiv jew l-effett ta’ skambju ta’ informazzjoni ma tistax tikkostitwixxi prova li tiskaġuna.

47.      Konsegwentement, nikkunsidra li l-allegazzjoni li tissemma fil-punt 31 iktar ’il fuq għandha tiġi miċħuda.

48.      Rigward l-allegazzjonijiet tal-appellanti fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq fejn tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ċerti taqsimiet mir-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jinkludux provi li jiskaġunaw, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali – ħlief fejn is-sens ċar tal-provi prodotti quddiemha huwa mgħawweġ – ma tikkostitwix punt ta’ liġi li huwa suġġett, bħala tali, għal stħarriġ min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja (28).

49.      Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 69 sa 78 tas-sentenza appellata, kienet tikkonċerna jekk it-taqsimiet tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kinux jikkostitwixxu provi li jiskaġunaw u setgħux jintużaw minn Knauf Gips KG għad-difiża tagħha. Għalhekk kienet tikkonċerna punt ta’ fatt (29). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali għawġet il-fatti, l-ilment tal-appellanti kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

50.      Rigward l-allegazzjoni msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-allegazzjonijiet ta’ Knauf Gips KG dwar il-punt 4.1.16 tar-risposta ta’ BPB, nikkunsidra li din ma tistax tiġi sostnuta. Is-sinjifikat prinċipali tal-punt 4.1.16 tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jinsab fil-fatt li “il-kompetizzjoni baqgħet intensiva fid-diversi swieq Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minkejja l-“allegat impenn” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li ngħata fil-laqgħa ta’ Londra. Il-kwistjoni ta’ kompetizzjoni kontinwata fil-fatt kienet indirizzata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 72 u 75 tas-sentenza appellata. L-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina s-sottomissjoni ta’ Knauf Gips KG dwar il-punt 4.2.3 tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet tipprovdi li l-figuri skambjati bejn BPB u l-kompetituri tagħha ma kinux inklużi fil-proċess ta’ ppjanar ta’ BPB, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi miċħuda fid-dawl tal-punt 74 tas-sentenza appellata. Il-punt 74 tas-sentenza appellata speċifikament jevalwa l-allegazzjoni ta’ BPB li l-informazzjoni skambjata kienet magħrufa biss minn [D], id-direttur ta’ Gyproc u Kap Eżekuttiv ta’ BPB.

51.      Barra minn hekk, jidher ċar mill-punt 76 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-punti 4.3.28 u 4.3.34 tar-risposta ta’ BPB dwar il-laqgħa ta’ Versailles u kkonstatat li l-kontenut tagħhom ma kienx jikkostitwixxi provi li jiskaġunaw. Meta jiġi kkunsidrat li l-allegazzjoni ta’ Knauf Gips KG dwar il-laqgħat fi Brussell u f’Den Haag fl-1997 u fl-1998 rispettivament kienet tiddependi fuq konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali li l-punti 4.3.28 u 4.3.34 tar-risposta ta’ BPB rigward il-laqgħa ta’ Versailles kienu jikkostitwixxu provi li jiskaġunaw, nikkunsidra li din il-qorti ma naqsitx, b’mod żbaljat, milli tindirizza l-allegazzjoni ta’ Knauf Gips KG dwar il-laqgħat fi Brusell u f’Den Haag.

52.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu.

VI – It-tieni aggravju: ksur tal-Artikolu 81 KE

A –    Argument

53.      L-appellanti ssostni li l-punti 140 sa 298 tas-sentenza appellata huma mingħajr bażi sostanzjali suffiċjenti peress li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE fuq provi inkriminanti mhux żvelati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma rrispettatx l-affermazzjoni tagħha, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li ma kinitx ser tikkunsidra l-provi inkwistjoni meta eżaminat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

54.      Skont l-appellanti, anki jekk jiġu kkunsidrati l-provi illegali, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali rigward il-ħames elementi tal-ksur mill-appellanti ma ssostnix konklużjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Skont il-Qorti Ġenerali, il-ksur inkwistjoni kien magħmul minn ħames stadji, jiġifieri, il-laqgħa f’Londra fl-1992, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ bejgħ fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Benelux u fir-Renju Unit mill-1992 sal-1998, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet fir-Renju Unit mill-1992 sal-1998, l-akkordji dwar l-azzjonijiet mis-suq Ġermaniż (il-laqgħat ta’ Versailles, ta’ Brussell u tal-Aja) minn Ġunju 1996 u l-akkordju dwar iż-żidiet fil-prezzijiet fil-Ġermanja mill-1996. Madankollu, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma tissodisfa l-kriterji għal konklużjoni ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE. L-appellanti tikkritika wkoll diversi aspetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ħames elementi jew manifestazzjonijiet inklużi fil-punti 140 sa 298 tas-sentenza appellata.

55.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tieni aggravju tal-appellanti huwa inammissibbli peress li l-appellanti sempliċement tikkritika l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-appellanti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. It-tieni aggravju tal-appellanti huwa bbażat fuq il-kunċett li l-ebda waħda mill-partijiet tal-ksur jew l-ebda wieħed mill-elementi tal-ksur, li kkunsidrati flimkien jikkostitwixxu l-ksur, ma tikser jew jikser per se l-Artikolu 81 KE. L-appellanti b’hekk tinterpreta ħażin il-punt essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata u l-evalwazzjoni tal-provi tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għall-kawża Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (30), ikkunsidrat li l-eżistenza ta’ prattika antikompetittiva jew ta’ akkordju antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn numru ta’ kumbinazzjonijiet u ta’ ħjiel li, kkunsidrati flimkien u fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra, jistgħu jikkostitwixxu provi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu peress li kull manifestazzjoni tikkorrabora l-eżistenza ta’ tali ksur.

56.      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-allegazzjoni tal-appellanti fil-punt 53 iktar ’il fuq hija inammissibbli peress li l-appellanti naqset milli tidentifika t-taqsimiet tas-sentenza appellata li hija tikkritika u sempliċement tirreferi b’mod sommarju għall-punti 140 sa 298 tas-sentenza appellata.

B –    Kunsiderazzjonijiet

57.      Huwa ċar mill-punt 299 tas-sentenza appellata li Knauf Gips KG allegat quddiem il-Qorti Ġenerali li hija ma tistax tiġi akkużata li pparteċipat fi ksur uniku tul perjodu twil ta’ żmien u dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-gravità tal-ksur u għall-preskrizzjoni ta’ fatti iżolati li allegatament seħħu iktar minn ħames snin qabel ma nbdew il-proċeduri.

58.      Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 306 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li jidher ċar mill-punt 479 tad-deċiżjoni kkontestata “li n-numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma f’din il-kawża jifformaw parti minn numru ta’ azzjonijiet min-naħa tal-impriżi inkwistjoni li għandhom għan ekonomiku wieħed, jiġifieri r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u jikkostitwixxu d-diversi manifestazzjonijiet ta’ akkordju kumpless u kontinwu li l-għan u l-effett tiegħu kienu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Minħabba l-fatt li l-akkordji u l-prattiki miftiehma li ssemmew iktar ’il fuq, mingħajr interruzzjoni mill-1992 sal-1998, taw sura sostantiva lix-xewqa komuni tal-partijiet li jistabbilizzaw, u b’hekk jirrestrinġu l-kompetizzjoni, għall-inqas fis-swieq tal-folji tal-ġibs Ġermaniżi, Franċiżi, tar-Renju Unit u tal-Benelux, il-Kummissjoni tikkaratterizza l-ksur bħala wieħed uniku, kumpless u kontinwu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi, inter alia, li l-appellanti “kisret l-Artikolu 81(1) tat-Trattat billi ħadet sehem f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-folji tal-ġibs” (31) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza fis-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (32), il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ta’ Knauf Gips KG kontra l-kwalifika tal-prattiki inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwu (33).

59.      L-appellanti ma kkontestatx din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali rigward l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE f’dan l-appell. Anzi, l-appellanti qed tipprova turi li l-ebda wieħed mill-ħames elementi individwali jew l-ebda waħda mill-ħames manifestazzjonijiet individwali tal-ksur ma jsostni jew issostni, weħedhom, konklużjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Meta jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata u tabilħaqq is-sentenza appellata huma bbażati fuq il-premessa tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, għalkemm magħmul minn elementi differenti, nikkunsidra li jkun għalxejn li l-appellanti tallega li dawn l-elementi individwali, meta kkunsidrati weħedhom, ma jikkostitwixxux ksur tal-Artikolu 81(1) KE. L-allegazzjoni inkwistjoni għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi miċħuda.

60.      Barra minn hekk, meta jiġi kkunsidrat li l-appellanti naqset milli tidentifika speċifikament il-provi inkriminati allegatament invokati mill-Qorti Ġenerali fil-konstatazzjoni tagħha fil-punti 140 sa 298 tas-sentenza appellata, nikkunsidra li din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli għaliex hija vaga wisq.

61.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tieni aggravju.

VII – It-tielet aggravju: ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 81 KE

A –    Argument

62.      L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 billi kkunsidrat il-fatturat tal-kumpanniji fil-Grupp Knauf meta kkalkolat il-limitu massimu ta’ 10 % impost minn din id-dispożizzjoni. Hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellanti fformat unità ekonomika mal-kumpanniji l-oħra tal-Grupp Knauf u meta kkunsidrat li l-appellanti kienet responsabbli għall-azzjonijiet tal-Grupp Knauf.

63.      L-appellanti tikkunsidra li, fil-punt 348 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli taġixxi b’oġġettività u b’imparzjalità. L-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG ibbenefikat mill-ksur inkwistjoni.

64.      L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li hija, flimkien ma’ Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG u mal-kumpanniji sussidjarji tagħha, jikkostitwixxu unità ekonomika.

65.      L-appellanti qed tikkontesta d-disa’ fatturi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha ta’ unità ekonomika. L-appellanti tikkunsidra li l-kawża Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (34) mhix applikabbli peress li l-appellanti ma hijiex ikkontrollata minn kumpannija oħra. Barra minn hekk, l-appellanti ma għandha l-ebda azzjonijiet fil-kumpanniji relatati ma’ Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG. L-appellanti tikkunsidra li l-ġurisprudenza relatata mal-aġenti kummerċjali (35), imsemmija fil-punti 350, 351 u 355 tas-sentenza appellata, lanqas ma hija applikabbli. L-appellanti tikkunsidra li l-kawża li fuqha hija bbażata s-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni (36), imsemmija fil-punti 343 sa 346 tas-sentenza appellata, lanqas ma hija applikabbli peress li f’dak il-każ il-konklużjoni ta’ unità ekonomika kienet ibbażata fuq il-fatt li l-azzjonijiet kollha fil-kumpanniji differenti kienu f’idejn l-istess persuna. F’dan il-każ, l-appellanti u Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG huma maqsumin bejn 22 azzjonist, b’kull wieħed ikun azzjonist b’minoranza.

66.      Konklużjoni ta’ unità ekonomika tista’ wkoll ma tkunx ibbażata fuq il-kontroll konġunt tal-appellanti u tal-kumpanniji l-oħra mill-bosta azzjonisti li huma membri tal-familji Knauf. Konstatazzjoni ta’ kontroll konġunt tiġi eskluża fejn fost l-azzjonisti jkunu possibbli maġġoranzi li jinbidlu jew li jvarjaw. Il-Qorti Ġenerali f’Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (37) u il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha f’dan il-każ, ikkonkludew li ma kien hemm l-ebda unità ekonomika f’kawża li kienet tikkonċerna erba’ azzjonisti b’minoranza. Il-kuntratt tal-familja, imsemmi fil-punt 349 tas-sentenza appellata, ma qiegħdetx lill-kumpanniji inkwistjoni taħt kontroll konġunt.

67.      L-appellanti tikkunsidra li s-sentenza appellata tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-kawża Aristrain vs Il-Kummissjoni (38), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali separati jkun f’idejn l-istess persuna jew l-istess familja mhux suffiċjenti, per se, sabiex ikun stabbilit li dawn iż-żewġ kumpanniji huma unità ekonomika biex b’hekk, skont id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, l-azzjonijiet ta’ kumpannija waħda jistgħu jiġu attribwiti lill-oħra u din il-kumpannija tista’ tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-ħlas ta’ multa għall-oħra.

68.      L-appellanti tikkunsidra li ma hemm l-ebda raġuni legali oħra li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ unità ekonomika. Il-fatt li l-istess żewġ azzjonisti kienu jamministraw il-kumpanniji Knauf kollha mhux rilevanti (punt 345 tas-sentenza appellata). Fil-punt 346 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma hemm l-ebda prova li ż-żewġ kuġini Knauf, [B] u [C], ma kinux jirrappreżentaw lill-Grupp Knauf fil-kuntest tad-diversi manifestazzjonijiet tal-ksur. L-appellanti tallega li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ in dubio pro reo. Barra minn hekk, il-fatt li l-istess persuni jirrappreżentaw kumpanniji differenti ma jimplikax li l-kumpanniji ma humiex awtonomi mil-lat tal-kompetizzjoni. L-appellanti tikkunsidra wkoll li l-konstatazzjoni, fil-punt 346 tas-sentenza appellata, li l-figuri tal-bejgħ skambjati matul il-ksur kellhom x’jaqsmu mal-kumpanniji differenti fil-Grupp Knauf ma tindika xejn rigward ir-relazzjonijiet strutturali bejn il-parteċipanti jew il-kumpanniji kkonċernati mill-iskambju u b’hekk l-eżistenza ta’ unità ekonomika. Barra minn hekk, l-appellanti tikkunsidra li l-konstatazzjoni fil-punt 347 tas-sentenza appellata jiġifieri li l-eżistenza ta’ unità ekonomika hija bbażata anki fuq il-fatt li Knauf Gips KG, fuq talba, bagħtet lill-Kummissjoni, minbarra l-figuri tal-fatturat tagħha, anki l-figuri tal-fatturat tal-kumpanniji l-oħra fil-Grupp Knauf, hija legalment irrilevanti. L-informazzjoni inkwistjoni ntbagħet wara spezzjonijiet u sabiex ikun evitat li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-iżvelar ma kienx sodisfaċenti. L-appellanti tikkunsidra li d-dikjarazzjoni fil-punt 356 tas-sentenza appellata insostenn tal-konklużjoni ta’ unità ekonomika hija kontradittorja. Il-fatt li l-appellanti hija l-unika kumpannija li mhix amministrata minn Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG ma jispjegax għaliex il-multa kienet imposta fuq l-appellanti u mhux fuq Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG. Ma huwiex ċar għaliex l-appellanti għandha tiġi kkunsidrata bħala unità ekonomika flimkien ma’ Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG meta jitqies il-fatt li l-appellanti hija indipendenti minn din tal-aħħar. L-appellanti tikkontestata l-konstatazzjoni fil-punt 357 tas-sentenza appellata, jiġifieri li peress li “l-parti l-kbira” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-dokumenti li nstabu waqt l-ispezzjonijiet kienu fuq karti intestati tal-Grupp Knauf, l-appellanti tirrappreżenta lill-grupp. L-appellanti tikkunsidra li regola ta’ interpretazzjoni li tikkonkludi li l-persuna li tipproduċi “l-parti l-kbira” tad-dokumenti awtomatikament “tirrappreżenta” lill-parteċipanti l-oħra fil-ksur mhix sostnuta mis-sistemi legali tal-Istati Membri jew mil-liġi Komunitarja dwar l-akkordji. Barra minn hekk, mhux ċar kif il-Kummissjoni għażlet id-dokumenti inkwistjoni mid-dokumenti kollha li kienu disponibbli matul l-investigazzjoni. L-appellanti tikkunsidra li d-dikjarazzjoni fil-punt 357 tas-sentenza appellata, jiġifieri li ma hemm l-ebda dubju li l-appellanti tikkoordina l-attivitajiet operattivi tal-Grupp Knauf fis-suq rilevanti, hija dijametrikament opposta għad-dikjarazzjoni fil-punt 337 tas-sentenza appellata, jiġifieri li “konsegwentement ma hemmx entità legali waħda li, fil-pożizzjoni ta’ tmexxija, tista’, bħala l-korp inkarigat mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-grupp, tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-ksur imwettaq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-dikjarazzjoni fil-punt 358 tas-sentenza appellata, jiġifieri li l-appellanti kienet l-unika interlokutriċi mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva mhix legalment konklużiva u tirriżulta mill-fatt li fl-ittra li takkumpanja d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tad-19 ta’ April 2001, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura formali biss kontra l-appellanti minkejja l-fatt li saru wkoll xi spezzjonijiet f’kumpanniji oħrajn. L-appellanti tallega li l-avukati tagħha rrispondew għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’isem u għan-nom tal-appellanti.

69.      L-appellanti tikkontesta wkoll id-dikjarazzjonijiet fil-punti 359 u 360 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li l-appellanti, matul il-proċedura amministrattiva, missha oġġezzjonat għas-suppożizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ unità ekonomika sabiex ma tiġix miċħuda milli tagħmel dan. L-appellata tikkunsidra li dawn id-dikjarazzjonijiet jiksru l-prinċipju ta’ in dubio pro reo. Meta jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzata biss lill-appellanti, l-appellanti ressqet l-argumenti tagħha biss għan-nom tagħha stess. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx tindika li l-appellanti kienet ser tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-kumpanniji l-oħra li jġorru l-isem ta’ Knauf.

70.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni tagħha tal-eżistenza ta’ unità ekonomika fuq il-bażi ta’ numru ta’ elementi (punt 342 tas-sentenza appellata) fost l-oħrajn, b’mod partikolari, il-fatt li matul il-ksur il-kuġini Knauf kienu jirappreżentaw il-Grupp Knauf kollu, il-fatt li l-figuri tal-bejgħ skambjati matul il-ksur kellhom x’jaqsmu mal-kumpanniji Knauf kollha li huma attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs (punt 346 tas-sentenza appellata) u l-fatt li l-azzjonijiet tal-kumpanniji fil-Grupp Knauf li kienu f’idejn il-kumpannija holding Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG kienu amministrati minn din tal-aħħar għan-nom tal-kumpannija tal-familja li kienet il-proprjetarja tagħha u kienet tikkontrollaha. Id-dikjarazzjoni fil-punt 348 tas-sentenza appellata għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tagħha. Meta jiġi kkunsidrat dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma wrietx li kienet ippreġudikata. Tabilħaqq, jekk jiġi stabbilit li l-kuġini Knauf kienu jirrappreżentaw lill-grupp kollu fil-ksur, jidher ċar li l-kumpanniji Knauf kollha bbenefikaw mill-ksur.

71.      Il-Kummissjoni tinnota li l-Qorti Ġenerali ma semmietx is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (39) imma l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-eżistenza ta’ unità ekonomika. Il-kawża Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (40) u l-ġurisprudenza dwar l-aġenti kummerċjali huma każijiet ta’ applikazzjoni speċifika tal-prinċipji ġenerali inkwistjoni. Ikun xi jkun il-każ, huwa possibbli f’dan il-każ li jsir paragun mas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (41) anki jekk din ma hijiex direttament applikabbli. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kumpanniji fil-Grupp Knauf kienu kkontrollati mill-familja Knauf skont il-kuntratt tal-familja li żgura li l-grupp kollu jaqa’ taħt amministrazzjoni waħda. Il-kuġini Knauf kienu jamministraw il-kumpanniji kollha fil-grupp inklużi ż-żewġ kumpanniji parent u kienu jirrappreżentaw lill-kumpanniji Knauf kollha li huma attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs fil-kuntest tal-ksur. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-allegazzjonijiet tal-appellanti rigward il-kawża HFB et vs Il-Kummissjoni (42) ma humiex rilevanti. Fil-punti 342 u 343 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-eżistenza ta’ unità ekonomika għandha tiġi evalwata fuq bażi ta’ każ b’każ u huwa possibbli (bħal fil-każ tal-kawża HFB et vs Il-Kummissjoni) li jiġi konkluż li teżisti unità ekonomika fuq il-bażi ta’ numru ta’ elementi li juru relazzjoni ta’ kontroll. Il-Qorti Ġenerali rat parallel bejn il-kawża HFB et vs Il-Kummissjoni u din il-kawża fil-kontroll li l-kumpannija tal-familja Knauf teżerċita fuq il-Grupp Knauf, il-pożizzjoni prinċipali tal-kuġini Knauf, il-mod li bih jippreżentaw irwieħhom bħala rappreżentanti tal-Grupp Knauf u l-fatt li l-figuri tal-bejgħ skambjati waqt il-ksur kellhom x’jaqsmu mal-grupp kollu. Il-Qorti tal-Ġustizzja approvat tali kriterji fis-sentenza tagħha f’Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (43).

72.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-osservazzjonijiet tal-appellanti dwar il-possibbiltà ta’ maġġoranzi varjabbli fost l-azzjonisti jikkontradixxu l-kuntratt tal-familja li jiggarantixxi amministrazzjoni waħda u l-eżerċizzju uniku u kkonċernat tad-drittijiet tal-azzjonisti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li hemm maġġoranzi varjabbli fost l-azzjonisti mhux rilevanti peress li skont il-kuntratt tal-familja hemm żewġ organi li jieħdu deċiżjonijiet li jeżerċitaw kontroll fuq il-Grupp Knauf (flimkien mal-amministrazzjoni taż-żewġ kuġini Knauf tal-grupp kollu) u li jiggarantixxu li l-grupp jaġixxi bħala unità waħda fuq is-suq. Il-kontroll eżerċitat mill-kumpannija tal-familja kien ikkonfermat mill-appellanti fir-risposta tagħha tad-19 ta’ Settembru 2002 għal domanda tal-Kummissjoni (punt 347 tas-sentenza appellata).

73.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza appellata ma tikkontradixxix il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aristrain vs Il-Kummissjoni (44). Il-konklużjoni tas-sentenza appellata dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika ma hijiex sempliċement ibbażata fuq il-fatt li ż-żewġ kumpanniji parent fil-Grupp Knauf għandhom azzjonisti identiċi. Il-Kummissjoni tallega wkoll li ċ-ċirkustanzi differenti stabbiliti mill-Qorti Ġenerali jipprovaw l-eżistenza ta’ unità ekonomika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza l-pożizzjoni tal-kuġini Knauf bħala azzjonisti amministrattivi li żguraw l-amministrazzjoni unika tal-grupp (punt 345 tas-sentenza appellata). Il-kuġini Knauf kienu personalment implikati fil-ksur u l-kompetituri tal-grupp kkunsidraw l-azzjonijiet tagħhom bħala dawk tal-Grupp Knauf (punt 346 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-appellanti ma tikkontestax il-fatt li l-figuri tal-bejgħ skambjati fil-kuntest tal-ksur kienu jikkonċernaw il-kumpanniji Knauf kollha li huma attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs. L-aggregazzjoni tal-figuri tal-bejgħ wriet li l-Grupp Knauf kollu huwa rrappreżentat mill-kuġini Knauf (jew l-appellanti). Rigward id-dikjarazzjoni tal-appellanti relatata mal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-fatturat tagħha u dak tal-kumpanniji l-oħra fil-Grupp Knauf, il-Kummissjoni tinnota li l-informazzjoni ġiet ikkomunikata wara li kienet intbagħatet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet issemmi biss lill-appellanti bħala d-destinatarja. Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-fatt li l-appellanti pprovdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, il-fatturat tal-Grupp Knauf u ta’ dawk il-kumpanniji Knauf li huma attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs hija prova addizzjonali li l-appellanti stess kkunsidrat li kienet teżisti unità ekonomika u li kienet tirrappreżenta lill-kumpanniji Knauf kollha li jipproduċu l-folji tal-ġibs.

74.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti tal-appellanti dwar l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tar-rwol partikolari li għandha fil-Grupp Knauf (punt 354 tas-sentenza appellata) ma humiex rilevanti peress li l-appellanti tikkontesta biss l-eżistenza ta’ unità ekonomika. Il-kummenti li ġejjin għalhekk huma anċillari.

75.      Il-Kummissjoni tenfasizza l-pożizzjoni partikolari tal-appellanti bħala l-kumpannija Knauf responsabbli mill-ksur. Il-Kummissjoni tinnota li l-appellanti hija waħda miż-żewġ kumpanniji parent fil-grupp. Għall-kuntrarju ta’ Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG, l-appellanti mhix sempliċi kumpannija holding li tiddependi mill-appellanti għal ċerti riżorsi. Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG bħala sempliċi kumpannija holding u din ta’ qabel ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala responsabbli mill-azzjonijiet tal-grupp (punti 348 u 355 tas-sentenza appellata); din ir-responsabbiltà hija tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 346 u 357 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li l-appellanti kkoordinat l-attivitajiet operattivi tal-Grupp Knauf fis-suq rilevanti. Din il-konstatazzjoni ma tidħolx f’kunflitt mad-dikjarazzjoni fil-punt 361 tas-sentenza appellata li mhux possibbli li tiġi identifikata xi entità legali, fil-pożizzjoni ta’ tmexxija, li tikkoordina l-attivitajiet tal-grupp. Anki jekk l-appellanti hija biss waħda minn żewġ kumpanniji parent, hija kellha rwol ta’ koordinazzjoni b’mod partikolari minħabba li kienet intużat mill-kuġini Knauf bħala strument biex tkun amministrata l-impriża.

76.      Rigward l-allegazzjonijiet tal-appellanti fil-punt 69 iktar ’il fuq dwar l-estoppel, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-appellanti, kemm qabel kif ukoll wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, aġixxiet f’isem il-kumpanniji Knauf l-oħra. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 359 u 360 tas-sentenza appellata għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tad-dikjarazzjoni fil-punt 358. Matul il-proċedura amministrattiva, l-appellanti ddikjarat li kellha rwol prinċipali fl-impriża Knauf u b’hekk tat l-impressjoni lill-Kummissjoni li hija kienet tmexxi l-grupp. Il-Kummissjoni b’hekk innotifikat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-appellanti u mhux lill-kumpanniji l-oħra fil-grupp, filwaqt li fl-istess ħin indikat li l-ksur kien jikkonċerna lill-Grupp Knauf (punt 359 tas-sentenza appellata).

B –    Kunsiderazzjonijiet

77.      Fil-fehma tiegħi, l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 348 tas-sentenza appellata, naqset milli taġixxi b’oġġettività u b’imparzjalità, hija għal kollox bla bażi u infondata. Is-sempliċi fatt li l-konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali f’dan il-punt tvarja mill-allegazzjonijiet tal-appellanti bl-ebda mod ma jindika xi nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità min-naħa ta’ din il-qorti. Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, jidher ċar, b’mod partikolari, mill-punti 344 sa 347 tas-sentenza appellata, li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 348 tas-sentenza appellata, li Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG u l-kumpanniji sussidjarji tagħha bbenefikaw mill-ksur inkwistjoni kienet ibbażata fuq numru ta’ kunsiderazzjonijiet li kienu eżaminati u evalwati minn din il-qorti u b’hekk ma nġibditx b’mod astratt.

78.      Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG u l-kumpanniji sussidjarji tagħha bbenefikaw mill-ksur inkwistjoni, tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe tgħawwiġ tas-sens ċar tal-provi, skont l-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali (45).

79.      Fil-kuntest tal-motiv ta’ Knauf Gips KG dwar il-ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-Grupp Knauf kienx jikkostitwixxi unità ekonomika għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u, it-tieni nett, jekk Knauf Gips KG kinitx responsabbli għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Grupp Knauf. Fil-fehma tiegħi u għall-kuntrarju tas-sottomissjoni tal-Kummissjoni fil-punt 74 iktar ’il fuq, l-appellanti kkontestat, matul il-proċedimenti tal-appell quddiem din il-qorti, il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward taż-żewġ kwistjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

80.      Dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirreferi għall-attivitajiet tal-impriżi, u li l-kunċett ta’ impriża jkopri kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, fl-istess kuntest, għandu jinftiehem bħala li jindika unità ekonomika anki jekk fil-liġi din l-unità ekonomika tikkonsisti f’diversi persuni, fiżiċi jew ġuridiċi (46). B’hekk, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni ta’ jekk grupp ta’ kumpanniji jikkostitwix unità ekonomika ma hijiex kwistjoni ta’ forma legali imma teħtieġ analiżi każ b’każ, fejn tingħata attenzjoni partikolari lill-fatti speċifiċi ta’ kull każ individwali. Barra minn hekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li tista’ tinġibed konklużjoni li teżisti unità ekonomika fuq il-bażi ta’ numru ta’ fatti differenti, li però jekk jiġu kkunsidrati individwalment ma jissostanzjawx tali konklużjoni.

81.      Rigward l-allegazzjoni tal-appellanti li s-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (47) mhix applikabbli, nixtieq nosserva, l-ewwel nett, li fis-sentenza kkontestata l-Qorti Ġenerali ma invokatx din is-sentenza fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ unità ekonomika. Barra minn hekk, il-fatt li l-appellanti, parallelament għall-fatti speċifiċi tal-kawża Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, inter alia, ma tikkontrollax 100 % tal-azzjonijiet ta’ kumpannija oħra, fil-fehma tiegħi, ma jipprevjenix konlużjoni għal raġunijiet oħrajn li l-appellanti tifforma parti minn unità ekonomika għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.

82.      Barra minn hekk, filwaqt li l-Qorti Ġenerali ma ċċitatx ġurisprudenza relatata ma’ aġenti kummerċjali fil-punti 350, 351 u 355 tas-sentenza appellata u ċċitat il-kawża HFB et vs Il-Kummissjoni (48) fil-punt 343 tas-sentenza appellata, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatti speċifiċi ta’ dawn is-sentenzi kienu replikati f’din il-kawża (49). Il-Qorti Ġenerali sempliċement ipprovat tenfasizza, f’termini ġenerali, numru ta’ fatturi li jistgħu jagħtu lok għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika.

83.      Rigward l-allegazzjonijiet tal-appellanti fil-punt 66 iktar ’il fuq, nixtieq nosserva li fil-kawża Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk l-akkordji għandhomx jitqiesu bħala ftehim intern għal grupp u b’hekk ma jaqgħux taħt l-Artikolu 81(1) KE. Il-Qorti Ġenerali f’dak il-każ ikkonstatat li l-Artikolu 81 KE ma japplikax għal akkordji u prattiki miftiehma bejn impriżi li jappartjenu lil grupp wieħed, bħal kumpannija parent u kumpannija sussidjarja, jekk dawn l-impriżi jifformaw unità ekonomika li fiha l-kumpannija sussidjarja ma jkollha l-ebda libertà reali biex tiddetermina x’azzjonijiet ser tieħu fis-suq. Sitwazzjoni ta’ din ix-xorta ma teżistix fejn impriża ma teżerċita l-ebda kontroll fuq oħra għajr dak li jirriżulta minn holding fil-kapital tagħha li huwa ferm ’il bogħod minn sehem maġġoritarju (50).

84.      Fil-kawża Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fuq il-bażi tal-fatti li l-grad effettiv ta’ kontroll li kien eżerċitat minn Arbed fuq Baustahlgewebe kien jikkorrispondi għall-perċentwali ta’ holding li din kellha fil-kapital tagħha, jiġifieri 25.001 %, li huwa ferm ’il bogħod minn sehem maġġoritarju. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li tali holding ma jiġġustifikax il-konklużjoni li l-kumpanniji inkwistjoni kienu jappartjenu lil grupp li fih kienu jifformaw unità ekonomika biex b’hekk akkordju bejn dawn iż-żewġ impriżi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ma jaqax taħt l-Artikolu 81(1) KE.

85.      Fil-fehma tiegħi, jidher ċar li l-Qorti Ġenerali fil-kawża Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (51) ma bbażatx il-konstatazzjoni tagħha dwar nuqqas ta’ kontroll biss fuq il-perċentwali numerika tal-holding ta’ Arbed f’Baustahlgwebe, imma eżaminat il-livell jew il-grad effettiv ta’ kontroll inkwistjoni u kkonstatat li dan ma kienx suffiċjenti. B’hekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ffavoriet ir-realtà effettiva iktar milli s-sempliċi forma. Għaldaqstant, nikkunsidra li s-sempliċi possibbiltà legali ta’ maġġoranzi varjabbli fil-Grupp tal-kumpanniji Knauf, inklużi l-appellanti u Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG, minħabba l-eżistenza ta’ 22 azzjonist, per se, ma teskludix li jigi konkluż li teżisti unità ekonomika.

86.      Nikkunsidra wkoll li l-appellanti naqset milli tipprova li s-sentenza appellata tmur kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Aristrain vs Il-Kummissjoni (52). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali separati jkun f’idejn l-istess persuna jew l-istess familja, mhux suffiċjenti, per se (53), ħalli jkun stabbilit li dawn iż-żewġ kumpanniji huma unità ekonomika biex b’hekk, skont id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, l-azzjonijiet ta’ kumpannija waħda jistgħu jiġu attribwiti lill-oħra u dik il-kumpannija tista’ tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-ħlas ta’ multa għall-oħra (54). Jidher ċar mill-konstatazzjonijiet estensivi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 337 sa 362 tas-sentenza appellata li din il-qorti ma bbażatx il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika fuq il-bażi ta’ fatt wieħed, sempliċi u iżolat (55). Tabilħaqq, l-appellanti stess fl-appell tagħha oġġezzjonat għad-“disa” raġunijiet (56) li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha rigward l-eżistenza ta’ unità ekonomika.

87.      Fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju tal-allegazzjoni tal-appellanti fil-punt 68 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 344 sa 350 tas-sentenza appellata, elenkat numru ta’ fatti, li meta jiġu kkunsidrati flimkien iktar milli f’iżolament, iwasslu għall-konklużjoni li l-kumpanniji li huma proprjetà tal-familja Knauf jikkostitwixxu unità ekonomika għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE.

88.      Jidher ċar mis-sentenza appellata li l-kumpanniji kollha fil-Grupp Knauf għandhom l-istess 22 azzjonist li huma magħmula miż-żewġ fergħat tal-familja Knauf (57) u li dawn il-kumpanniji kollha kienu amministrati mill-istess żewġ kuġini Knauf (58).

89.      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 346 tas-sentenza appellata, li ma hemm l-ebda prova li ż-żewġ kuġini Knauf ma kinux jirrappreżentaw lill-Grupp Knauf fil-kuntest tal-ksur u ma ġiex ikkontestat li l-figuri tal-bejgħ li ġew skambjati matul il-ksur inkwistjoni kellhom x’jaqsmu mal-kumpanniji kollha fil-Grupp Knauf li huma attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs. Nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ in dubio pro reo bid-dikjarazzjoni tagħha rigward in-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li tindika li l-kuġini Knauf ma kinux jirrappreżentaw lill-Grupp Knauf matul il-ksur inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali sempliċement iddikjarat li l-provi jindikaw ir-rwol rappreżentattiv tal-kuġini Knauf u li ma tressqet l-ebda prova li tindika mod ieħor. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Qorti Ġenerali kellha xi dubju rigward il-valur probatorju tal-provi effettivament disponibbli għaliha. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-figuri tal-bejgħ skambjati kellhom x’jaqsmu mal-kumpanniji kollha fil-Grupp Knauf li huma attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs jikkostitwixxi prova addizzjonali li tista’ tindika li dawn il-kumpanniji aġixxew bħala unità ekonomika b’interess komuni. Għall-kuntrarju tal-allegazzjoni tal-appellanti fil-punt 68 iktar ’il fuq, ma hemmx għalfejn li tali skambju għandu juri xi rabta strutturali formali bejn il-kumpanniji inkwistjoni.

90.      Fil-punt 347 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-appellanti, fir-risposta tagħha tad-19 ta’ Settembru 2002 għal talba għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, mhux biss indikat il-fatturat tagħha, kif intalbet tagħmel mill-Kummissjoni, imma anki ppreżentat b’mod volontarju u mingħajr ma ntalbet tagħmel dan, inter alia, il-fatturat tal-kumpanniji kollha fil-Grupp Knauf. Nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali trattat ġustament dan il-fatt bħala prova addizzjonali li l-kumpanniji li jappartjenu lill-familja Knauf jikkostitwixxu unità ekonomika b’interessi komuni. Ma naħsibx li l-affermazzjoni tal-appellanti, li hija bagħtet l-informazzjoni inkwistjoni sabiex tevita li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-iżvelar ma kienx sodisfaċenti, hija konvinċenti (59). L-informazzjoni inkwistjoni ntbagħtet fid-19 ta’ Settembru 2002, iktar minn sena wara li l-Kummissjoni kienet indirizzat speċifikament id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, inter alia, lill-appellanti (60) fit-18 ta’ April 2001. Meta jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivokabbli l-persuna ġurdika li fuqha jistgħu jiġu imposti l-multi u għandha tkun indirizzata lil din il-persuna (61), l-appellanti, meta bagħtet il-figuri tal-fatturat inkwisjoni fid-19 ta’ Settembru 2002 kienet taf sew li multa tista’ tiġi imposta fuqha iktar milli fuq il-kumpanniji l-oħra fil-Grupp Knauf (62). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG kienet biss kumpannija holding mingħajr persunal li kienet amministrata mill-istess amministrazzjoni bħall-appellanti, fl-istess uffiċċji tal-appellanti (63). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 349 tas-sentenza appellata, iċċitat in extensio l-Artikolu 1 tal-kuntratt tal-familja Knauf li jipprova jiżgura, inter alia, li l-kumpanniji fil-Grupp Knauf ikunu taħt amministrazzjoni waħda b’fini wieħed (64)

91.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-appellanti naqset milli tipprova li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-kumpanniji li jappartjenu lill-familja Knauf jikkostitwixxu unità ekonomika.

92.      Rigward l-impożizzjoni tal-multa fuq l-appellanti, hija ġurisprudenza stabbilita li l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi attribwit lil impriża oħra fejn ma tkunx iddeċidiet b’mod indipendenti rigward l-aġir tagħha fuq is-suq imma tkun wettqet, f’kull aspett materjali, l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minn din l-impriża l-oħra, fejn jiġu kkunsidrati b’mod partikolari r-rabtiet ekonomiċi u legali ta’ bejniethom (65).

93.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, mill-kawża Aristrain vs Il-Kummissjoni jista’ jiġi dedott li f’ċerti ċirkustanzi kumpannija tista’ tiġi akkużata bl-atti kollha ta’ grupp anki jekk din il-kumpannija ma tkunx ġiet identifikata bħala l-persuna ġuridika li tkun qed tmexxi dan il-grupp u li jkollha r-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-grupp (66).

94.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li Knauf Gips KG kienet responsabbli mill-azzjonijiet tal-Grupp Knauf fuq il-bażi ta’ numru ta’ fatturi (67).

95.      Bħala parti integrali mir-raġunament tagħha dwar din il-kwistjoni, fil-punt 359 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur kien jikkonċerna lill-Grupp Knauf kollu. Barra minn hekk, skont din il-qorti, l-appellanti missha indunat mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kien probabbli li kienet ser tkun id-destinatarja tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Minkejja dan il-fatt, l-appellanti rrispondiet lill-Kummissjoni mingħajr ma kkontestat ir-rwol tagħha bħala l-kumpannija responsabbli mill-azzjonijiet tal-grupp matul il-ksur. Il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ċċitat is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (68), iddikjarat li f’sitwazzjoni bħal din, l-oneru kien fuq l-appellanti biex tirreaġixxi matul il-proċedura amministrattiva, jew tkun iffaċċjata bil-prospettiva li ma tkunx tista’ tagħmel dan iktar, billi tipprova li, minkejja l-fatturi invokati mill-Kummissjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala responsabbli mill-ksur imwettaq mill-Grupp Knauf (69).

96.      Nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li jekk l-appellanti ma rreaġixxietx matul il-proċedura amministrattiva hija kienet ser titlef id-dritt li tagħmel dan quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tiegħi, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali li l-appellanti attivament qarrqet lill-Kummissjoni jew naqset milli taġixxi in bona fide matul il-proċedura amministrattiva rigward ir-rwol tagħha fil-Grupp Knauf, is-sempliċi nuqqas tal-appellanti li matul dik il-proċedura tikkontesta pożizzjoni partikolari adottata mill-Kummissjoni, u b’mod iktar speċifiku, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jistax jillimita d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u jċaħħadha minn aċċess sħiħ għall-ġustizzja.

97.      Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn ġie konkluż li Knauf Gips KG kienet responsabbli mill-azzjonijiet tal-Grupp Knauf u sa fejn ċaħdet il-motiv ta’ Knauf Gips KG ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

98.      Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tiddeċidiha.

99.      F’din il-kawża, nikkunsidra li l-istat tal-proċeduri huwa tali li jippermetti deċiżjoni definittiva dwar il-kwistjoni. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti s-sentenza definittiva dwar it-talba tal-appellanti biex il-multa li ġiet imposta fuqha mid-deċiżjoni kkontestata titnaqqas.

100. Għandu jkun innotat li, minbarra l-konstatazzjonijiet tagħha fil-punti 359 u 360 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 356 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienet l-unika kumpannija attiva fis-suq rilevanti li ma kinitx amministrata mill-kumpannija holding Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG (70). Fil-fehma tiegħi, dan il-fatt biss ma jispjegax għaliex il-multa kienet imposta fuq l-appellanti.

101. Madankollu, il-Qorti Ġenerali preċedentement kienet ikkonstatat, fil-punt 348 tas-sentenza appellata, li Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG kienet biss kumpannija holding mingħajr persunal, li kienet amministrata mill-istess amministrazzjoni bħall-appellanti, fl-uffiċċji tal-appellanti. Dawn il-fatti jistgħu juru, fil-fehma tiegħi, li filwaqt li ż-żewġ kumpanniji huma legalment distinti, l-appellanti fil-fatt hija materjalment responsabbli mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpannija holding Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG u għalhekk tal-kumpanniji l-oħra fil-Grupp Knauf li din tal-aħħar hija l-proprjetarja tagħhom.

102. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll, fil-punt 357 tas-sentenza appellata, li l-parti l-kbira tad-dokumenti li ġejjin mingħand il-Grupp Knauf, li sabet il-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni tagħha, kienu fuq karti intestati tal-appellanti. Jidher ċar mill-kawża Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (71) li fil-kuntest ta’ investigazzjoni rigward akkordju, il-provi li jinsabu mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha normalment ikunu biss frammentarji u ftit u ta’ spiss ikun hemm il-ħtieġa li ċerti dettalji jiġu rikostitwiti permezz ta’ deduzzjonijiet. Nikkunsidra li tali provi bil-miktub, minkejja l-fatt li, kif allegat l-appellanti, dawn jistgħu jkunu biss sezzjoni trasversali tad-dokumenti li tabilħaqq kienu disponibbli matul l-investigazzjoni, huma prova ferm konvinċenti tar-rwol ta’ koordinatriċi jew prinċipali li kellha l-appellanti fir-rigward tal-attivitajiet operattivi tal-Grupp Knauf fil-kuntest tal-ksur.

103. Fil-fehma tiegħi, il-konstatazzjoni fil-punt 358 tas-sentenza appellata li l-appellanti kienet l-unika interlokutriċi mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva ma hijiex, kif allegat l-appellanti, legalment konklużiva per se. Madankollu, tista’ tindika li l-appellanti għandha rwol prinċipali fil-Grupp Knauf fil-kuntest tal-ksur (72), fatt li huwa wkoll ikkorraborat, fil-fehma tiegħi, mill-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 347 tas-sentenza appellata dwar il-komunikazzjoni volontarja mill-appellanti tal-figuri tal-fatturat tal-kumpanniji kollha fil-Grupp Knauf.

104. L-appellanti tallega li l-pożizzjoni tagħha bħala l-unika interlokutriċi tirriżulta mill-fatt li fl-ittra li kienet takkumpanja d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tad-19 ta’ April 2001, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura formali biss fil-konfront tal-appellanti minkejja l-fatt li saru xi spezzjonijiet f’kumpanniji oħrajn. Fil-fehma tiegħi, din l-allegazzjoni mhix kredibbli meta jiġi kkunsidrat li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li nkitbet għan-nom tagħha, l-appellanti fil-fatt semmiet mhux biss l-aġir u s-sitwazzjoni tagħha imma anki, u f’diversi okkażżjonijiet, l-aġir tal-Grupp Knauf u ta’ kumpanniji oħrajn fil-Grupp Knauf. Barra minn hekk, kif allegat il-Kummissjoni, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li r-riferiment fil-punt 358 tas-sentenza appellata għall-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni huwa limitat għall-investigazzjoni li segwiet in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ma jkoprix il-proċedura li saret qabel din in-notifika.

105. Minħabba l-fatti li jissemmew fil-punti 100 sa 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonkludi li l-Kummissjoni ma għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li Knauf Gips KG kienet il-kumpannija responsabbli mill-koordinazzjoni tal-Grupp Knauf fil-kuntest tal-ksur. Għaldaqstant, minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv imressaq minn Knauf Gips KG insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali rigward il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fil-fehma tiegħi, huwa infondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

VIII – Fuq l-ispejjeż

106. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Rigward l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza li wasslu għas-sentenza appellata, fil-fehma tiegħi, dawn għandhom jiġu imposti bil-mod kif ġie deċiż fil-paragrafu 2 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza.

IX – Konklużjoni

107. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        Tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips KG vs Il-Kummissjoni (T‑52/03) sa fejn din il-qorti ddeċidiet li Knauf Gips KG kienet responsabbli mill-azzjonijiet tal-Grupp Knauf u sa fejn ċaħdet il-motiv tagħha bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat;

–        Tiċħad il-kumplament tal-appell;

–        Tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Knauf Gips KG quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sa fejn huwa bbażat fuq motiv li jallega l-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17;

–        Tikkundanna lil Knauf Gips KG tbati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri. L-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza li wasslu għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jissemmew fil-paragrafu 1 tad-dispożittiv ta’ dawn il-konklużjonijiet għandhom jiġu imposti bil-mod kif ġie stabbilit fil-paragrafu 2 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Knauf Gips vs Il-Kummissjoni.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3-10.


4 – ĠU L 166, p. 8. Ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.


5 – Fin-nota ta’qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li “Knauf” tfisser il-kumpanniji kollha fil-Grupp Knauf.


6 – Ara l-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata.


7 – Ara l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.


8 –      Ċitazzjonijiet interni mhux inklużi.


9 – Ara l-punti 45 sa 47 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.


10 – Ara l-punti 50 et seq.


11 – Ara l-punt 63 tas-sentenza appellata.


12 – Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123).


13 – Ara, f’dan ir-rigward, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni (C‑137/95 P, Ġabra p. I‑1611, punt 47); u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑362/95 P, Ġabra p. I‑4775, punt 23); u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 106).


14 – Ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 71 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


16 – Ara l-punti 67 sa 78 tas-sentenza appellata.


17 – Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 74 sa 76).


18 – Ara l-punt 78 tas-sentenza appellata.


19 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 81).


20 – Ara l-punti 70 sa 77 tas-sentenza appellata.


21 – iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


22 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 37). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 101 sa 106 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), iddikjarat li fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mid-deċiżjoni biex tintemm proċedura amministrattiva, għandha tkun din il-qorti li tordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u li tagħmel arranġamenti għal aċċess sħiħ għall-fajl, sabiex ikun deċiż jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela jew tikkomunika dokument jistax ikun ta’ detriment għad-difiża tal-impriża kkonċernata. Peress li dan l-eżami huwa limitat għal stħarriġ ġudizzjarju tal-motivi, la għandu l-għan u lanqas l-effett li jissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-każ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. Huwa stabbilit li żvelar tardiv ta’ dokumenti fil-fajl ma jqiegħedx lill-impriża li tkun ippreżentat rikors mid-deċiżjoni tal-Kummisjoni lura fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku setgħet tinvoka dawn id-dokumenti meta ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha lill-Kummissjoni. Meta jiġu kkunsidrati kemm il-fini kif ukoll il-firxa differenti tal-għotja ta’ aċċess għall-fajl quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Kummissjoni, ma nikkunsidrax li n-nuqqas li jiġu eżawriti r-rimedji kollha matul il-proċedura amministrattiva għandu jipprekludi lill-appellanti milli tqajjem il-kwistjoni taċ-ċaħda ta’ aċċess quddiem il-qrati Komunitarji.


23 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti AG vs Il-Kummissjoni (T‑30/89, Ġabra p. II‑1439, punt 38). Barra minn hekk, fil-każ li allegazzjoni ta’ rikorrent rigward in-natura li tiskaġuna ta’ dokumenti mhux żvelati kellha tirnexxi u jiġi stabbiliti li din il-parti naqset milli tagħmel użu minn rimedju waqt il-proċedura amministrattiva li kellha tabilħaqq aċċess għalih, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra kwalunkwe aġir dilatorju minn din il-parti jekk ikun stabbilit, meta jingħataw l-ispejjeż skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprovdi, inter alia, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkkundanna lil parti, anki jekk tirbaħ il-kawża, għall-ispejjeż li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din il-parti wasslet lill-parti opposta biex tbati b’mod irraġjonevoli jew vessatorju.


24 – Sentenza tat-22 ta’ April 1999, Kernkraftwerke Lippe-Ems vs Il‑Kummissjoni (C‑161/97 P, Ġabra p. I‑2057, punt 58).


25 – Fir-rikors tagħha fil-Kawża T‑52/03 u fid-dokument separat ippreparat minn Knauf Gips KG fis-7 ta’ Lulju 2006. Ara r-riferiment għad-dokument inkwistjoni fil-punt 68 tas-sentenza appellata.


26 – Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 74 sa 76.


27 – U li teżiġi li din l-impriża turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument li ma kienx ikkomunikat lil din l-impriża u li invokatu l-Kummissjoni biex tiġbed konklużjoni ta’ ksur kontra tagħha kellu ma jiġix ikkunsidrat bħala prova.


28 – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 330).


29 – Ibidem, punt 331).


30 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


31 – Ara l-punt 307 tas-sentenza appellata.


32 – Ara l-punt 309 tas-sentenza appellata; kawża ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


33 – Ara l-punt 321 tas-sentenza appellata.


34 – Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000 (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925).


35 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni (T‑66/99, Ġabra p. II‑5515).


36 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002 (T‑9/99, Ġabra p. II‑1487).


37 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995 (T‑145/89, Ġabra p. II‑987).


38 – Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003 (C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005).


39 – iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.


40 – Idem.


41 – Idem.


42 – iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.


43 – Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425).


44 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.


45 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummisjoni (C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra p. I‑10193, punt 58); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191), punt 52).


46 – Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 54 u 55).


47 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.


48 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.


49 – Tabilħaqq jidher ċar mill-formulazzjoni tal-punt 343 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċċitat is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni bħala eżempju.


50 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 107.


51 – Ibidem.


52 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.


53 – It-termini “sempliċi fatt” u “per se” huma kruċjali biex tinftiehem l-importanza tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.


54 – Idem, punt 99.


55 – Ara l-punt 342 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza stess ikkonfermat li filwaqt li s-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali separati jkun f’idejn l-istess persuna jew l-istess familja mhux suffiċjenti, jista’ jiġi kkunsidrat li jkun hemm unità ekonomika fuq il-bażi ta’ numru ta’ elementi.


56 – Ara l-punt 65 iktar ’il fuq.


57 – Ara l-punt 344 tas-sentenza appellata.


58 – Ara l-punt 345 tas-sentenza appellata.


59 – Barra minn hekk, hija pjuttost tikkontradixxi l-osservazzjonijiet tal-appellanti rigward il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 358 tas-sentenza appellata, u li mhix ikkontestata mill-appellanti, jiġifieri li tal-aħħar kienet l-unika interlokutriċi mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.


60 – L-ebda kumpannija oħra fil-Grupp Knauf ma kienet id-destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għalkemm jidher ċar li l-ksur imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien jikkonċerna lill-Grupp Knauf.


61 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punti 143 u 146); u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni (C‑176/99 P Ġabra p. I‑10687, punt 21).


62 – Ara l-allegazzjonijiet tal-appellanti fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq.


63 – Ara l-punt 348 tas-sentenza appellata.


64 – Artikolu 1 intitolat “L-għan tal-kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprovdi: “1. L-għan ta’ dan il-kuntratt huwa li jżomm lill-kumpanniji Knauf bħala kumpanniji tal-familja. 2. L-għan ta’dan il-kuntratt huwa li jiżgura amministrazzjoni unika tal-kumpanniji Knauf. 3. L-għan ta’ dan il-kuntratt huwa li jiggarantixxi eżerċizzju uniku kkonċentrat tad-drittijiet fil-kumpanniji Knauf kollha. 4. L-għan ta’dan il-kuntratt huwa li jkun żgurat li d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-amministrazzjoni, għall-organizzazzjoni u għall-forma legali tal-kumpannija jkomplu jkunu possibbli u ma jkunux jistgħu jiġu mfixkla minn azzjonist wieħed jew minn numru żgħir tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda).


65 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni (C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27).


66 – Ara l-punti 98 u 99 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38). F’din il-kawża ma kienx possibbli li tiġi identifikata r-responsabbiltà minħabba nuqqas ta’ provi.


67 – Ara l-punti 354 sa 361 tas-sentenza appellata.


68 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, (T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 88).


69 – Ara l-punt 360 tas-sentenza appellata.


70 – Dan il-fatt mhux ikkontestat.


71 – Ara l-punti 55 sa 57 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12).


72 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Azco Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 50.