Language of document : ECLI:EU:C:2018:835

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Ottubru 2018 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 8(1) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Kunċett ta’ residenza abitwali tal-wild – Rekwiżit ta’ preżenza fiżika – Żamma tal-omm u tal-wild f’pajjiż terz kontra r-rieda tal-omm – Ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm u tal-wild”

Fil-Kawża C-393/18 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

UD

vs

XB

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot, E. Regan (Relatur), C.G. Fernlund, u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas-6 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2018, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2018 tal-Ewwel Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal UD, minn C. Hames, QC, B. Jubb, barrister, kif ukoll minn J. Patel u M. Hussain, solicitors,

–        għal XB, minn T. Gupta, QC, u J. Renton, barrister, kif ukoll minn J. Stebbing, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn M. Gration, barrister,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u A. Kasalická, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 243).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn UD, omm ta’ wild li twieled fil-Bangladexx fit-2 ta’ Frar 2017 (iktar’ il quddiem il- “wild”) u XB, il-missier ta’ dan il-wild, dwar talbiet magħmula minn UD intiżi biex jiġu ordnati, minn naħa, it-tqegħid tal-wild taħt il-protezzjoni tal-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, ir-ritorn mal-wild fir-Renju Unit għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 1 u 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(1) [L-Unjoni] Ewrope[a] iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Għal din il-għan, [l-Unjoni] għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji għat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.

[…]

(12) Ir-raġunijiet [regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza tal-minuri jew skont ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jindika l-kwistjonijiet ċivili li għalihom għandu japplika dan ir-regolament u dawk fejn ma għandux japplika.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

4)      il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]”

6        Il-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, jinkludi, fit-Taqsima 2, intitolata “Ir-Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, l-Artikolu 8, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita].”

7        Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il‑Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri”, jistipula:

“1.      Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skond is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, ta’ l-minuri.”

[…]”.

8        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il‑Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri” jipprovdi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor […]”

9        L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom estensjoni tal-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament hija possibbli.

10      L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ibbażata fuq il-preżenza ta’ l-minuri”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi ta’ l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.”

11      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il‑Ġurisdizzjoni residwa” huwa fformulat kif ġej:

“Fejn ebda qorti ta’ xi Stat Membru għandha l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 13, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata, f’kull Stat Membru, mil-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

12      L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)      twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b) titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.”

13      L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-Rikonoxximent ta’ sentenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-omm tal-wild (iktar ‘il quddiem l- “omm”), hija ċittadina tal-Bangladexx li żżewġet fl-2013, fil-Bangladexx, mal-konvenut fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Brittanika, li huwa missier il-wild (iktar ‘il quddiem il-“missier”).

15      Fix-xahar ta’ Ġunju jew fix-xahar ta’ Lulju 2016, l-omm stabbilixxiet ruħha fir-Renju Unit biex tgħix hemmhekk mal-missier. Hija bbenefikat minn viża għal konjuġi barrani maħruġ mill-United Kingdom Home Office (il-Ministeru tal-Intern tar-Renju Unit), validu mill-1 ta’ Lulju 2016 sal-1 ta’ April 2019.

16      Fix-xahar ta’ Diċembru 2016, il-missier u l-omm żaru l-Bangladexx. L‑omm kienet fi stat avvanzat ta’ tqala. Fit-2 ta’ Frar 2017, il-wild twieled fil-Bangladexx. Hija baqgħet hemm minn dak iż-żmien u għalhekk qatt ma għexet fir-Renju Unit.

17      Fix-xahar ta’ Jannar 2018, il-missier mar lura fir-Renju Unit mingħajr l-omm.

18      Fl-20 ta’ Marzu 2018, l-omm ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li l-wild jitqiegħed taħt il-protezzjoni ta’ din il-qorti u li jiġi ordnat ir-ritorn tagħha kif ukoll tal-wild fir-Renju Unit sabiex ikunu parti fil-proċedura quddiem l-imsemmija qorti. L-omm issostni li din il-qorti għandha l-ġurisdizzjoni sabiex taqta’ l-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, l-omm issostni, b’mod partikolari, li, fid-data li fiha hija adixxiet il-qorti tar-rinviju, il-wild kien jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit. Min-naħa tiegħu, il-missier jikkontesta l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti sabiex tagħti kwalunkwe deċiżjoni fir-rigward tal-wild.

19      Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li hija ma għamlet ebda konstatazzjoni tal-fatti fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, peress li hija tqis neċessarju li taqta’, preliminarjament, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha biex tagħti deċiżjoni fir-rigward tal-wild. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, l-imsemmija qorti hija tal-fehma li hija għandha tevalwa, l-ewwel nett, jekk il-wild għandux ir-residenza abitwali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, fir-Renju Unit. Huwa biss ulterjorment, jekk dan ikun il-każ, li din l-istess qorti jkollha teżamina jekk tiddisponix minn element ieħor ta’ ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kawża prinċipali.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, li jinsab fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, tqajjem kwistjonijiet li għadhom ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dik li jsir magħruf jekk il-preżenza fiżika tikkostitwixxix element kostituttiv ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, il-kostrizzjoni allegatament eżerċitata mill-missier fuq l-omm kellha l-konsegwenza li hija welldet f’pajjiż terz. L-imġiba tal-missier f’dan ir-rigward aktarx li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-omm jew tal-wild. Il-pożizzjoni invokata għalhekk tqajjem il-kwistjoni sussidjarja tal-impatt, fuq l-imsemmi kunċett, taċ-ċirkustanzi li fihom il-wild ikkonċernat twieled fi Stat terz, b’mod partikolari ż-żamma illegali, permezz tal-kostrizzjoni, tal-omm mill-missier f’dan l-Istat, filwaqt li d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhom ebda intenzjoni komuni ta’ residenza f’dan l-Istat.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-preżenza fiżika ta’ wild fi Stat tikkostitwixxi element essenzjali tar-residenza abitwali fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003?

2)      F’sitwazzjoni fejn iż-żewġ ġenituri għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-fatt li l-omm ġiet imqarrqa sabiex tmur fi Stat ieħor u sussegwentement inżammet illegalment hemmhekk mill-missier, permezz ta’ koerċizzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe att illegali ieħor, sabiex b’hekk l-omm tkun imgiegħla twelled tarbija f’dan l-Istat, jaffettwa jew le r-risposta għall-ewwel domanda f’ċirkustanzi li fihom seta’ kien hemm ksur tad-[drittijiet] tal-omm jew tal-wild, skont l-Artikoli 3 u 5 tal-[Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jew b’xi mod ieħor]?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

22      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti rrilevat li l-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda wild ta’ età żgħira ħafna, tal-età ta’ sena u xahrejn fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, u li kwalunkwe dewmien fil-progress ta’ din il-proċedura jkun ta’ ħsara għall-aħjar interessi ta’ dan il-wild.

24      Il-Qorti tar-rinviju indikat, barra minn hekk, li, skont l-allegazzjonijiet tal-omm, li qed jiġu kkontestati mill-missier, l-omm bħalissa qed tinżamm illegalment, bil-kostrizzjoni tal-missier, f’villaġġ fil-Bangladexx, mingħajr gass, elettriku, jew ilma tax-xorb u mingħajr ebda dħul, fi ħdan komunità li tistigmatizzaha minħabba s-separazzjoni tagħha mill-missier. Din il-qorti tispjega li, fil-każ fejn il-ġurisdizzjoni tagħha tiġi stabbilita u li d-drittijiet tal-omm u tat-tfal ikunu ġew miksura mill-missier, ikun l-obbligu tagħha li taġixxi malajr kemm jista’ jkun, jekk ikun il-każ billi tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi tal-wild.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 li ġie adottat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, illum l-Artikolu 67 TFUE, li jinsab fit-Titolu V tal-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, b’mod li l-imsemmi rinviju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ddefinita fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 34; tad-9 ta’ Jannar 2015, RG, C‑498/14 PPU, EU:C:2015:3, punt 36, u tad-19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 31).

26      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju dwar l-urġenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-każ fejn il-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier fuq l-omm tiġi stabbilita, il-benesseri attwali tal-wild tkun ferm kompromessa. F’dan il-każ, kwalunkwe dewmien fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tal-wild itawwal is-sitwazzjoni attwali u b’hekk jippreġudika serjament, saħansitra b’mod irreparabbli, l-iżvilupp ta’ dan il-wild. Fil-każ ta’ ritorn eventwali fir-Renju Unit, dan id-dewmien jista’ jkun ta’ dannu wkoll għall-integrazzjoni tal-wild fl-ambjent familjari u soċjali ġdid tiegħu.

27      Barra minn hekk, il-kawża prinċipali tirrigwarda wild li l-età żgħira tiegħu tagħmel l-iżvilupp tiegħu partikolarment diffiċli.

28      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-5 ta’ Lulju 2018, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Għalkemm il-Gvern tar-Renju Unit iqajjem formalment l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tiegħu li dan il-gvern jikkontesta, fir-realtà, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, peress li din il-kawża tikkonċerna kunflitt potenzjali ta’ ġurisdizzjoni bejn Stat Membru, f’dan il-każ ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u Stat terz, jiġifieri r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx.

30      B’mod partikolari, dan il-gvern isostni li, fid-dawl tal-Artikolu 61(ċ) u tal-Artikolu 67(1) KE, li abbażi tagħhom ġie adottat ir-Regolament Nru 2201/2003, dan ir-regolament japplika biss għal sitwazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni. F’sitwazzjonijiet transkonfinali li jinvolvu Stat Membru u Stat terz, bħalma hija s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun applikabbli d-dritt nazzjonali.

31      F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jispeċifika liema huma l-materji ċivili li għalihom japplika dak ir-Regolament u liema huma dawk li għalihom ma japplikax, mingħajr ma jagħmel riferiment għal xi limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi regolament.

32      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 stess, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar wild li jkun abitwalment jirrisjedi f’dan l-Istat Membru fil-mument li l-qorti tkun ġiet adita. B’hekk, ma hemm xejn fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li jindika li l-applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija suġġetta għall-kundizzjoni ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika li tinvolvi bosta Stati Membri.

33      Minn dan isegwi, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 u 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, bil-kontra ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni, bħalma huma l-Artikoli 9, 10 u 15 tiegħu, li l-kliem tagħhom jimplikaw neċessarjament li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi minn kunflitt potenzjali ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati ta’ diversi Stati Membri, ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss tilwim dwar tali kunflitti.

34      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa distint wkoll mir-regoli fil-qasam tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni previsti minn dan ir-regolament.

35      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija manifestament ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domandi preliminari dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju mogħtija fi Stat terz u kienet osservat, b’mod partikolari, li, skont il-punt 4 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan ir-Regolament huwa llimitat għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru (digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni, C-281/15, EU:C:2016:343, punti 21, 22 u 33).

36      Issa, bil-kontra tar-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji previsti mir-Regolament Nru 2201/2003, dan ir-regolament ma jipprevedix, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, dispożizzjoni li tillimita espressament il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-regoli kollha dwar il-ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi regolament.

37      Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-premessa 1 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament ifittex li jikkontribwixxi għall-għan tal-Unjoni li jinħoloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fi ħdanu jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għal dan il-għan, l-Unjoni tadotta, b’mod partikolari, dawk il-miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

38      Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 61(ċ) KE, li jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet legali tar-Regolament Nru 2201/2003, u tal-Artikolu 65 KE, li saru, rispettivament, l-Artikolu 67(3) u l-Artikolu 81 TFUE, l-Unjoni għandha tadotta miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, u sa fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

39      Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni, essenzjalment, il-Gvern tar-Renju Unit, tali kunsiderazzjonijiet ma għandhomx bħala konsegwenza li r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha titqies li tapplika biss għall-każijiet li jinvolvu relazzjonijiet bejn qrati ta’ Stati Membri.

40      B’mod partikolari, ir-regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 2201/2003 ma humiex intiżi li jkunu applikabbli biss għal sitwazzjonijiet li jirrigwardaw rabta effettiva u suffiċjenti mal-funzjonament tas-suq intern, li jimplika, fih innifsu, bosta Stati Membri. Fil-fatt, l-unifikazzjoni fiha nnifisha tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, operat f’dan ir-regolament, ċertament għandha bħala għan l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern li jistgħu joriġinaw min-nuqqas ta’ konformità bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C-281/02, EU:C:2005:120, punt 34).

41      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tapplika għal tilwimiet li jinvolvu relazzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat Membru wieħed u dawk ta’ pajjiż terz, u mhux biss għar-relazzjonijiet bejn qrati ta’ bosta Stati Membri.

42      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq il-mertu

43      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li wild għandu jkun fiżikament preżenti fi Stat Membru sabiex ikun jista’ jitqies li huwa abitwalment residenti f’dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li huma stabbiliti, jiġifieri, minn naħa, il-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier fuq l-omm, bil-konsegwenza li l-omm twelled it-tarbija tagħhom fi Stat terz u li tirrisjedi hemm ma’ dan il-wild mit-twelid tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm jew tal-wild, għandhomx impatt f’dan ir-rigward.

44      Il-missier u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li r-residenza abitwali tal-wild ma tistax tinsab fi Stat Membru li fih il-wild qatt ma kien fiżikament preżenti, filwaqt li l-omm, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Ċek huma tal-fehma li ċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġġustifikaw li l-wild jitqies li huwa abitwalment residenti f’dan l-Istat.

45      Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 2201/2003 ma fih ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”. L-użu tal-aġġettiv “abitwali” jindika biss li r-residenza għandha jkollha ċerta natura ta’ stabbiltà jew ta’ regolarità (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 44).

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Il-kunċett ta’ “residenza abitwali” jintuża f’artikoli tar-Regolament Nru 2201/2003 li ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri. Għaldaqstant dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-kuntest li fih jidħlu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u tal-għan imfittex minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C-497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 46).

48      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 li din tal-aħħar tfasslet bil-għan li tissodisfa l-interess superjuri tal-wild u li, għal dan il-għan, tipprivileġġja l-kriterju ta’ prossimità. Fil-fatt, il-leġiżlatur ikkunsidra li l-qorti ġeografikament qrib tar-residenza abitwali tal-wild tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-miżuri li jkollhom jiġu adottati fl-interess tal-wild. Skont il-kliem ta’ din il-premessa, huma primarjament il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild ikollu r-residenza abitwali li għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, ħlief għal ċerti każijiet li fihom ikun hemm bidla fir-residenza tal-wild jew wara ftehim konkluż bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 jittraduċi dan il-għan billi jistabbilixxi ġurisdizzjoni ġenerali favur qrati tal-Istat Membru li fih il-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 52).

50      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, għamlitha ċara diversi drabi, sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ wild, barra mill-preżenza fiżika tiegħu fi Stat Membru, hemm fatturi oħrajn li għandhom juru li din il-preżenza ma jkollha bl-ebda mod natura temporanja jew okkażjonali (sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A, C-523/07, EU:C:2009:225, punt 38; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 49; tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C-376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 51; tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C-499/15, EU:C:2017:118, punt 60; tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C-111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 43, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 41).

51      L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-prossimità ġeografika għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri tirriżulta wkoll mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jibbaża l-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru fuq is-sempliċi preżenza tal-wild, preċiżament meta r-residenza tiegħu ma tkunx setgħet tiġi kklassifikata bħala “abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, f’ebda Stat Membru, u li din il-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tal-istess regolament.

52      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikonoxximent tar-residenza abitwali ta’ wild fi Stat Membru partikolari teżiġi, tal-inqas, li l-wild kien fiżikament preżenti f’dan l-Istat Membru (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C-499/15, EU:C:2017:118, punt 61).

53      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 45 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li preżenza fiżika fl-Istat Membru li fih il-wild ikun allegatament integrat huwa neċessarjament prerekwiżit għall-evalwazzjoni tal-istabbiltà ta’ din il-preżenza u li r-“residenza abitwali”, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, ma tistax għaldaqstant tiġi stabbilita fi Stat Membru li fih il-wild qatt ma jkun mar.

54      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-rwol li jokkupa l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 fi ħdan ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

55      Fil-fatt, fid-dawl tal-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, u hekk kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha post ċentrali fi ħdan ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mil-imsemmi regolament f’dan il-qasam.

56      B’dan il-mod, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa kkomplementat b’regoli partikolari applikabbli, b’mod partikolari meta r-residenza abitwali tal-wild, preżenti fi Stat Membru, ma tkunx tista’ tiġi stabbilita taħt l-Artikolu 12 tiegħu (Artikolu 13), meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 13 (Artikolu 14) tiegħu, jew ukoll, eċċezzjonalment u taħt ċerti kundizzjonijiet, meta l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tirrinvija l-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tqis li tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża (Artikolu 15) (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C-499/15, EU:C:2017:118, punt 56).

57      Minn dan isegwi li l-fatt li kawża mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tostakolax neċessarjament li din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża taħt titolu ieħor. B’mod partikolari, anki jekk jitqies li l-interpretazzjoni esposta fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-preżenza fiżika tal-minuri fi Stat Membru hija prerekwiżit sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali, ikollha bħala konsegwenza li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jkunx possibbli li qorti tiġi indikata li għandha ġurisdizzjoni minn Stat Membru bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, li jibqa’ possibbli għal kull Stat Membru, konformement mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tiegħu bis-saħħa tal-liġijiet nazzjonali, u b’hekk titwarrab mill-kriterju ta’ prossimità li fuqu huma bbażati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

58      Jirriżulta, barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 56 ta’ din is-sentenza u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 13(1) u mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-leġiżlatur tal-Unjoni speċifikament ippreveda, rispettivament, l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet li fihom ir-residenza abitwali ta’ wild ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, u r-rinviju lil qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ ta’ wild li ma tkunx neċessarjament dik imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, u lanqas dik imsemmija fl-Artikoli 9 sa 14 tal-imsemmi regolament.

59      Konsegwentement, la l-assenza ta’ residenza abitwali tal-wild, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, minħabba n-nuqqas ta’ preżenza fiżika ta’ dan il-wild fi Stat Membru tal-Unjoni, la l-eżistenza ta’ qrati ta’ Stat Membru li jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi ta’ dan il-wild minkejja li huwa qatt ma jkun għex f’dak l-Istat, ma jistgħu jippermettu li tiġi stabbilita r-residenza abitwali tal-wild fi Stat fejn qatt ma kien preżenti.

60      It-tieni nett, iċ-ċirkustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li huwa stabbilit, li fiha l-missier eżerċita restrizzjoni fuq l-omm, bil-konsegwenza li l-wild tagħhom twieled u qed jgħix, sa mit-twelid tiegħu, fil-Bangladexx, ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni din l-interpretazzjoni.

61      Ċertament, fl-assenza ta’ din il-kostrizzjoni, il-wild inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ twieled, skont l-intenzjoni allegata ta’ ommu, fir-Renju Unit. Issa, il-Qorti tal Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-intenzjoni tal-ġenitur responsabbli li jistabbilixxi ruħu mal-wild fi Stat Membru ieħor, espressa permezz ta’ miżuri tanġibbli, bħall-akkwist jew il-kiri ta’ proprjetà fl-Istat Membru ospitanti, tista’ tikkostitwixxi indizju ta’ trasferiment tar-residenza abitwali (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Madankollu, fl-assenza ta’ preżenza fiżika tal-wild nnifsu fl-Istat Membru kkonċernat, ma tistax tingħata importanza determinanti, għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, lil ċirkustanzi bħall-intenzjoni tal-ġenitur li effettivament ikun qed jeżerċita l-kustodja tal-wild, jew lir-residenza abitwali eventwali ta’ ġenitur wieħed jew tal-ieħor f’dan l-Istat Membru, għad-detriment ta’ kunsiderazzjonijiet ġeografiċi oġġettivi, għaliex dan imur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 60).

63      Fil-fatt, l-interpretazzjoni li tgħid li n-nuqqas ta’ preżenza fiżika tal-wild ikkonċernat fl-Istat Membru kkonċernat fih innifsu jipprekludi li jiġu kkunsidrati kunsiderazzjonijiet bħal dawk esposti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, huwa iktar konformi mal-kriterju ta’ prossimità, li huwa pprivileġġjat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, preċiżament sabiex jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C-111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 67).

64      Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-wild iggarantita mill-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4, 6 u 24 ta’ din il-karta, ma jimponux interpretazzjoni differenti minn dik esposta fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza.

65      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-aħjar interessi tal-wild ittieħed inkunsiderazzjoni matul l-abbozzar tar-Regolament Nru 2201/2003, billi l-kriterju ta’ prossimità adottat fih jirrifletti dan l-interess.

66      It-tieni nett, ir-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi diġà mekkaniżmu li jawtorizza lill-Istati Membri jħarsu l-interessi ta’ wild, anki fil-każ ta’ tilwim li ma jaqax taħt l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 8 sa 13 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 14 ta’ dan tal-aħħar jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu, b’mod residwu, jikkonferixxu l-ġurisdizzjoni lill-qrati tagħhom bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħhom.

67      F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li tali ġurisdizzjoni residwa teżisti fl-ordinament ġuridiku tar-Renju Unit fil-forma ta’ “ġurisdizzjoni parens patriae” tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru, peress li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni hija applikabbli għaċ-ċittadini Brittaniċi skont id-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali.

68      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-aħjar interess tal-wild ma jeħtieġx interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, bħal dik proposta mill-omm, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Gvern Ċek, anki f’ċirkustanzi bħal dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tali interpretazzjoni tmur lil hinn mil-limiti tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, prevista mir-Regolament Nru 2201/2003, u tar-rwol mogħti lil din id-dispożizzjoni fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, li jirregola l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri.

69      Minn dan isegwi li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la l-imġiba illegali eżerċitata minn ġenitur wieħed fuq l-ieħor, bil-konsegwenza li l-wild tagħhom ikun twieled u jirrisjedi sa minn twelidu fi Stat terz, u lanqas il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm jew tal-wild, jekk wieħed jassumi li dawn iċ-ċirkustanzi ġew stabbiliti, ma jippermettu li jitqies li l-imsemmi wild seta’ kellu r-residenza abitwali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, fi Stat Membru li fih huwa qatt ma jkun mar.

70      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li wild kellu jkun fiżikament preżenti fi Stat Membru sabiex ikun jista’ jitqies li huwa abitwalment residenti f’dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li huma stabbiliti, jiġifieri, minn naħa, il-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier fuq l-omm, bil-konsegwenza li l-omm twelled il-wild tagħhom fi Stat terz u li tgħix hemm ma’ dan il-wild mit-twelid tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm jew tal-wild, ma għandhom ebda rilevanza f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li wild kellu jkun fiżikament preżenti fi Stat Membru sabiex ikun jista’ jitqies li huwa abitwalment residenti f’dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li huma stabbiliti, jiġifieri, minn naħa, il-kostrizzjoni eżerċitata mill-missier fuq l-omm, bil-konsegwenza li l-omm twelled il-wild tagħhom fi Stat terz u li tgħix hemm ma’ dan il-wild mit-twelid tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-omm jew tal-wild, ma għandhom ebda rilevanza f’dan ir-rigward.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i L-isem li jidher fil-punt 25 ġie ssostitwit b’ittri wara talba għal anonimizzazzjoni.