Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-328/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Martin, B.-R. Killmann, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija, bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament fir-rigward tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali minħabba l-ulied mogħtija lil ħaddiema li l-ulied tagħhom jgħixu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7 u l-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 1 kif ukoll taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 2 ;

tikkonstata li barra minn hekk ir-Repubblika tal-Awstrija, bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament fir-rigward tat-tnaqqis fiskali magħruf bħala “Familienbonus Plus”, tal-kreditu fiskali għall-persuni li jkunu l-uniċi li għandhom dħul fil-familja tagħhom, tal-kreditu fiskali għal ġenituri waħedhom u tal-kreditu fiskali għal manteniment mogħtija lil ħaddiema migranti li l-ulied tagħhom jgħixu b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Awstrija tagħti lill-persuni li jaħdmu fl-Awstrija, fir-rigward tal-ulied tagħhom, u fil-forma ta’ somma f’daqqa waħda, benefiċċji tal-familja u l-benefiċċji soċjali tal-allowances tal-familja u tal-kreditu fiskali minħabba l-ulied kif ukoll it-tnaqqis fiskali magħruf bħala “Familienbonus Plus”, il-kreditu fiskali għall-persuni li jkunu l-uniċi li għandhom dħul fil-familja tagħhom, il-kreditu fiskali għal ġenituri waħedhom u l-kreditu fiskali għal manteniment. Sa mill-1 ta’ Jannar 2019, id-dispożizzjonijiet Awstrijaki jipprevedu li dawn il-benefiċċji Statali għandhom jiġu aġġustati skont il-livell ġenerali tal-prezzijiet fl-Istat Membru li fih il-wild jgħix b’mod permanenti.

L-ewwel motiv

Il-Kummissjoni ssostni li l-allowance tal-familja u l-kreditu fiskali minħabba l-ulied huma benefiċċji tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004. L-Artikolu 7 u l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament jipprojbixxu li Stat Membru jissuġġetta l-għoti jew l-ammont ta’ benefiċċji tal-familja għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja tal-ħaddiem ikunu jgħixu fl-Istat Membru li jagħti l-benefiċċji. Bl-introduzzjoni tal-aġġustament, l-Awstrija qiegħda madankollu tittratta l-benefiċċji tal-familja favur l-ulied skont l-Istat Membru li fih jgħixu l-ulied. B’hekk l-Awstrija qiegħda tikser l-Artikolu 7 u l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004.

It-tieni motiv

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-aġġustament, kif introdott mill-Awstrija, jittratta lill-persuni eliġibbli li l-ulied tagħhom jgħixu fi Stati Membri b’livell ta’ prezzijiet ogħla b’mod iktar favorevoli mill-persuni li l-ulied tagħhom jgħixu fl-Awstrija, filwaqt li jittratta b’mod inqas favorevoli lill-persuni li l-ulied tagħhom jgħixu fi Stati Membri b’livell ta’ prezzijiet iktar baxx. Madankollu, fl-okkażjoni tal-introduzzjoni tal-aġġustament, l-Awstrija kkonstatat tfaddil fil-baġit nazzjonali u dan jista’ jfisser biss li kien hemm iktar benefiċjarji ta’ tali benefiċċji u tnaqqis fiskali li l-ulied tagħhom jgħixu fi Stati Membri b’livell ta’ prezzijiet inqas minn dak fl-Awstrija.

Permezz tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament, l-Awstrija kkawżat diskriminazzjoni indiretta għad-detriment tal-ħaddiema migranti. Ma jista’ jiġi identifikat ebda għan li jiġġustifika din id-diskriminazzjoni. B’hekk, l-Awstrija qiegħda tikser, inkonnessjoni mal-allowance tal-familja u mal-kreditu fiskali minħabba l-ulied, il-prinċipju ta’ trattament ugwali kif espress fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, kif ukoll, inkonnessjoni mat-tnaqqis fiskali magħruf bħala “Familienbonus Plus”, mal-kreditu fiskali għall-persuni li jkunu l-uniċi li għandhom dħul fil-familja tagħhom, mal-kreditu fiskali għal ġenituri waħedhom u mal-kreditu fiskali għal manteniment, il-prinċipju ta’ trattament ugwali espress fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

____________

1     Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2     Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).