Language of document : ECLI:EU:F:2013:184

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

21 ta’ Novembru 2013

Kawżi magħquda F‑72/12 u F‑10/13

Josiane Roulet

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal — Ex membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 12 — Reklutaġġ bħala uffiċjal fil-grad AD 6 — Ħlas tar-remunerazzjoni ekwivalenti għal uffiċjal fil-grad AD 12 — Żball manifest — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħhom, permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta’ Lulju 2012 u rreġistrat bin-numru F‑72/12, J. Roulet titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, kif tirriżulta min-nota tal-20 ta’ Diċembru 2011, li tiġi rkuprata s-somma ta’ EUR 172 236.42 skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u, sussidjarjament, jakkordalha kumpens għad-danni mġarrba, u, permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-3 ta’ Frar 2013 u rreġistrat bin-numru F‑10/13, J. Roulet titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Marzu 2012, sa fejn tiċħad it-talba għad-danni tagħha tat-13 ta’ Jannar 2012 u jikkundanna lill-Kummissjoni tagħtiha kumpens ta’ EUR 172 236.42 jew, sussidjarjament, ta’ ammont inqas, fir-rigward tad-danni mġarrba.

Deċiżjoni:      Ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda F‑712/12 u F‑10/13 huma miċħuda. J. Roulet għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Kundizzjonijiet — Irregolarità evidenti tal-ħlas — Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens — Rikors għad-danni — Talbiet għad-danni identiċi għal dawk ta’ rikors preċedenti li kienu ddikjarati inammissibbli — Assenza ta’ lis alibi pendens

1.      Fir-rigward tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, l-espressjoni “kien tali evidenti”, li tikkwalifika n-natura irregolari tal-ħlas fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tfissirx li l-benefiċjarju tal-ammonti mħallsa indebitament huwa meħlus minn kull sforz ta’ riflessjoni jew ta’ kontroll iżda tfisser li dan il-ħlas lura jkun dovut meta jkun involut żball li uffiċjal normalment diliġenti, li huwa meqjus li jaf ir-regoli dwar is-salarju tiegħu, għandu jinduna bih. Barra minn hekk, f’kull każ partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità tal-uffiċjal ikkonċernat li jwettaq il-verifiki neċessarji. L-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward jikkonċernaw b’mod partikolari l-livell ta’ responsabbiltà tal-uffiċjal, il-grad tiegħu u l-anzjanità tiegħu.

Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-uffiċjal jew il-membru tal-personal temporanju kkonċernat ikun jista’, fl-eżerċizzju tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu, jiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li dan ikollu dubji dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet inkwistjoni sabiex ikun obbligat jippreżenta ruħu quddiem l-amministrazzjoni sabiex din tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji.

(ara l-punti 48 sa 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il‑Kummissjoni, T‑205/01, punti 46 u 47; 29 ta’ Settembru 2005, Thommes vs Il‑Kummissjoni, T‑195/03, punt 124

2.      Meta l-partijiet, is-suġġett u l-motivi f’rikors ikunu identiċi għal dawk ta’ rikors ippreżentat preċedentement, it-tieni rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Meta t-talbiet għad-danni mressqa fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat preċedentement ikunu ġew iddikjarati inammissibbli minħabba li tressqu b’mod prematur, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jitqies li eżawrixxa l-kompetenza tiegħu fir-rigward tat-talbiet għad-danni identiċi mressqa fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat sussegwentement.

(ara l-punti 86 u 87)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Settembru 2006, Vienne et vs Il-Parlament, F‑22/06, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata