Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 mill-Comune di Milano mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-167/13, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-160/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Comune di Milano (rappreżentanti: A. Mandarano, E. Barbagiovanni, S. Grassani, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fit-13 ta’ Diċmebru 2018 fil-Kawża T-167/13, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2015/1225 tad-19 ta’ Diċembru 2012 rigward l-injezzjonijiet ta’ kapital minn SEA SpA f’SEA Handling SpA [Każ SA.21420 (C14/10) (ex NN25/10)];

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji T-167/13 R.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-Komun ta’ Milano (Comune di Milano) kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hawn fuq imsemmija.

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Komun ta’ Milano jressaq erba’ aggravji, ilkoll ibbażati fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 107 TFUE u fuq l-assenza, fil-każ ineżami, ta’ miżuri li jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Komun ta’ Milano, minn naħa, jikkontesta li l-allegati miżuri ta’ għajnuna jagħmlu użu minn “riżorsi statali”, u, min-naħa l-oħra, isostni l-inkompatibbiltà tat-“test” ta’ imputabbiltà elaborat mill-Qorti Ġenerali bil-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza Komunitarja.

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Komun ta’ Milano jsostni l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji fil-qasam tal-prova tal-imputabbiltà, mill-perspettiva kemm tal-inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-prova kif ukoll tal-assenza ta’ prova fis-sens “diakroniku”.

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Komun ta’ Milano jinvoka l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-indizji mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegata imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Komun ta’ Milano.

Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, il-Komun ta’ Milano jikkontesta, f’diversi aspetti, l-evalwazzjonijiet kollha tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kriterju ta’ investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq (imsejjaħ “MEIP”) u l-konklużjonijiet proposti f’dan ir-rigward fis-sentenza.

____________