Language of document : ECLI:EU:F:2011:67

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

26 ta’ Mejju 2011

Kawża F-40/10

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Leave annwali — Assenza wara li ntemm il-leave annwali u mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel — Telf tal-benefiċċju tar-remunerazzjoni — Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106 a tiegħu, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur ġenerali ta’ Eurostat, tal-11 ta’ Awwissu 2009, li telfitlu l-benefiċċju tar-remunerazzjoni tiegħu għal ħamest ijiem u nofs, minħabba assenzi (li jikkorrispondu għal dan in-numru ta’ ġranet) li seħħew wara li ntemm il-leave annwali tiegħu u mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur dirett tiegħu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Leave — Leave annwali — Leave li jkollu bilanċ negattiv — Neċessità ta’ talba għal awtorizzazzjoni minn qabel — Uffiċjal fuq kollokament 50 % bħala rappreżentant sindakali — Assenza ta’ rilevanza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 60)

2.      Uffiċjali — Leave — Leave annwali — Sistema implementata mill-Kummissjoni — Leave b’bilanċ negattiv — Talba għal awtorizzazzjoni minn qabel — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 60)

3.      Uffiċjali — Assenza irregolari — Regolarizzazzjoni posterjuri — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 60)

4.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

5.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni li tidħol fil-kuntest ta’ fastidju psikoloġiku — Ħtieġa ta’ rabta bejn il-fastidju u d-deċiżjoni kkontestata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12(3))

1.       Mill-kliem tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li leave annwali li jkollu bilanċ negattiv jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tas-superjur dirett tal-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, uffiċjal li ma jkunx kiseb tali awtorizzazzjoni ma jistax jinvoka l-fatt li huwa ma jaħdimx de facto għad-dipartiment tiegħu minħabba li huwa kkollokat 50 % bħala rappreżentant sindakali.

Abbażi tal-prinċipju li jgħid li l-ksur ma jistax ikun ta’ benefiċċju għall-persuna li twettaq il-ksur, l-assenzi irregolari tal-uffiċjali matul il-bqija tal-50 % ma jistgħux jeżentawh mill-osservanza tar-regoli dwar il-leave. Għalhekk, meta jonqos milli jivverifika minn qabel jekk it-talba għal leave ġietx aċċettata, l-uffiċjal ikun f’sitwazzjoni ta’ assenza irregolari fid-dawl tal-kundizzjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tas-superjur dirett tiegħu.

(ara l-punti 26 u 30)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 16 ta’ Diċembru 2010, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑364/09 P, u Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑52/10 P; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 7 ta’ Lulju 2009, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑39/08; 30 ta’ Novembru 2009, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑54/09

2.      Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-leave adottati mill-Kummissjoni, leave annwali li jkollu bilanċ negattiv jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tas-superjur dirett tal-persuna kkonċernata, liema awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss b’mod eċċezzjonali u abbażi ta’ talba motivata. Peress li din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata qabel il-leave tal-persuna kkonċernata, l-istess għandu neċessarjament japplika għall-motivazzjoni li abbażi tagħha is-superjur dirett għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba. Għalhekk, talba ma tistax titqies li hija motivata meta l-ispjegazzjonijiet jingħataw b’mod posterjuri u ma jkunux jinsabu għad-dispożizzjoni tas-superjur dirett fil-mument meta dan jiddeċiedi li ma jilqax it-talba għal leave. Konsegwentement, ma jistax jitressaq ilment talli s-superjur dirett ma laqax tali talba.

Barra minn hekk, il-fatt li l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa tingħata biss b’mod eċċezzjonali u taħt ir-responsabbiltà tas-superjur dirett tal-persuna kkonċernata neċessarjament jimplika li l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward, li hija teżerċita abbażi tas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tagħha.

(ara l-punti 26, 31 u 32)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 7 ta’ Lulju 2009, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑39/08, punt 55; 30 ta’ Novembru 2009, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑54/09, punt 48

3.      Dikjarazzjonijiet tardivi li jiċċertifikaw il-preżenza tal-uffiċjal fir-rappreżentanza sindakali jew tal-persunal ma jistgħux jippermettu li l-assenzi irregolari tiegħu jiġu vvalidati b’mod posterjuri, peress li tali validazzjoni hija possibbli biss fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident, skont l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, anki fil-preżenza ta’ dikjarazzjonijiet ex post, l-amministrazzjoni kompetenti għandha jkollha l-possibbiltà li żżomm ċertu dritt ta’ kontroll u li tevalwa l-fondatezza ta’ regolarizzazzjoni posterjuri tal-assenza meqjusa bħala irregolari.

(ara l-punt 32)

4.      Eventwali nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, adottata kontra uffiċjal, jista’ jiġi rrimedjat permezz ta’ motivazzjoni xierqa pprovduta fl-istadju tar-risposta għall-ilment, fejn din l-aħħar motivazzjoni titqies li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontra tagħha jkun ġie dirett l-ilment.

(ara l-punt 38)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni, T‑221/02, punt 62; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 7 ta’ Novembru 2007, Hinderyckx vs Il‑Kunsill, F‑57/06, punt 25

5.      Għalhekk, ma huwiex għaliex tkun ipprovata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku subit minn uffiċjal li kull deċiżjoni li toħloq preġudizzju lil dan l-uffiċjal u li tiġi adottata, mill-perspettiva ratione temporis, fil-kuntest tal-fastidju, tkun illegali; hemm bżonn li tkun tidher rabta bejn il-fastidju inkwistjoni u l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 42)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, punt 69; 4 ta’ April 2011, AO vs Il‑Kummissjoni, F‑45/10, punt 39

6.      Rifjut li jingħata leave sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tad-dipartiment ma jistax jitqies, fil-prinċipju, bħala manifestazzjoni ta’ fastidju. Dan japplika iktar meta l-uffiċjal jonqos milli jwettaq il-formalitajiet amministrattivi meħtieġa billi ma jiksibx l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur dirett tiegħu qabel ma jkun assenti mix-xogħol. Għall-istess raġunijiet, l-uffiċjal ma jistax jippretendi b’mod validu li r-rifjut adottat fil-konfront tat-talba għal-leave tiegħu jew in-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni ulterjuri ta’ din it-talba huwa element ta’ aġir li jista’ jiġi kkwalifikat bħala fastidju psikoloġiku.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, punt 78; 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, punt 107