Language of document : ECLI:EU:F:2009:131

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2009

Kawża F-125/07

Armin Hau

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2006 – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali promossi – Eżami komparattiv tal-merti – Livell ta’ referenza – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalità ta’ ‘riżerva’”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Hau jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, ippubblikata fil-21 ta’ Novembru 2006, li ma tinkludix ismu fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad B*7 fil-kuntest tal‑proċedura ta’ promozzjoni 2006.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Parlament, ippubblikata fil-21 ta’ Novembru 2006, li ma tinkludix lir-rikorrent fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad B*7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2006, hija annullata. Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Possibbiltà ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni fl-istadju prekontenzjuż – Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ proposta ta’ promozzjoni matul proċedura preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      L-amministrazzjoni tista’ timmotiva deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni fl‑istadju tal-prekontenzjuż. Madankollu, meta l-amministrazzjoni tagħmel użu minn din l-għażla, għandu jiġi kkonstatat li din iċaħħad lill-uffiċjali kkonċernati mill-possibbiltà li jressqu lment fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant, li konsegwentement jiżviluppaw l-argumenti tagħhom. Għalhekk, fis-sitwazzjoni fejn uffiċjal jkun sar jaf il-motivi ta’ deċiżjoni biss fl-istadju tar-rifjut tal-ilment, l-amministrazzjoni ma tistax tobbligah josserva l-prinċipju ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors dwar il-motivi jew l-oġġezzjonijiet fir‑rigward ta’ dawn il-motivi.

(ara l-punt 24)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punt 36

2.      Sabiex tevalwa l-merti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l‑amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. B’hekk, l-istħarriġ tal‑qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal‑metodi u tal-motivi li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din baqgħetx fi ħdan limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u ma użatx is‑setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

L-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa madanakollu ma tistax teħles lill‑amministrazzjoni mill-obbligu tagħha li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Il-fatt li wieħed ikun ġie nnominat għal promozzjoni matul il-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti għall‑proċedura inkwistjoni jikkostitiwixxi element rilevanti ta’ mertu, sakemm l‑uffiċjal ma jkunx naqas milli jistħoqqlu din il-promozzjoni minn wara l‑proċedura ta’ promozzjoni li fiha kien ġie propost għall-promozzjoni.

Barra minn dan, in-nuqqas sistematiku ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalità ta’ “riżerva” jistgħa joħloq diskriminazzjoni bejn uffiċjali kandidati għal promozzjoni, peress li dan iwassal għal trattament bl-istess mod ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament differenti. Fil-fatt, il-fatt li uffiċjal ikun diġà laħaq il-livell għall‑promozzjoni matul il-proċedura ta’ promozzjoni preċedenti, li huwa intrinsikament marbut mal-merti li fir-rigward tagħhom huwa kien diġà ta prova preċedentement, iqiegħed lil dan tal-aħħar f’sitwazzjoni differenti, fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-mertu tiegħu, minn dik tal-persuni li ma laħqux dan il-livell għall‑promozzjoni matul il-proċedura preċedenti.

(ara l-punti 26 sa 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Ottubru 1986, Vaysse vs Il‑Kummissjoni, 26/85, Ġabra p. 3131, punt 26; 21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14

Il-Qorti Ġenerali: 11 ta’ Diċembru 1991, Frederiksen vs Il‑Parlament, T‑169/89, Ġabra p. II‑1403, punt 69; 4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T‑30/04, ĠabraSP p. I‑A‑113 u II‑519, punt 80; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 69

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Ottubru 2007, Berrisford vs Il‑Kummissjoni, F‑107/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 76