Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2020 minn Intermarché Casino Achats mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fil-5 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża T-254/17, Intermarché Casino Achats vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-693/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Intermarché Casino Achats (rappreżentanti: Y. Utzschneider, J. Jourdan, C. Mussi, S. Eder, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2020 mogħtija fil-Kawża T-254/17, sa fejn din ċaħdet parzjalment ir-rikors ippreżentat minn Intermarché Casino Achats intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-9 ta’ Frar 2017 meħuda abbażi tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 (Kawża AT.40466 – Tute 1) u sa fejn ikkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż;

tannulla l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2017 fil-Każ AT.40466 iċċitata iktar ’il fuq;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ rimedji xierqa kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet, li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi l-eżistenza ta’ indizji serji ta’ ksur fid-data tal-ispezzjoni setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mingħajr ma jiġi osservat il-formaliżmu impost mir-Regolament Nru 1/2003 u mir-Regolament Nru 773/2004. Dan l-iżball ivvizzja t-talba tal-Qorti Ġenerali li skontha l-Kummissjoni kellha indizji serji dwar l-eżistenza tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Billi rrifjutat li tannulla l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk kisret id-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Fit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma kienx jeżiġi li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni tipprevedi limitu fit-tul tal-ispezzjonijiet u meta rrifjutat li tannulla d-deċiżjoni għal dan il-motiv.

____________