Language of document : ECLI:EU:C:2007:803

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Regolament (KE) Nru 2007/2004 – Twaqqif ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea − Validità”

Fil-kawża C‑77/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fl-14 ta’ Frar 2005,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. O’Neill u C. Gibbs, bħala aġenti, assistiti minn A. Dashwood, barrister,

rikorrent,

sostnut mill-:

Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, u P. McGarry, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn J. Pietras, bħala aġent,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn R. Procházka u J. Čorba kif ukoll minn B. Ricziová, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Schutte u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut mir-:

Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. M Rodríguez Cárcamo, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. O’Reilly, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Tizzano, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, J.‑C. Bonichot, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permess tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004, tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Ko[o]perazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, p. 1), u, min-naħa l-oħra, li jinżammu l-effetti ta’ dan ir-regolament sa l-adozzjoni ta’ regolament ġdid li jissostitwixxih, ħlief safejn ir-Regolament Nru 2007/2004 jeskludi l-parteċipazzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru fl-applikazzjoni tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda

2        It-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE (iktar ’il quddiem it-“Titolu IV”) jistabbilixxi l-bażi ġuridiċi li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni.

3        Il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat KE permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar it-Titolu IV”), jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri fl-adozzjoni tal-miżuri ppreżentati skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV.

4        Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux parti fl-adozzjoni tal-miżuri proposti skond it-Titolu IV u, skond l-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex marbuta b’dawn il-miżuri u dawn ma japplikawx għalihom.

5        Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV:

“1.      Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tl[iet] xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu IV […], li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi wħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk. […]

[…]

2.      Jekk wara perijodu ta’ żmien raġonevoli xi miżura msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista’ tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta’ l-Irlanda, il-Kunsill jista’ jadotta dawk il-miżuri skond l-Artikolu 1 mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta’ l-Irlanda. F’dak il-każ japplika l-Artikolu 2.”

6        L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV jagħti d-dritt lir-Renju Unit u lill-Irlanda li jaċċettaw, f’kull żmien, miżuri li jkunu jeżistu fil-kuntest tat-Titolu IV. F’dan il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(3) KE tapplika mutatis mutandis.

7        Skond l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, “[l]-Artikoli 3 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea.”

 Il-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea

8        Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat KE permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Schengen”), tlettax-il Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea huma awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen, kif iddefinit fl-anness ta’ l-imsemmi Protokoll.

9        L-Acquis ta’ Schengen, hekk definit, huwa magħmul b’mod partikolari mill-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen (il-Lussemburgu) fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 239, 2000, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Schengen”), kif ukoll il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (ĠU L 239, 2000, p. 19, iktar ’il quddiem il-“KFS”), iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990, ukoll f’Schengen. Dawn iż-żewġ atti flimkien jikkostitwixxu l-“Ftehim ta’ Schengen”.

10      Skond l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll:

“L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li ma humiex marbuta bl-Acquis ta’ Schengen, jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-dispo[ż]izzjonijiet kollha ta’ dan l-Acquis.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta’ l-Istat konċernat.”

11      L-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen jistabbilixxi li:

“1.      Il-proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen għandhom ikunu s[u]ġġetti għad-dispo[ż]izzjonijiet pertinenti tat-Trattati.

F’dan il-kuntest, jekk la l-Irlanda u lanqas ir-Renju Unit jew it-tnejn ma jkunu għarrfu bil-kitba lill-president tal-Kunsill fi żmien per[i]jodu raġonevoli li huma jkunu jixtiequ jieħdu sehem, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu li jkunu ġew mogħtija lill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 u lill-Irlanda jew lir-Renju Unit meta xi wieħed minnhom ikun jixtieq jieħu sehem fl-oqsma ta’ kooperazzjoni in kwistjoni.

2.      Id-dispo[ż]izzjonijiet pertinenti tat-Trattati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw anke jekk il-Kunsill ma jkunx addotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, paragrafu 1, it-tieni subparagrafu.”

12      L-Artikolu 8 tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet tan-negozjati relattivi għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fl-Unjoni Ewropea, l-Acquis ta’ Schengen u miżuri oħra meħud[a] mill-istituzzjonijiet f’dan l-ambitu tiegħu, għandhom jitqiesu bħala acquis li għandu jiġi aċċettat kollu kemm hu mill-Istati kollha kandidati għall-adeżjoni.”

 Id-Dikjarazzjonijiet dwar il-Protokoll ta’ Schengen

13      Fid-Dikjarazzjoni Nru 45 dwar l-Artikolu 4 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 45”) il-Partijiet Kontraenti Għolja jistiednu lill-Kunsill sabiex jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qabel ma jiddeċiedi dwar talba magħmula skond dan l-Artikolu. Minbarra dan, dawn ta’ l-aħħar “jimpenjaw rwieħhom biex jagħmlu l-aħjar sforzi bl-iskop li jippermettu lill-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u [ta’] l-Irlanda ta’ Fuq, jekk hekk jixtiequ, jużaw id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi Protokoll sabiex il-Kunsill jista’ jkun f’qagħda li jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dak l-Artikolu mad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Protokoll jew fi kwalunkwe żmien ieħor.”

14      Skond id-Dikjarazzjoni Nru 46 dwar l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-Acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 46”) il-Partijiet Kontraenti Għolja “jimpenjaw irwieħhom li jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jagħmlu l-azzjoni bejn l-Istati Membri kollha possibbli fl-oqsma ta’ l-acquis ta’ Schengen, partikolarment meta l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u [ta’] l-Irlanda ta’ Fuq jkunu aċċettaw uħud jew id-disposizzjonijiet kollha ta’ dak l-acquis skond l-Artikolu 4 tal-[Protokoll ta’ Schengen]”.

 Id-Deċiżjoni 2000/365/KE

15      Fid-29 ta’ Mejju 2000 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru 2000/365/KE dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u [ta’ l-]Irlanda ta’ Fuq biex jie[ħ]u parti f’xi dispo[ż]izzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, p. 43) abbażi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen.

16      L-Artikolu 1 ta’ l-imsemmija deċiżjoni jelenka d-dispożizzjonijeit ta’ l-Acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit jipparteċipa fihom.

17      L-Artikolu 8(2) ta’ l-istess deċiżjoni jipprovdi li:

“Mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u [ta’] l-Irlanda ta’ Fuq [ikun] meqju[s] revokabilment li nnotifik[a] il-President tal-Kunsill, taħt l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen li [j]ixtieq [j]ipparteċipa fil-proposti kollha u inizjattivi li jsaħħu l-acquis ta’ Schengen imsemmi fl-Artikolu 1. Din il-parteċipazzjoni tkopri t-territorji msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) rispettivament, sakemm il-proposti u inizjattivi jsaħħu d-dispo[ż]izzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li miegħu jintrabtu dawk it-territorji.”

 Ir-Regolament Nru 2007/2004

18      Kif jirriżulta miċ-ċitazzjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 2007/2004 ġie adottat abbażi ta’ l-Artikoli 62(2)(a) KE u 66 KE.

19      L-ewwel erba’ premessi ta’ l-imsemmi regolament jipprovdu dan li ġej:

“(1)      Il-politika tal-Komunità fil-qasam tal-fruntieri esterni ta’ l-UE timmira lejn ġestjoni integrata li tiżgura kontroll u sorveljanza ta’ livell għoli u uniformi, li huma korollarju meħtieġ għall-moviment ħieles tal-persuni fl-Unjoni Ewropea u komponent fundamentali ta’ Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Għal dan il-għan hu previst l-istabbiliment ta’ regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontroll tal-fruntieri esterni.

(2)      L-implimentazzjoni effiċjenti tar-regoli komuni teħtieġ aktar kordinazzjoni fil-ko[o]perazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri.

(3)      Waqt li jittieħed kont ta’ l-esperjenzi ta’ l-Unità Komuni ta’ l-Operaturi fil-Fruntieri Esterni li taġixxi fi ħdan il-Kunsill, għandu għalhekk jiġi stabbilit korp speċjalizzat ta’ esperti bl-inkarigu li jtejjeb il-ko[o]rdinazzjoni tal-ko[o]perazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni f’għamla ta’ Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ko[o]perazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Aġenzija).

(4)      Ir-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni hija ta’ l-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-applikazzjoni tal-miżuri eżistenti u futuri tal-Komunità dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni billi tiżgura l-ko[o]rdinazzjoni ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.”

20      Mit-tlieta u għoxrin u mis-sitta u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 2007/2004 jirriżulta li dan għandu jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen, bil-konsegwenza li:

–        id-delegazzjonijiet tar-Repubblika ta’ l-Iżlanda u tar-Renju tan-Norveġja għandhom jipparteċipaw bħala membri tal-Bord ta’ Ġestjoni ta’ l-Aġenzija, għalkemm bi drittijiet ta’ votazzjoni limitati;

–        ir-Renju tad-Danimarka, li ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament u li la huwa marbut bih u lanqas huwa suġġett għall-applikazzjoni tiegħu, għandu terminu ta’ sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament sabiex jiddeċiedi jekk jittrasponiehx jew le fid-dritt nazzjonali tiegħu;

–        ir-Renju Unit kif ukoll l-Irlanda ma jipparteċipawx fl-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament u la huma marbuta bih u lanqas huma suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

21      Il-ħamsa u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 2007/2004, li tirrigwarda r-Renju Unit, tipprovdi dan li ġej:

“Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp ta’ dawk id-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE […]. Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.”

22      Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2007/2004:

“1.      Aġenzija […] tiġi stabbilita bil-ħsieb li tittejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.      Filwaqt li jitqies li r-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntiera esterna hi ta’ l-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tiffaċilita u tirrendi b’mod aktar effettiv l-applikazzjoni tal-miżuri tal-Komunità eżistenti u futuri fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Għandha tagħmel dan billi tiżgura l-ko[o]rdinazzjoni ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, u b’hekk tikkontribwixxi għal livell effiċjenti, għoli u uniformi ta’ kontroll fuq persuni u sorveljanza tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.      L-Aġenzija għandha wkoll tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-appoġġ tekniku meħtieġ u l-kompetenza speċjalizzata meħtieġa fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

4.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri għandhom ifissru l-fruntieri fl-art u fil-baħar ta’ l-Istati Membri u l-ajruportijiet u portijiet tagħhom, li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-liġi Komunitarja dwar il-qsim tal-fruntieri esterni minn persuni.”

23      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2007/2004 jippreċiża l-kompetenzi prinċipali ta’ l-Aġenzija, li huma, b’mod partikolari, li tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, li tassisti lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali, inkluż l-istabbiliment ta’ standards komuni ta’ taħriġ, li ssegwi l-iżvilupp tar-riċerka rilevanti għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni, li tassisti lill-Istati Membri fil-każ li jkunu jeħtieġu iktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni kif ukoll li tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ meħtieġ fl-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn.

24      Skond l-Artikolu 2(2), mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta’ l-Aġenzija, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jikkooperaw fuq livell operazzjonali ma’ Stati Membri oħra u/jew ma’ Stati terzi fil-fruntieri esterni, meta tali kooperazzjoni tkun tikkomplementa l-azzjoni ta’ l-Aġenzija. L-Istati Membri għandhom madankollu jastjenu minn kwalunkwe attività li tista’ tipperikola l-funzjonament ta’ l-Aġenzija jew il-kisba ta’ l-għanijiet tagħha u għandhom jinformaw lill-Aġenzija dwar attivitajiet operazzjonali fil-fruntieri esterni barra mill-qafas ta’ l-Aġenzija.

25      Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2007/2004, l-Aġenzija għandha barra minn hekk tevalwa, tapprova u tikkoordina proposti għal operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota magħmula mill-Istati Membri u hija stess tista’ tieħu dawn l-inizjattivi b’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri. Hija tista’ wkoll tiddeċiedi li tikkofinanzja operazzjonijiet konġunti jew proġetti piloti.

26      Skond l-Artikolu 5 ta’ l-istess regolament, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tkompli tiżviluppa bażi komuni għat-taħriġ ta’ gwardji tal-fruntiera u tipprovdi taħriġ fuq livell Ewropew għall-istrutturi tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Hija għandha wkoll toffri, lill-uffiċjali tas-servizzi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri, korsijiet u seminars ta’ taħriġ addizzjonali dwar suġġetti konnessi mal-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni u r-ritorn ta’ ċittadini ta’ Stati terzi.

27      Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2007/2004, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tamministra fuq livell ċentrali, inventarju ta’ tagħmir tekniku għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri, li dawn l-istess Stati Membri huma lesti jqegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Stati Membri oħra fuq bażi volontarja u temporanja wara li l-Aġenzija tkun għamlet analiżi tal-bżonnijiet u r-riskji.

28      Skond l-Artikolu 12 ta’ l-imsemmi regolament:

“1.      L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-ko[o]perazzjoni operazzjonali ta’ l-Istati Membri ma’ l-Irlanda u r-Renju Unit f’materji koperti bl-attivitajiet tagħha u safejn meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

2.      L-appoġġ li għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija skond l-Artikolu 2(1)(f) għandu jkopri l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn ta’ l-Istati Membri li fihom l-Irlanda jew ir-Renju Unit, jew it-tnejn, jipparteċipaw ukoll.

3.      L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-fruntieri ta’ Ġibiltà għandu jiġi sospiż sad-data li fiha jintlaħaq ftehim dwar il-firxa ta’ applikazzjoni tal-miżuri dwar il-qsim minn persuni tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri.”

29      L-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 2007/2004 jipprovdi li:

“Il-pajjiżi li huma assoċjati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen għandhom jipparteċipaw fl-Aġenzija. Kull wieħed għandu jkollu rappreżentant wieħed u supplent fil-Bord ta’ Ġestjoni. Skond id-disposizzjonijiet rilevanti tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni tagħhom, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li, inter alia, jispeċifikaw in-natura u l-ambitu tal-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-ħidma ta’ l-Aġenzija u r-regoli dettaljati dwarha, inkluż id-disposizzjonijiet dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

30      Fil-11 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija.

31      Fil-11 ta’ Frar 2004, ir-Renju Unit informa lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004. F’dan ir-rigward huwa rrefera għall-proċedura ta’ notifikazzjoni prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen kif ukoll għal dik stabbilita fil-Protokoll dwar it-Titolu IV.

32      Fis-26 ta’ Ottubru 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 2007/2004. Minkejja n-notifikazzjoni tad-11 ta’ Frar 2004, ir-Renju Unit ma ġiex awtorizzat jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament għar-raġuni li dan jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen li ma jiħux sehem fih ir-Renju Unit, skond id-Deċiżjoni 2000/365.

33      Ir-Renju Unit ressaq dan ir-rikors peress li qies li l-fatt li l-Kunsill irrifjuta milli jħallih jipparteċipa fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004 jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen.

 It-talbiet tal-partijiet

34      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla r-Regolament Nru 2007/2004;

–        tiddeċiedi, skond l-Artikolu 231 KE, li, wara l-annullament tar-Regolament Nru 2007/2004 u sakemm tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida f’dan il-qasam, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jibqgħu japplikaw, ħlief safejn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-effett li jeskludu l-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-applikazzjoni tiegħu, u

–        tordna l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

35      Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Renju Unit jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tal-kawża.

36      Permezz ta’ Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Awwissu 2005, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll ir-Repubblika Slovakka tħallew jintervjenu in sostenn tat-talbiet tar-Renju Unit u tar-Renju ta’ Spanja, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallew jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

37      L-ewwel nett, ir-Renju Unit isostni li, meta eskludih mill-proċess ta’adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Protokoll ta’ Schengen u kiser l-Artikolu 5 tiegħu.

38      Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sistema mwaqqfa mill-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen hija suġġetta għal dik prevista fl-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll. L-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-Protokoll huma indipendenti wieħed mill-ieħor, b’mod li r-Renju Unit mhuwiex obbligat, sabiex ikun jista’ jipparteċipa f’miżuri adottati fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 5, li jkun ġie awtorizzat minn qabel, skond l-imsemmi Artikolu 4, li jipparteċipa fl-Acquis ta’ Schengen korrispondenti.

39      In sostenn tal-pożizzjoni tiegħu, ir-Renju Unit isostni, b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen mogħtija mill-Kunsill hija kontradetta mill-iskema ġenerali u mill-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li hija tmur kontra n-natura stess tal-mekkaniżmu stabbilit minn dan l-Artikolu 5 u li mhijiex kompatibbli mad-Dikjarazzjoni Nru 46.

40      Barra minn hekk, skond l-imsemmi Stat Membru, din l-interpretazzjoni ċċaħħad lill-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen mill-effett utli tiegħu, li huwa, b’mod partikolari, li tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni massima tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda fil-miżuri għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen, u mhijiex neċessarja la sabiex jitħares l-effett utli ta’ l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV u lanqas sabiex tiġi ppreżervata l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni bħal din ikollha effetti wisq sproporzjonati fid-dawl ta’ l-għan li jrid jintlaħaq u jkollha l-konsegwenza li, peress li, kif jirriżulta mill-prassi attwali tiegħu, il-Kunsill għandu għarfien “wiesa’ u inċert” ta’ dak li għandu jiġi mifhum bil-“proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen”, il-mekkaniżmu previst fl-imsemmi Artikolu 5 jista’ jiffunzjona b’mod inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll mal-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni msaħħa.

41      Sussidjarjament, ir-Renju Unit isostni li, kieku l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen mogħtija mill-Kunsill kienet eżatta, il-frażi “proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen”, li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Protokoll, kellha tiġi mifhuma bħala li tkopri biss il-miżuri li huma intrinsikament marbuta ma’ l-Acquis ta’ Schengen (miżuri “integralment Schengen”), bħall-miżuri li jemendaw id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt dan l-Acquis u li r-Renju Unit ma jistax jaderixxi għalihom mingħajr ma jaċċetta minn qabel id-dispożizzjonijiet li jagħtu lok għall-emenda. Min-naħa l-oħra, il-miżuri sempliċement “konnessi ma’ Schengen”, jiġifieri dawk li, għalkemm kienu intiżi sabiex jiżviluppaw jew jikkompletaw ċerti għanijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen mhumiex daqshekk konnessi mill-qrib ma’ dan l-Acquis b’mod li l-integrità tiegħu titqiegħed fil-perikolu jekk Stat Membru li ma jipparteċipax fl-imsemmi Acquis ikun jista’, madankollu, jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li fl-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ l-aħħar, il-pożizzjoni tar-Renju Unit ma tkunx irregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Protokoll, iżda, skond il-każ, minn dawk tal-Protokoll dwar it-Titolu IV jew mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-“tielet pilastru”. Madankollu, peress li r-Regolament Nru 2007/2004 għandu jkun ikkunsidat bħala li jaqa’ taħt din l-istess kategorija ta’ miżuri, ir-Renju Unit ma kellux jiġi eskluż mill-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

42      Il-Kunsill isostni, fl-ewwel lok, li l-għan ta’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen mhuwiex, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, li jirrikonoxxi dritt lil dan ta’ l-aħħar, iżda li jassigura lill-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Acquis kollu ta’ Schengen li l-azzjonijiet tagħhom ma jitpoġġewx fid-dubju minħabba n-nuqqas ta’ rieda ta’ l-Istati Membri l-oħra li jieħdu sehem fih. Barra minn hekk, il-kliem ta’ l-imsemmija dispożizzjoni jikkonferma din l-interpretazzjoni safejn, b’differenza mill-kliem ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll u ta’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, huwa ma jirrikonoxxix espliċitament dritt ta’ dan it-tip.

43      Skond il-Kunsill, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen mogħtija mir-Renju Unit hija ta’ natura li ċċaħħad lill-proċedura ta’ approvazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll mill-effett utli tagħha, peress li, fil-każ li Stat Membru jiġi rrifjutat, abbażi ta’ dan l-Artikolu, id-dritt li jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ miżura partikolari, dan l-Istat jista’ madankollu jieħu sehem f’kull miżura li tiżviluppa l-qasam in kwistjoni billi jirrikorri għall-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 5. Għaldaqstant, l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen ma tkunx iggarantita u l-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar it-Titolu IV, li jipprovdi li l-Artikoli 3 u 4 ta’ l-istess Protokoll għandhom jiġu mifhuma flimkien mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Schengen, ukoll jiġi mċaħħad minn effett utli.

44      Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li d-distinzjoni magħmula mir-Renju Unit bejn il-miżuri “integralment Schengen” u l-miżuri li jkunu sempliċement “konnessi ma’ Schengen” m’għandhiex bażi la fid-dritt primarju u lanqas fid-dritt sekondarju. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li d-definizzjoni mogħtija mir-Renju Unit għal dak li jikkonċerna l-miżuri “konnessi ma’ Schengen” hija bbażata fuq komprensjoni żbaljata ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi theddida għall-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen u li d-distinzjoni in kwistjoni toħloq inċertezza legali inutli peress li tinvolvi diverġenza bejn dak li għandu jiġi mifhum b’“miżura li tiżviluppa l-Acquis ta’ Schengen” meta huwa każ ta’ adozzjoni ta’ miżura applikabbli għar-Repubblika ta’ l-Iżlanda u għar-Renju tan-Norveġja, minn naħa, jew għar-Renju Unit u għall-Irlanda, minn naħa l-oħra.

45      Fit-tielet lok, il-Kunsill jenfasizza li l-pożizzjoni tiegħu hija perfettament kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll mar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni msaħħa. Fil-fatt, minn naħa, l-awturi tat-Trattat ma kinux marbuta bil-prinċipju ta’ proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u KE li jirregolaw il-kooperazzjoni msaħħa għandhom jiġu mifhuma mingħajr preġudizzju għal dawk tal-Protokoll ta’ Schengen.

46      L-Irlanda tikkunsidra li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen mogħtija mir-Renju Unit hija konformi mal-kliem ta’ dawn l-Artikoli u tikkorrispondi għall-prassi attwali tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-miżuri dwar l-Acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit u l-Irlanda tħallew jipparteċipaw fihom. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija korroborata minn varji dikjarazzjonijiet dwar il-Protokoll ta’ Schengen anness ma’ l-att finali tat-Trattat ta’ Amsterdam. Minbarra dan, il-Kunsill mhuwiex f’pożizzjoni li juri r-riskju konkret ta’ dannu eżistenti għall-Acquis ta’ Schengen f’każ ta’ parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004.

47      Skond ir-Repubblika tal-Polonja, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “Acquis ta’ Schengen”, ma jistax jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk ir-Regolament Nru 2007/2004 jaqax taħt l-imsemmi acquis jew jekk jikkostitwixxix sempliċement żvilupp tiegħu. Madankollu, huwa jqis li dan ir-regolament jikkostitwixxi pjuttost miżura għall-iżvilupp ta’ dan l-acquis. Min-naħa l-oħra, id-dritt tar-Renju Unit li jipparteċipa f’miżuri għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen jirriżulta direttament mill-Artikolu 5 tal-Protokoll ta’ Schengen u mhuwiex suġġett għall-implementazzjoni preċedenti ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll. Għaldaqstant, ma jeżisti l-ebda ostakolu sabiex ir-Renju Unit jitħalla jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament, peress li din il-parteċipazzjoni ma tikkostitwixxix theddida la għall-integrità, la għall-funzjonament ta’ l-Acquis ta’ Schengen u lanqas għall-implementazzjoni tiegħu.

48      Skond ir-Repubblika Slovakka, id-dritt tar-Renju Unit li jipparteċipa fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004 jiddependi fuq in-nuqqas ta’ theddid għall-integrità u l-koerenza ta’ l-Acquis ta’ Schengen diġà applikat. Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill, peress li rrifjuta dan id-dritt lir-Renju Unit, li jressaq il-prova li l-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tikkostitwixxi theddida ta’ dan it-tip. Madankollu, f’dan il-każ, din it-theddida ma teżistix.

49      Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li r-rikors tar-Renju Unit huwa infondat. Fil-fatt, minn naħa, it-talba prinċipali tar-Renju Unit hija bbażata fuq l-għoti lil dan ta’ l-aħħar ta’ dritt ipotetiku kkonferit minn artikolu tal-Protokoll ta’ Schengen li dan ma jirrikonoxxix fir-rigward tiegħu. L-interpretazzjoni tar-Renju Unit timplika riskju ċert għall-miżuri diġà adottati permezz tal-kooperazzjoni msaħħa stabbilita minn dan il-Protokoll peress li hija tpoġġi fil-periklu l-intergrità u l-koerenza ta’ l-Acquis ta’ Schengen. Min-naħa l-oħra, it-talba sussidjarja tar-Renju Unit hija interpretazzjoni żbaljata tal-fatt li huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi liema huma l-miżuri li għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu miżuri bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen u mhuwiex Stat Membru li mhuwiex parti fil-Ftehim ta’ Schengen li jista’ jistabbilixxi dan il-fatt.

50      Il-Kummissjoni ssostni li l-karatteristika prinċipali tal-kooperazzjoni msaħħa in ġenerali u ta’ l-Acquis ta’ Schengen b’mod partikolari hija l-integrità tagħhom. Il-preservazzjoni u l-protezzjoni ta’ din l-integrità kif ukoll il-koerenza ta’ l-Acquis ta’ Schengen huma għaldaqstant preokkupazzjonijiet essenzjali. Il-Protokoll ta’ Schengen ċertament jipprovdi għal parteċipazzjoni parzjali ta’ Stat Membru li mhuwiex parti fil-Ftehim ta’ Schengen, iżda ma jasalx li jagħti għażla “à la carte” lill-Istati Membri kkonċernati, li r-riżultat tagħha jkun taħlit ta’ parteċipazzjonijiet u obbligi.

51      Skond il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll ta’ Schengen mogħtija mir-Renju Unit tmur kontra l-iskema ġenerali kif ukoll il-loġika ta’ dan il-Protokoll u tikkawża dannu għall-koerenza u l-integrità ta’ l-Acquis ta’ Schengen.

52      Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li l-kliem “għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen”, li jinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen, ma jinvolvix kunċett “wiesa’ u inċert” tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri li jipparteċipaw f’azzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa, filwaqt li d-deċiżjoni li tikkonsisti fil-kwalifikazzjoni ta’ proposta bħala “miżura għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen” ma tistax affattu tiġi distinta minn dik intiża li tiddetermina l-bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni ta’ att ġuridiku Komunitarju.

53      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li, fid-dawl tan-natura partikolari ta’ l-Aġenzija, it-twaqqif tagħha hija miżura “integralment Schengen”, fis-sens li r-Renju Unit jifhem din l-espressjoni, u li dan it-twaqqif huwa intrinsikament marbut ma’ l-Acquis ta’ Schengen. Barra minn hekk, l-Aġenzija hija marbuta ma’ l-iżvilupp ta’ l-imsemmi Acquis li r-Renju Unit iddeċieda li ma jipparteċipax fih. Għaldaqstant, huwa leġittimu li dan ta’ l-aħħar ma jitħalliex jipparteċipa fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti invokati prinċipalment mir-Renju Unit, għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għal proposti u inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda tħallew jipparteċipaw fihom skond l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll jew jekk, għall-kuntrarju, kif isostni dan l-Istat Membru ta’ l-ewwel, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhomx ikunu kkunsidrati bħala li huma indipendenti waħda mill-oħra.

55      Għal dan il-għan, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, iżda wkoll l-iskema ġenerali tagħhom, il-kuntest li jaqgħu fih, l-għan tagħhom kif ukoll l-effett utli tagħhom.

56      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen awtorizza lil tlettax-il Stat Membru sabiex jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Acquis ta’ Schengen, hekk kif jorbot lil dawn l-Istati. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll, il-miżuri kollha adottati fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni msaħħa għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti sħiħa minn dan l-Acquis, li barra minn hekk għandu, skond l-Artikolu 8 ta’ l-istess Protokoll, jiġi kompletament aċċettat mill-Istati kandidati għall-adeżjoni.

57      Peress li r-Renju Unit u l-Irlanda kienu l-uniċi Stati Membri li ma kinux partijiet fil-Ftehim ta’ Schengen li jikkostitwixxu l-bażi ta’ l-imsemmija kooperazzjoni msaħħa, dawn iż-żewġ Stati kienu jinsabu f’sitwazzjoni partikolari li ttieħdet in kunsiderazzjoni mill-Protokoll ta’ Schengen fir-rigward ta’ żewġ aspetti.

58      Minn naħa, kif jipprovdi l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, dan jirriżerva lil dawn iż-żewġ Stati Membri l-possibbiltà li jitolbu, f’kull mument, li jipparteċipaw f’parti biss mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis fis-seħħ fid-data tat-talba ta’ parteċipazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan l-istess Protokoll jirriżerva għall-imsemmija Stati Membri, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1), il-possibbiltà li ma jipparteċipawx fil-proposti u fl-inizjattivi bbażati fuq l-imsemmi Acquis.

59      Għalkemm dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw żewġ aspetti differenti ta’ l-Acquis ta’ Schengen, madankollu, minn din is-sempliċi konstatazzjoni ma jistax jiġi validament dedott li dawn għandhom jinqraw b’mod indipendenti minn xulxin.

60      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “[i]l-proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen” fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen, il-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni huma relatati ma’ l-Acquis ta’ Schengen, fis-sens ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll, liema miżuri jikkostitwixxu sempliċement implementazzjoni jew żvilupp ulterjuri.

61      B’hekk, loġikament, miżuri bħal dawn għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet li huma jimplementaw jew li huma jikkostitwixxu żvilupp tagħhom, b’tali mod li jippresupponu li kemm dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll il-prinċipji li jikkostitwixxu l-bażi tagħhom ġew aċċettati.

62      Minn dan isegwi li l-parteċipazzjoni ta’ Stat Membru fl-adozzjoni ta’ miżura b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen hija prevista biss jekk dan l-Istat ikun aċċetta qasam ta’ l-Acquis ta’ Schengen li fih taqa’ l-miżura li għandha tiġi adottata jew li hija tikkostitwixxi żvilupp tiegħu.

63      F’dawn il-kundizzjonijiet, minkejja li l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen jipprovdi l-possibbiltà għar-Renju Unit u għall-Irlanda li jaderixxu għall-Acquis ta’ Schengen, dawn l-Istati Membri ma jistgħux jitħallew jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ miżura skond l-Artikolu 5(1) ta’ l-istess Protokoll mingħajr ma jkunu ġew awtorizzati, minn qabel, mill-Kunsill sabiex jaċċettaw qasam ta’ l-Acquis li fih l-imsemmija miżura ssib il-bażi tagħha.

64      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni preċedenti hija konformi ma’ l-għan kemm ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen kif ukoll dak ta’ l-Artikolu 5 tiegħu u hija tali li tiżgura pjenament l-effett utli ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

65      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma tippreġudika l-possibbiltà, irriżervata għar-Renju Unit u għall-Irlanda mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen, li jagħżlu, minkejja li huma tħallew jaċċettaw parti minn jew l-Acquis ta’ Schengen kollu, li ma jipparteċipawx fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni jew ta’ żvilupp tal-partijiet ta’ l-acquis li huma tħallew jaderixxu għalihom.

66      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti li jittieħed in kunsiderazzjoni kemm il-kliem kif ukoll l-għan ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, peress li l-flessibbiltà pprovduta mill-Artikolu 5 ta’ l-istess Protokoll liż-żewġ Stati Membri kkonċernati fir-rigward ta’ l-għażla libera tagħhom li jaderixxu jew le għall-miżuri ta’ implementazzjoni u ta’ żvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen hija tali li telimina l-eżitazzjonijiet li dawn l-Istati, fin-nuqqas ta’ din l-għażla, jista’ jkollhom biex jaċċettaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen u, għaldaqstant, tinkoraġġixxihom li safejn huwa possibbli jagħmlu użu mill-possibbiltà rriżervata għalihom permezz ta’ l-istess Artikolu 4.

67      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija mir-Renju Unit għandha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen minn kull effett utli peress li r-Renju Unit u l-Irlanda jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proposti u fl-inizjattivi kollha bbażati fuq l-Acquis ta’ Schengen skond l-Artikolu 5(1) ta’ l-imsemmi Protokoll, minkejja li dawn l-Istati ma jkunux aċċettaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-acquis jew ma jkunux tħallew jipparteċipaw fih skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll. Madankollu, kif jirriżulta mid-Dikjarazzjoni Nru 45, l-imsemmi Artikolu 4 huwa ta’ importanza fundamentali fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-Protokoll ta’ Schengen in kwantu huwa intiż sabiex jassigura parteċipazzjoni massima ta’ l-Istati Membri kollha fl-Acquis ta’ Schengen.

68      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen mogħtija mir-Renju Unit ma tistax tiġi aċċettata u li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika biss għall-proposti u l-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda tħallew jipparteċipaw fihom skond l-Artikolu 4 ta’ l-istess Protokoll.

69      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, korroborata mill-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2000/365, li minnu jirriżulta wkoll li l-parteċipazzjoni fil-proposti u fl-inizjattivi għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen huwa previst biss jekk id-dispożizzjonijiet tiegħu, li huma relatati magħhom il-proposti jew l-inizjattivi, jiġu applikati fl-Istat Membru li jixtieq jipparteċipa, li jimplika li dan l-Istat Membru jkun, preċedentement, aċċetta l-imsemmi Acquis.

70      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-Renju Unit m’aċċettax il-qasam ta’ l-Acquis ta’ Schengen li fih jaqa’ r-Regolament Nru 2007/2004, jiġifieri dak relatat mal-qsim tal-fruntieri esterni.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi rrifjuta lir-Renju Unit id-dritt li jipparteċipa fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004 minħabba li dan l-Istat Membru ma kienx awtorizzat minn qabel sabiex jipparteċipa fil-qasam ta’ kooperazzjoni li jaqa’ fih dan ir-regolament, il-Kunsill ma tax interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen.

72      Minn dan isegwi li l-argumenti invokati prinċipalment mir-Renju Unit in sostenn ta’ dan ir-rikors għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

73      Fir-rigward ta’ l-argumenti ppreżentati sussidjarjament mir-Renju Unit, l-ewwel nett għandu jingħad li d-distinzjoni magħmula minn dan l-Istat Membru bejn il-miżuri li huwa jikklassifika bħala “integralment Schengen” u dawk li jikkunsidra bħala “konnessi ma’ Schengen” m’għandhiex bażi la fit-Trattati UE u KE u lanqas fid-dritt Komunitarju sekondarju.

74      Sussegwentement, jeħtieġ li jingħad li filwaqt li jikkontesta l-klassifikazzjoni magħmula mill-Kunsill, ir-Renju Unit jammetti huwa stess li r-Regolament Nru 2007/2004 jippreżenta rabta mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen peress li huwa jikkunsidra li dan huwa, madankollu, miżura “konnessa ma’ Schengen”.

75      Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet u l-fatt li, f’dan il-każ partikolari, il-klassifikazzjoni allegatament żbaljata li biha huwa kkritikat il-Kunsill mhijiex direttament marbuta ma’ l-għażla tal-bażi ġuridika għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2007/2004, jiġifieri l-Artikoli 62(2)(a) KE u 66 KE, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, bħal fl-għażla tal-bażi ġuridika ta’ att Komunitarju, il-klassifikazzjoni, mill-Kunsill, tar-Regolament Nru 2007/2004 bħala miżura li tiżviluppa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen kellha effett dirett fuq id-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, anki fuq il-possibbiltà għar-Renju Unit li jkun jista’ jipparteċipa f’din il-proċedura.

76      Fil-fatt, safejn l-eżerċizzju mir-Renju Unit tal-fakoltà li jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ proposta ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat mhuwiex suġġett, skond l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll dwar l-imsemmi Titolu IV, għall-osservanza ta’ ebda kundizzjoni oħra ħlief dik tat-terminu tan-notifikazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, il-klassifika tar-Regolament Nru 2007/2004 bħala miżura li tiżviluppa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen kellha effett dirett fuq id-drittijiet rikonoxxuti lill-imsemmi Stat Membru.

77      Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni u b’analoġija mal-prinċipji applikabbli fl-għażla tal-bażi ġuridika ta’ att Komunitarju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni f’din il-kawża, il-kwalifika ta’ att Komunitarju bħala proposta jew inizjattiva għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kontroll ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “Diossidu tat-titanju”, C-300/89, Ġabra p. I-2867, punt 10; tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-176/03, Ġabra p. I-7879, punt 45, u tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-440/05, Ġabra p. I-9097, punt 61).

78      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif isostni r-Renju Unit, il-Kunsill kellux raġun li jikklassifika r-Regolament Nru 2007/2004 bħala miżura li tiżviluppa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen.

79      Fir-rigward ta’ l-għan tar-Regolament Nru 2007/2004, mill-ewwel tliet premessi kif ukoll mill-Artikolu 1(1) u (2) tiegħu jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li titjieb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni u li l-applikazzjoni tar-regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontroll tal-fruntieri esterni ssir iktar faċli u effettiva.

80      Għal dak li jikkonċerna l-kontenut tar-Regolament Nru 2007/2004, għandu jiġi osservat li l-Aġenzija mwaqqfa minnu għandha l-inkarigu, kif jirriżulta mit-tielet premessa u mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, li tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, li tassisti lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali u li tagħti lill-imsemmija Stati, f’sitwazzjonijiet fejn tkun meħtieġa, assistenza teknika u operazzjonali msaħħa fil-fruntieri esterni.

81      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-regoli komuni li għalihom jirreferi r-Regolament Nru 2007/2004 u li għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ġew iffissati fil-Manwal Komuni adottat mill-Kumitat Eżekuttiv imwaqqaf mill-KFS (ĠU C 313, 2002, p. 97).

82      Madankollu, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 790/2001, ta’ l-24 ta’ April 2001, li jirriserva lill-Kunsill il-poteri ta’ l-implementazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jitwettqu l-kontrolli u s-sorveljanza fuq il-fruntieri (ĠU L 116, p. 5), l-imsemmi Manwal ġie stabbilit bil-ħsieb li jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2, intitolat “Qsim ta’ Fruntieri Esterni”, tat-Titolu II tal-KFS u jifforma parti mill-Acquis ta’ Schengen skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Schengen, skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE, ta’ l-20 ta’ Mejju 1999, dwar id-definizzjoni ta’ l-Acquis ta’ Schengen sabiex jiġi determinat, b’konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għa[l] kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis (ĠU L 176, p. 1).

83      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li kemm mit-test tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim ta’ Schengen kif ukoll mill-Artikolu 17 tiegħu jirriżulta li l-għan prinċipali ta’ dan il-ftehim huwa t-tneħħija tal-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri komuni ta’ l-Istati Membri u t-trasferiment ta’ dawn il-kontrolli fil-fruntieri esterni ta’ dawn l-Istati. L-importanza ta’ dan il-għan fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Schengen hija enfasizzata mill-pożizzjoni li jokkupaw id-dispożizzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri esterni fil-KFS u l-fatt li, konformement ma’ l-Artikoli 6 u 7 tagħha, il-kontrolli fil-fruntieri esterni għandhom isiru skond prinċipji uniformi, peress li l-Istati Membri għandhom jimplementaw kooperazzjoni mill-qrib u permanenti sabiex jiżguraw li dawn il-kontrolli jsiru b’mod effettiv.

84      Minn dan isegwi li l-kontrolli tal-persuni fil-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri u, għaldaqstant, l-implementazzjoni effettiva tar-regoli komuni dwar standards u proċeduri għal dawn il-kontrolli għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu elementi li jaqgħu taħt l-Acquis ta’ Schengen.

85      Peress li, kif jirriżulta mill-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 2007/2004 jipprovdi, kemm permezz ta’ l-għan tiegħu kif ukoll permezz tal-kontenut tiegħu, għat-titjib ta’ dawn il-kontrolli, dan ir-regolament għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi miżura għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll ta’ Schengen.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ġustament ikklassifika r-Regolament Nru 2007/2004 bħala miżura li tiżviluppa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen.

87      Minn dan isegwi li l-argumenti ppreżentati sussidjarjament mir-Renju Unit m’għandhomx jintlaqgħu.

88      Għaldaqstant, it-talbiet tar-Renju Unit għall-annullament tar-Regolament Nru 2007/2004 ma jistgħux jintlaqgħu u, konsegwentement, m’hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq it-talba ta’ dan l-Istat Membru għal dak li jirrigwarda ż-żamma ta’ l-effetti ta’ dan ir-regolament.

89      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors imressaq mir-Renju Unit għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) ta’ l-istess Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża, għandhom ibati l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.