Language of document : ECLI:EU:F:2008:141

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

12 ta’ Novembru 2008

Kawża F-88/07

Juan Luís Domínguez González

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Assistent tekniku – Eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Suġġett: Rikors, ippreżentant taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. L. Domínguez González talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 20 310.68 bħala kumpens għad-danni li huwa allegatament ġarrab mit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu wara l-eżami mediku li jsir mar-reklutaġġ.

Deċiżjoni: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Dritt li titressaq kawża – Persuni li jinvokaw il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li ma huwiex membru tal-persunal lokali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikoli 238 KE u 282 KE; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 1, 2, 3 u 5)

1.      Ma humiex biss il-persuni li jinvokaw il-kwalità ta’ uffiċjal jew ta’ impjegat, bl-eċċezzjoni tal-membri tal-persunal lokali, iżda wkoll dawk li jinvokaw dawn il-kwalitajiet, li jistgħu jikkontestaw quddiem il-qorti Komunitarja deċiżjoni li tikkawżalhom preġudizzju, fejn il-qorti msemmija għandha minn tal-inqas il-poter li teżamina, fl-ewwel lok, jekk hija effettivament għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-ammissibbiltà u tal-mertu tat-tilwima.

(ara l-punti 64 u 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Marzu 1975, Porrini et, 65/74, Ġabra p. 319, punt 13; 5 ta’ April 1979, Bellintani et vs Il‑Kummissjoni, 116/78, Ġabra p. 1585, punt 6; 20 ta’ Ġunju 1985, Klein vs Il‑Kummissjoni, 123/84, Ġabra p. 1907, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 tal-Lulju 1999, Mammarella vs Il‑Kummissjoni, T‑74/98, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑797, punt 16

2.      Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma jikkostitwixxux regolamenti eżawrjenti ta’ natura li jipprojbixxu r-reklutaġġ ta’ persuni barra mill-qafas regolatorju stabbilit f’dawn l-istrumenti. Għall-kuntrarju, il-kapaċità tal-Komunità, rikonoxxuta fl-Artikoli 282 u 238 KE, li tidħol f’relazzjonijiet kuntrattwali suġġetti għad-dritt ta’ Stat Membru testendi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg jew ta’ prestazzjoni ta’ servizzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-reklutaġġ ta’ persuna permezz ta’ kuntratt li jirreferi espressament għal liġi nazzjonali jista’ jiġi kkunsidrat bħala illegali fil-każ biss li l-istituzzjoni konvenuta tkun iddefiniet il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persuna kkonċernata bil-għan li tevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra u mhux minħabba l-bżonnijiet tas-servizz, hekk li tkun wettqet abbuż ta’ proċedura.

Sabiex jiġi vverifikat jekk l-istituzzjoni wettqitx abbuż ta’ proċedura, ma huwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li din setgħet ġustament tikkunsidra li t-tipi differenti ta’ kuntratti previsti mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra u suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja ma kinux adegwati għas-sitwazzjoni tal-kollaboraturi li lilhom xtaqet tafda ċerti missjonijiet, iżda huwa meħtieġ li jiġi vverifikat ukoll, fit-tieni lok, jekk il-kondizzjonijiet ta’ impjieg offerti lil dawn il-kollaboraturi jissodisfawx ir-rekwiżiti soċjali minimi li jeżistu f’kull Stat tad-dritt.

(ara l-punti 70 u 87)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Mammarella vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata