Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil supérieur de la Sécurité sociale (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Diċembru 2018 – Caisse pour l'avenir des enfants vs FV, GW

(Kawża C-802/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil supérieur de la Sécurité sociale

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Caisse pour l'avenir des enfants

Konvenuti: FV, GW

Domandi preliminari

L-allowance tal-familja Lussemburgiża mogħtija skont l-Artikoli 269 u 270 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali għandha titqies bħala benefiċċju soċjali fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni? 1 ?

Fil-każ li titqies b’dan il-mod, id-definizzjoni ta’ membru tal-familja applikabbli skont l-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 883/2004 2 tipprekludi d-definizzjoni usa’ ta’ membru tal-familja fl-Artikolu 2(2) 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom peress li din tal-aħħar teskludi kwalunkwe awtonomija tal-Istat Membru fid-definizzjoni ta’ membru tal-familja kuntrarju għal dak stipulat fir-regolament ta’ koordinazzjoni u teskludi sussidjarjament, kull kunċett ta’ dipendenza prinċipali. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha tipprevali minħabba l-ispeċifiċità tagħha fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u fuq kollox għandu l-Istat Membru jżomm il-kompetenza biex jiddefinixxi l-membri tal-familja li huma intitolati għall-allowance tal-familja?

Fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom u, b’mod iktar speċifiku, għall-allowance tal-familja Lussemburgiża, l-esklużjoni tal-wild tal-konjuġi mid-definizzjoni tal-membru tal-familja tista’ titqies diskriminazzjoni indiretta ġġustifikata fid-dawl tal-għan nazzjonali tal-Istat Membru li jistabilixxi d-dritt personali tal-wild u tan-neċessità li tiġi protetta l-amministrazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg, meta meta estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni personali jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli għas-sistema tal-benefiċċji tal-familja Lussemburgiżi, li tesporta, b’mod partikolari, kważi 48% tal-benefiċċji tal-familja tagħha ?

____________

1     Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1).

2     Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

3     Direttiva 2004/38/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).