Language of document : ECLI:EU:C:2020:1020

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2020 (1)

Kawża C416/20 PPU

TR

partijiet magħquda:

Generalstaatsanwaltschaft Hamburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri — Artikolu 4a —Raġunijiet fakultattivi biex ma ssirx eżekuzzjoni — Direttiva (UE) 2016/343 — Artikoli 8 u 9 — Dritt li wieħed ikun preżenti għal proċess fi proċeduri kriminali — Ħarba tal-persuna akkużata”






1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna eżekuzzjoni ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej, u l-funzjonijiet rispettivi tal-qrati tal-Istat Membru emittenti (f’dan il-każ il-qrati Rumeni) u l-qrati tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni (f’dan il-każ il-qrati Ġermaniżi) li jgħassu għall-konformità tal-Istat Membru emittenti mad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (2). Dan ir-rinviju jqajjem il-kwistjoni dwar jekk għandhomx l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew minħabba ksur mill-Istat Membru emittenti tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata skont id-Direttiva (UE) 2016/343.

2.        Il-każ jikkonċerna ċittadin Rumen li kien ġie kkundannat għal diversi reati mwettqa fir-Rumanija. F’dan il-kuntest il-qrati Rumeni kienu ħarġu tliet mandati ta’ arrest Ewropej biex jiksbu l-arrest u l-konsenja tiegħu mill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jeżegwixxu, fir-Rumanija, is-sentenzi li jċaħħdu l-libertà imposti fuqu b’dawk il-kundanni. Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija relatata ma’ tnejn minn dawk it-tliet mandati ta’ arrest u hija, b’mod iktar speċifiku, dwar jekk il-legalità tal-konsenja ta’ persuna detenuta skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (3), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (4) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), tiddependix minn jekk l-Istat Membru emittenti – f’dan il-każ ir-Rumanija – huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 u partikolarment mal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva.

3.        Wasalt għall-konklużjoni li r-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali ma jirrikjedux li l-qorti tar-rinviju għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Din is-sitwazzjoni tibqa’ mhux mibdula bid-Direttiva 2016/343.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

4.        Il-premessi 1, 5, 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(1)      Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u partikolarment il-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali tal-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew mogħtija sentenza finali u proċeduri ta’ l-estradizzjoni għandhom jiġu mħeffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu offiża.

[…]

(5)      […] [L]-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ [konsenja] ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. […]

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE],, determinati mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] bil-konsegwenzi stabbilit fl-Artikolu 7(2) [UE].

[…]”

5.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bit-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprovdi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop tal-arrest u [l-konsenja] minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbura fl-Artikolu 6 [TUE].”

6.        L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi għadd ta’ “[r]aġunijiet għall-obbligazzjoni li [tassattivament] ma jiġix esegwit” mandat ta’ arrest Ewropew. Abbażi tal-fatti kif ippreżentati mil-qorti tar-rinviju, l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija applikabbli għal dan il-każ. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi għadd ta’ “[r]aġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni” ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Bl-istess mod, dawn ma humiex applikabbli għal dan il-każ.

7.        Qabel ma kienet ġiet emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kienet tinkludi dispożizzjoni, jiġifieri l-Artikolu 5(1), li kien jgħid li meta jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew biex tiġi eżegwita sentenza jew ordni ta’ detenzjoni imposti b’deċiżjoni mogħtija in absentia, u meta l-persuna konċernata ma tkunx ġiet imħarrka personalment jew xort’oħra mgħarrfa dwar id-data u l-post tas-smigħ, il-konsenja tagħha tista’ jkun suġġetta għal assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti li l-persuna tkun tista’ tapplika għal proċeduri mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti fejn hija setgħet tkun preżenti. L-artikolu 5(1) tħassar bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li fiha ddaħħal l-Artikolu 4a li jitkellem dwar il-kwistjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija in absentia.

8.        Il-premessa (1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tgħid:

“Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-kawża huwa inkluż fid-dritt għal proċess imparzjali previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [(5)], kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti ddikjarat ukoll li dan id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża mhuwiex assolut u li taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt.”

9.        L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 bit-titolu “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment” jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)      fi żmien debitu:

(i)      jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)      kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b)      konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

[…]”

2.      Id-Direttiva 2016/343

10.      Il-premessi 9, 33, 35, 44 u 47 tad-Direttiva 2016/343 jgħidu:

“(9)      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess imparzjali fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

[…]

(33)      Id-dritt għal proċess imparzjali huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi f’soċjetà demokratika. Id-dritt ta’ persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess huwa bbażat fuq dak id-dritt u għandu jiġi żgurat fl-Unjoni kollha.

[…]

(35)      Id-dritt tal-persuni suspettati u akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess mhuwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuni suspettati u akkużati għandhom ikunu jistgħu, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, jirrinunzjaw għal dak id-dritt.

[…]

(44)      Il-prinċipju tal-effettività tal-liġi tal-Unjoni jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu rimedji xierqa u effettivi fil-każ li jkun hemm ksur ta’ dritt mogħti lill-individwi bil-liġi tal-Unjoni. Rimedju effettiv disponibbli fil-każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva għandu, sa fejn hu possibbli, ikollu l-effett li jpoġġi lill-persuni suspettati jew akkużati fl-istess pożizzjoni li kienu jsibu ruħhom fiha li kieku ma kienx seħħ il-ksur, bil-ħsieb li jkunu protetti d-dritt ta’ proċess imparzjali u d-drittijiet tad-difiża.

[…]

(47)      Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta u fil-KEDB, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-drittijiet tat-tfal, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Għandu jiġu kkunsidrat, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jgħid li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, u li jgħid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.”

11.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/343, bit-titolu “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

[…]

(b)      id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

12.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343, bit-titolu “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.      Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

4.      Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.

[…]”

13.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva bit-titolu “Id-dritt għal proċess mill-ġdid” hija fformulata kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”

14.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva bit-titolu “Rimedji” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati.

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

15.      L-Artikolu 83 tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar Assistenza Internazzjonali Reċiproka f’Materji Kriminali) (iktar ’il quddiem l-“IRG”) fil-verżjoni ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 1994 (6), kif l-aħħar emendata bl-Artikolu 4 tal-Liġi tal-10 ta’ Diċembru 2019 (7), li tittrasponi l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jipprevedi, fit-taqsima (1)(3), li estradizzjoni bbażata fuq mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex permissibbli meta l-persuna kkundannata ma tkunx dehret personalment għall-proċeduri li jkunu wasslu għas-sentenza. F’ċerti ċirkustanzi, li huma elenkati fl-Artikolu 83(2), (3) u (4) tal-IRG, l-estradizzjoni ta’ persuna li ma tkunx hekk dehret għall-proċeduri tkun, madankollu permissibbli b’eċċezzjoni għar-regola prinċipali stabbilita fl-Artikolu 83(1)(3).

16.      L-Artikolu 83 tal-IRG huwa fformulat kif ġej:

“[…]

(2)      Madankollu l-estradizzjoni hija, b’eċċezzjoni għall-[Artikolu 83](1)(3), permissibbli, meta

1. Il-persuna kkundannata

a) fi żmien debitu

aa) kienet imħarrka personalment għas-seduta, li tkun tat lok għas-sentenza jew

bb) b’mezzi oħra tkun fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik is-seduta li tat lok għas-sentenza, b’tali mod li jkun ġie stabbilit inekwivokabbilment li l-persuna kkundannata kienet taf bis-seduta skedata,

u

b) kienet infurmata li kienet tista’ tingħata deċiżjoni kemm fil-preżenza kif ukoll fl-assenza tagħha,

2.      Il-persuna kkundannata, li kienet taf bil-proċeduri kontriha, li fihom ikun ħa sehem l-avukat difensur tagħha bħala akkużata, tkun evitat taħrika personali billi ħarbet, jew

[…]”

II.    Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

17.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, TR huwa ċittadin Rumen li kien ġie kkundannat minn qrati Rumeni għal diversi reati mwettqa fir-Rumanija. F’dan il-kuntest, qrati Rumeni ħarġu tliet mandati ta’ arrest Ewropej biex jeżegwixxu sentenzi li jċaħħdu l-libertà imposti bi tliet sentenzi differenti mogħtija minn żewġ qrati Rumeni differenti.

18.      Tnejn minn dawk il-mandati ta’ arrest huma rilevanti għal dan il-każ. Fil-każijiet marbuta ma’ kull wieħed minn dawk il-mandati, l-awtoritajiet Rumeni ppruvaw iżda ma rnexxielhomx jinnotifikaw lil TR dwar il-proċeduri fl-ewwel istanza. Fiż-żewġ każijiet huma ppruvaw iħarkuh personalment fl-aħħar indirizz magħruf tiegħu fir-Rumanija. Tħallew avviżi uffiċjali tat-taħrikiet fl-indirizz ta’ TR, biex b’hekk it-taħrikiet, skont il-liġi Rumena, tqiesu li kienu ġew innotifikati wara li kienu għaddew għaxart ijiem.

19.      Għalkemm ma tħarrikx personalment TR kien jaf dwar il-proċeduri fl-ewwel istanza u f’kull waħda miż-żewġ każijiet huwa għażel, ħatar u ta mandat lil avukat biex jiddefendih u, f’kull wieħed miż-żewġ każijiet, fil-fatt, kien iddefendut mill-avukat magħżul minnu. Madankollu, TR ma kienx preżenti fil-qorti u eventwalment ġie kkundannat in absentia.

20.      Iż-żewġ każijiet ġew appellati. Għall-inqas f’wieħed minn dawk il-każijiet, l-appell kien ippreżentat mill-avukat magħżul u awtorizzat minn TR biex jiddefendih fil-kawża fl-ewwel istanza. Iċ-ċirkustanzi fiż-żmien tal-appelli ma humiex għalkollox ċari mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fiż-żewġ każijiet TR kien irrappreżentat minn avukat maħtur mill-qorti.

21.      TR mar il-Ġermanja fl-2018 u għal ftit żmien, mid-29 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Jannar 2019 huwa rreġistra uffiċjalment bħala li kien residenti f’Bad Nauheim f’Hessen. Skont dikjarazzjoni ta’ persuna li takkumpanjah, TR l-ewwel għex f’Hessen u wara, minn madwar Mejju 2019, f’Hamburg, mingħajr ma seta’ jirreġistra l-indirizzi tiegħu “minħabba li kien imfittex mill-awtoritajiet Rumeni għal għoti ta’ nar” u, għalhekk, kien maħrub. Il-qorti tar-rinviju qieset li din id-dikjarazzjoni kienet affidabbli (8).

22.      Minn meta huwa kkanċella r-reġistrazzjoni tiegħu fl-indirizz reġistrat f’Bad Nauheim u sakemm ġie arrestat, TR ma kellux indirizz irreġistrat uffiċjalment. Meta ġie arrestat huwa kellu fuqu dokumenti ta’ identità personali li kienu ta’ persuna oħra, li huwa sostna li kienu ta’ ħuh. Ma tax raġuni għala kellu fuqu dawk id-dokumenti ta’ identità u, skont tagħrif mogħti mill-pulizija, TR kien ta’ sikwit juża l-identità ta’ ħuh ieħor.

23.      Minn dawn iċ-ċirkustanzi l-qorti tar-rinviju kkonkludiet li TR kien ħarab mir-Rumanija u kien qiegħed jevita fil-Ġermanja s-sentenzi li jifformaw il-bażi taż-żewġ mandati ta’ arrest Ewropej li huma rilevanti għal dan il-każ.

24.      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2020, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-kundizzjonijiet għal estradizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 83(2)(2) tal-IRG kienu ssodisfatti fil-każ ta’ TR. Hija qieset li, filwaqt li huwa kien jaf bil-proċeduri li fuqhom kienu bbażati l-mandati ta’ arrest Ewropej, TR kien ħarab lejn il-Ġermanja u b’hekk huwa evita t-taħrikiet personali tiegħu. Il-qorti tar-rinviju qieset ukoll, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Rumeni, li l-persuna akkużata kienet irrappreżentata minn avukat tal-għażla tagħha fiż-żewġ proċeduri fl-ewwel istanza, u minn avukat maħtur mill-qrati tal-appell fiż-żewġ proċeduri ta’ appell. Għalhekk il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-estradizzjoni ta’ TR skont dawk iż-żewġ mandati ta’ arrest Ewropej kienet permissibbli skont il-liġi Ġermaniża li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

25.      B’deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2020 il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba ta’ TR biex hija tqis mill-ġdid id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2020. L-avukat ta’ TR issottometta li l-estradizzjoni ta’ TR, fin-nuqqas ta’ garanzija li TR jinfetħulu mill-ġdid il-proċeduri, tkun illegali skont l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, u xeħet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 83(2)(2) tal-IRG mad-Direttiva 2016/343.

26.      Il-qorti tar-rinviju issa għandha l-inkarigu tiddetermina jekk id-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Mejju 2020 għandhiex tissussisti, jew jekk l-estradizzjoni ta’ TR għandhiex tkun iddikjarata illegali.

27.      F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Hanseatisches Oberlandesgericht f’Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-estradizzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kontra persuna kkundannata fil-kontumaċja minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/343, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-legalità tal-estradizzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-hekk imsejħa ‘ħarba’, tiddependi mill-osservanza, mill-Istat li jagħmel it-talba, tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva?” (9)

28.      Fit-23 ta’ Settembru 2020 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tittratta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont il-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tistieden lir-Rumanija tippreżenta bil-miktub l-informazzjoni rilevanti kollha dwar dan il-każ skont Artikolu 109(3) tar-regoli tal-Proċedura.

30.      Osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari kienu sottomessi mill-Generalstaatsanwaltschaft Hamburg, mir-Rumanija u mill-Kummissjoni. TR, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Polonja ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2020.

III. Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

31.      Għalkemm id-domanda kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, dak li l-qorti tar-rinviju tabilħaqq qiegħda tistaqsi huwa jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 u b’mod iktar speċifiku, jekk l-Artikoli 8 u 9 tagħha, jolqtux l-applikazzjoni tar-raġunijiet fakultattivi biex ma ssirx eżekuzzjoni skont l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għal din ir-raġuni nqis li jkun siewi li, fl-ewwel lok, nindirizza d-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4a tagħha u ċ-ċirkustanzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dmir tal-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni li “ittemm il-proċeduri ta’ ċediment”, qabel ma ngħaddi għal analiżi tad-Direttiva 2016/343 u, fl-aħħar nett, l-interrelazzjoni bejn dawn it-tnejn.

B.      Id-Deċiżjoni Qafas

1.      Osservazzjonijiet ġenerali

32.      Kif iddeċidiet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huma, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ importanza fundamentali minħabba li jippermettu tinħoloq u tinżamm żona mingħajr fruntieri. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jitlob, partikolarment fir-rigward tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, li kull wieħed minn dawk l-Istati, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, iqis li l-Istati Membri l-oħra kollha huma konformi mad-dritt tal-Unjoni u partikolarment mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni (10).

33.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa l-bażi tal-koperazzjoni ġudizzjarja, ifisser li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, obbligati jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi tali mandat biss f’każijiet eċċezzjonali, elenkati b’mod eżawrjenti, fejn l-eżekuzzjoni ma tkunx tista’ ssir tassattivament, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, jew fejn l-eżekuzzjoni tkun fakultattiva, kif stabbilit fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn dan, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun tista’ ssir suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas (11).

2.      Raġunijiet espliċiti biex ma ssirx eżekuzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

34.      Kif imsemmi fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tliet dispożizzjonijiet dwar “raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit” mandat ta’ arrest Ewropew. L-ebda waħda mir-raġunijiet obbligatorji tal-Artikolu 3 biex ma ssirx eżekuzzjoni, jew mir-raġunijiet fakultattivi tal-Artikolu 4 biex ma ssirx eżekuzzjoni, ma hija applikabbli għal dan il-każ. Id-dispożizzjoni rilevanti għal dawn il-proċeduri hija l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, li tipprovdi “raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit” mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 4a jipprovdi fir-rigward ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa biex tiġi eżegwita sentenza li ċċaħħad il-libertà jew ordni ta’ detenzjoni, li l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni “tista’” tiċħad l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jekk il-persuna inkwistjoni ma tidhirx personalment għall-proċess li jagħti lok għad-deċiżjoni, sakemm ma tkunx tapplika waħda mid-diversi eċċezzjonijiet. Skont dawn l-eċċezzjonijiet, jekk tkun issodisfatta waħda mill-erba’ kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a)-(d), l-eżekuzzjoni tal-konsenja tkun obbligatorja. Din il-bidla fil-liġi mis-sistema legali li kien hemm skont il-miżuri tal-Unjoni fis-seħħ qabel (12) kienet maħsuba biex tiffaċilita l-konsenja (13). Il-bidla neħħiet ukoll l-inkarigu minn fuq l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni li tiddeċiedi kemm tkun “adegwata” assigurazzjoni mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja li toħroġha. L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għalhekk, ma jimponi ebda obbligu fuq l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni biex tastjeni milli ċċedi persuna meta l-persuna ma tkunx dehret personalment għall-proċeduri tagħha. Jippermetti biss lill-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tagħmel hekk, u biss jekk ma jkunux japplikaw l-eċċezzjonijiet għar-raġunijiet tal-Artikolu 4a biex ma ssirx eżekuzzjoni fakultattiva. Jekk ikunu ġew issodisfatti l-kriterji ta’ waħda jew iktar minn dawk l-eċċezzjonijiet, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tibqa’ obbligata teżegwixxi l-konsenja tal-persuna inkwistjoni, ukoll jekk il-persuna ma tkunx dehret personalment għall-proċeduri tagħha.

3.      L-eżekuzzjoni taż-żewġ mandati ta’ arrest Ewropej hija permissibbli skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584

35.      Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, TR kien irrappreżentat minn avukat tal-għażla tiegħu u awtorizzat minnu fiż-żewġ proċeduri rilevanti fl-ewwel istanza. Għalhekk, dawk il-proċeduri jidher li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u kieku dawk il-proċeduri kienu l-uniċi rilevanti, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kienet tkun waħda obbligatorja.

36.      Madankollu, iż-żewġ każijiet ġew appellati. Ma huwiex ċar mid-dokumenti li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-proċeduri ta’ appell f’dawk iż-żewġ każijiet Rumeni kinux jikkwalifikaw bħala “proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-insenjament tagħha fis-sentenza Tupikas (14) u, għalhekk, kienu “id-deċiżjoni[jiet] ġudizzjarj[i] mogħtija fi tmiem it-tieni fażi proċedurali u li tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża fir-rigward tal-mertu” (15) skont it-tifsira ta’ dik il-ġurisprudenza. Jekk il-każijiet appellati huma “il-proċessi li jistgħu jirriżultaw f’deċiżjonijiet”, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, allura dawk huma l-proċeduri li għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a)-(d) biex l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej tkun obbligatorja. Jekk il-każijiet fl-appell ma humiex “il-proċessi li jistgħu jirriżultaw fid-deċiżjonijiet” – li jista’ jkun il-każ għal appelli purament dwar punti ta’ dritt – allura aktarx jidher li l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej tkun obbligatorja. Ma huwiex ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju jekk l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti Rumeni tippermettix li jkun stabbilit hekk.

37.      Madankollu, kif il-każ huwa ppreżentat mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha sitwazzjoni fejn il-konsenja ta’ TR – fil-fehma tal-qorti tar-rinviju u skont l-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ u b’kunsiderazzjoni tal-informazzjoni inkluża fil-mandat ta’ arrest Ewropew u tar-risposti mill-awtoritajiet Rumeni għad-domandi tagħha – hija fakultattiva skont Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u fejn il-konsenja hija permissibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju hija wkoll tal-fehma li abbażi tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawk l-istess fatti, TR jirriskja li jiffaċċja ksur tad-drittijiet tiegħu skont id-Direttiva 2016/343 jekk ma jingħatax l-opportunità ta’ proċeduri mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti (ir-Rumanija), li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti (Rumeni) irrifjutaw li jiggarantixxu u, għalhekk hija tistaqsi jekk jeħtiġilhiex twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropew biex tirrifjuta li tapplika l-konsenja fakultattiva (16) ta’ TR f’każ fejn hija konvinta li jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet ta’ TR skont id-Direttiva 2016/343.

4.      Is-sentenza Melloni tal-Qorti tal-Ġustizzja

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tinterpreta l-kompatibbiltà tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mar-rekwiżiti tal-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta fil-kuntest ta’ eċċezzjoni għar-regola ta’ konsenja fakultattiva għal kundanni in absentia. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Melloni (17) il-persuna kkundannata kienet irrappreżentata kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell minn avukat magħżul u awtorizzat minnha. Il-konsenja tal-persuna mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni (Spanjoli) lill-Istat Membru emittenti (l-Italja) kienet, għalhekk, obbligatorja, mhux fakultattiva, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

39.      Minkejja li d-dispożittiv tas-sentenza Melloni tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa fformulat bħallikieku kien ikopri kull konsenja skont l-Artikolu 4a(1) (18), is-sentenza għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda biss il-każijiet – mhux bħal dan il-każ – fejn il-konsenja tkun obbligatorja, u mhux fakultattiva, jiġifieri, il-każijiet fejn tapplika waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a)-(d). Is-sentenza ma tistax tinftiehem bħala li tkopri kull konsenja fakultattiva li l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jista’ jippermetti skont id-diskrezzjoni tiegħu mingħajr ma jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a)-(d). Dan jirriżulta wkoll tassew ċar mill-analiżi ddettaljata tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 47 sa 54 ta’ dik is-sentenza.

40.      Kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a)-(d), jiġifieri li l-proċeduri li huma l-bażi tal-mandati ta’ arrest Ewropej ikunu konformi mas-salvagwardji proċedurali f’waħda minn dawk l-eċċezzjonijiet, is-sentenza Melloni li “l-Artikolu 4a(1) […] huwa kompatibbli mar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta” tkun applikabbli. Il-konklużjoni tkun li ma jkunx inkiser id-dritt fundamentali ta’ TR għal smigħ xieraq, inkluż id-dritt tiegħu li huwa jkun preżenti fil-proċeduri.

41.      Kif kien diskuss fil-punti 36 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa possibbli li tkun tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet (a) jew (b) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 4a (għalkemm dan ma huwa bl-ebda mod ċar). Minħabba li l-qorti tar-rinviju bbażat id-domanda tagħha fuq il-premessa li eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni hija rregolata mir-raġunijiet fakultattivi biex ma ssirx eżekuzzjoni, ser nipproċedi fuq dik l-assunzjoni.

5.      Każijiet eċċezzjonali fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ “ġġib fi tmiemha l-proċedura ta’ konsenja stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584”

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’għadd limitat ta’ każijiet dwar ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-persuni konċernati, irrikonoxxiet “taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ttemm il-proċedura ta’ konsenja stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584” (19).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet bażi għal din id-deroga eċċezzjonali mir-regoli tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li jgħid li d-Deċiżjoni Qafas “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [UE]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll fil-ġurisprudenza tagħha li l-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ fiduċja reċiproka jistgħu jkunu limitati f’ċirkustanzi eċċezzjonali (20).

44.      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, skont il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew bħala tali tista’ tiġi sospiża jekk ikun hemm ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE (21).

45.      Abbażi ta’ dan il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ċerti standards li l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha tosserva fl-eżami mill-ġdid li tagħmel meta jkollha quddiemha riskju li d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata jkunu jistgħu jinkisru mill-Istat Membru emittenti fil-każ tal-konsenja tagħha. Fil-kuntest ta’ ksur potenzjali tal-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti tal-Artikolu 4 tal-Karta mill-Istat Membru emittenti, dawk l-istandards jeżiġu li l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tinvestiga ulterjorment meta jkun hemm “elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati” li jixhdu l-eżistenza ta’ nuqqasijiet u mbagħad “tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġiegħluha temmen” li l-persuna konċernata tkun esposta għal riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali (22). Jekk dan ikun il-każ, allura l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha titlob “l-informazzjoni addizzjonali” mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti u tipposponi d-deċiżjoni tagħha fuq il-konsenja sakemm tikseb “l-informazzjoni addizzjonali li tippermettilha teskludi l-eżistenza ta’ tali riskju.” Jekk ir-riskju ma jkunx jista’ jiġi eskluż fi żmien raġonevoli, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi “jekk għandhiex tintemm il-proċedura ta’ konsenja” (23).

46.      Id-determinazzjoni tar-riskju ta’ ksur ta’ dritt fundamentali, għandha ssir fuq bażi individwali. Fil-kuntest ta’ ksur potenzjali tal-projbizzjoni ta’ trattament inuman u degradanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaftli “biss il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-istabbilimenti penitenzjarji li fihom ikun probabbli li [l-persuna konċernata] tkun ser tinżamm” għandhom ikunu eżaminati għal dan il-għan, u “il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni konkreti u preċiżi tal-persuna kkonċernata li jkunu rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk hija tkunx ser tgħaddi minn riskju reali ta’ trattament inuman jew degradant” (24)

47.      Fil-kuntest ta’ ksur potenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Minister for Justice and Equality (25) essenzjalment applikat l-istess standard bħal fil-Kawża Aranyosi u Căldăraru (26) wara li kkonstatat fl-ewwel lok, li riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u, għalhekk, “l-essenza tad-dritt fundamentali għal proċess imparzjali [smigħ xieraq]” kif iggarantit mill-Artikolu 47(2) tal-Karta, bħalma jkun riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, seta’ jippermetti lill-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni li, bħala eċċezzjoni, ma teżegwixxix mandat ta’ arrest Ewropew, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (27).

48.      L-elementi komuni ta’ dik il-ġurisprudenza huma, għalhekk, l-ewwel, il-preżenza ta’ “provi” jew “elementi” esterni – li għandhom ikunu “oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati” u li, fil-każijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 4 tal-Karta, jikkonsistu f’sentenzi mogħtija mill-QEDB u, fil-każ li jirrigwarda l-Artikolu 47(2) tal-Karta, kienet il-proposta motivata tal-Kummissjoni (28) – li għandhom juru “in-nuqqasijiet” li jistgħu jagħtu lok għal riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali inkwistjoni u, it-tieni, li jiġi ddeterminat b’mod individwali li għall-persuna kkonċernata jista’ jkun hemm riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha jekk tiġi kkonsenjata, skont iċ-ċirkustanzi individwali ta’ dik il-persuna.

C.      Il-kontenut tad-dritt fundamentali li persuna tkun preżenti għal proċeduri, kif iggarantit bl-Artikolu 47(2) tal-Karta u bl-Artikolu 6(1) KEDB

49.      L-Artikolu 47 tal-Karta huwa intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”. Il-paragrafu 2 jipprovdi li “Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.” L-Ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (29) jinnotaw li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq (30). L-Artikolu 52 tal-Karta, bit-titolu “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji” jipprovdi fil-paragrafu 3 li “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

50.      Id-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċeduri jifforma parti mill-qofol tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja u l-QEDB iddeċidew b’mod konsistenti, kull persuna akkużata tista’ tirrinunzja għad-dritt tagħha li tkun preżenti għal smigħ, espliċitament jew impliċitament permezz ta’ mġibtha (31), bħal meta l-persuna tipprova tevadi l-proċeduri. Kif qalet il-QEDB, “ikun hemm ċaħda tal-ġustizzja […] meta persuna kkundannata in absentia ma tkunx tista’ sussegwentement tikseb minn qorti li tkun semgħetha eżami mill-ġdid tal-merti tal-akkuża, fir-rigward kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt, fejn ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li tidher u li tiddefendi lilha nnifisha […] jew li hija kienet biħsiebha tevadi l-proċeduri” (32).

51.      Il-QEDB ikkonstatat ukoll li jekk il-persuna kkundannata in absentia ma tkunx ġiet innotifikata b’avviż uffiċjali, tinqala’ l-kwistjoni dwar jekk hija tkunx tista’ titqies li kienet taf biżżejjed bil-prosekuzzjoni tagħha u bil-proċeduri kontriha biex tkun tista’ tiddeċiedi li tirrinunzja għad-dritt tagħha li tidher quddiem il-qorti, jew li tevadi l-ġustizzja, u ddeċidiet li “ċerti fatti stabbiliti jistgħu jipprovdu indikazzjoni inekwivoka li l-akkużat jaf li hemm proċeduri kriminali kontrih [jew kontriha] u xi tkun l-akkuża u l-kawża tagħha u ma jkunx biħsiebu jieħu sehem fil-proċess jew ikun jixtieq jevadi l-prosekuzzjoni” (33).

52.      Din il-ġurisprudenza tal-QEDB, madankollu, tirrigwarda kawżi fl-istadju tal-ewwel istanza. Dwar kawżi fl-appell, il-protezzjoni tad-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċeduri huwa kunsiderevolment iktar limitat. Wieħed jinnota li l-ġurisprudenza tal-QEDB tiddistingwi sitwazzjonijiet fejn il-proċeduri ta’ appell ikunu jinvolvu biss kwistjonijiet ta’ dritt minn kawżi li fihom il-qorti tal-appell tkun tista’ teżamina kemm il-fatti kif ukoll il-liġi biex tevalwa b’mod sħiħ il-kwistjoni tal-ħtija jew tal-innoċenza. Fl-ewwel każ, ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 KEDB ukoll jekk l-appellant ma jingħatax l-opportunità jinstema’ personalment, sakemm ikun sar smigħ pubbliku fl-ewwel istanza (34). Fit-tieni każ, u b’mod partikolari fejn il-qorti tal-appell tintalab iżżid is-sentenza, il-preżenza tal-akkużat aktarx tkun iktar indispensabbli (35).

53.      Il-fatti kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jagħtux dettalji dwar in-natura tal-proċeduri tal-appell fil-kawżi li jikkonċernaw lil TR. Għaldaqstant, ma huwiex ċar b’liema standard għandhom jiġu ġġudikati d-dritt tiegħu li jkun preżenti f’dawk il-proċeduri, u l-adegwatezza tal-isforzi tal-awtoritajiet Rumeni biex jinnotifikawh biex jidher f’dawk l-appelli, għall-finijiet tad-dritt fundamentali ta’ TR li jkun preżenti għall-proċeduri, kif iggarantit mill-Artikolu 47(2) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

54.      Madankollu, il-fatti kif ippreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju jsostnu b’mod ċar il-konklużjoni tal-qorti tar-rinviju li TR deliberatament ħarab mill-proċeduri, kemm fir-rigward tal-proċeduri fl-ewwel istanza, kif ukoll fl-appelli, u evada l-arrest. Jidher ukoll li TR kien jaf bil-proċeduri kontrih u bin-natura u l-kawża tal-akkużi. Abbażi ta’ dik il-konklużjoni, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tasal għaliha, id-dritt fundamentali ta’ TR li huwa jkun preżenti għall-proċeduri kif iggarantit bl-Artikolu 47(2) tal-Karta ma kienx jinkiser minħabba sentenza ta’ ħtija in absentia, ikkonfermata fl-appell, u minħabba r-rifjut sussegwenti tal-Istat Membru emittenti li jiggarantilu proċeduri mill-ġdid.

55.      Minħabba li jidher li ma nkiser ebda dritt skont il-fatti kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tistax “ittemm il-proċeduri ta’ [konsenja]” skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Aranyosi u Căldăraru, Generalstaatsanwaltschaft u Minister for Justice and Equality ma hijiex rilevanti.

56.      Madankollu, tibqa’ l-ħtieġa li jiġi analizzat jekk il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2016/343 li tkun taqbeż dik iggarantita mill-Artikolu 47(2) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1) KEDB tillimitax id-diskrezzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni fl-implimentazzjoni tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva kif previst fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

D.      L-istatus tas-salvagwardji addizzjonali tad-dritt li persuna tkun preżenti għal proċeduri previsti fid-Direttiva 2016/343

57.      Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2016/343, l-għan tad-direttiva huwa li ttejjeb id-dritt għal smigħ xieraq billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar, inter alia, id-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċeduri. Billi stabbiliet regoli minimi komuni għall-protezzjoni ta’ drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati, din id-direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali (36).

58.      Isegwi b’mod ċar mill-istruttura tad-Direttiva 2016/343 u mir-rimedji li hija tipprovdi, li sa fejn għandu x’jaqsam id-dritt li wieħed ikun preżenti għal proċeduri, din il-materja tkun indirizzata lill-Istat Membru fejn ikunu qiegħdin isiru jew ikunu saru l-proċeduri. Dak l-Istat biss jista’ jagħti r-rimedju indikat fl-Artikolu 9: proċeduri ġodda.

59.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, b’mod loġiku, jindirizza lill-Istati Membri, minbarra dak l-Istat Membru fejn ikunu saru l-proċeduri u fejn il-persuna tkun ikkundannata. Dawk l-Istati Membri biss jistgħu jikkonsenjaw il-persuna kkonċernata lill-Istat Membru fejn hija tkun ikkundannata.

60.      Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Direttiva 2016/343 mhux biss għandhom destinatarji differenti; huma jirregolaw ukoll suġġetti differenti.

61.      Kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali attwali tad-Direttiva 2016/343 huwa, sa fejn huwa rilevanti għal dan il-każ, limitat għal rekwiżiti minimi għal proċeduri in absentia fl-Istati Membri. Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 għal proċeduri ta’ estradizzjoni jew ta’ konsenja jkun jeħtiġilha ġustifikazzjoni. Il-konformità ma’ regoli minimi applikabbli għal proċeduri nazzjonali, madankollu, ma tkunx tista’ tiġi eżaminata fi proċeduri ta’ estradizzjoni jew ta’ konsenja li jsiru fi Stat Membru ieħor: tali proċeduri sikwit iseħħu taħt pressjoni inerenti ta’ żmien li l-possibbiltà ta’ detenzjoni tal-persuna konċernata ġġib magħha u skont il-limiti naturali tal-kapaċità tal-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni li teżamina mill-ġdid il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ sistema legali oħra, sikwit miktuba f’lingwa barranija, mal-istandards applikabbli tad-dritt tal-Unjoni. Tali eżami mill-ġdid ikun jeċċedi l-iskop ta’ proċeduri ta’ estradizzjoni u jmur kontra l-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku li huwa s-sinsla tal-koperazzjoni ġudizzjarja. Id-dritt tal-estradizzjoni għandu, għalhekk, neċessarjament jibqa’ limitata għal eżami selettiv.

62.      Kif innotat fid-deċiżjoni tar-rinviju, applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 li tillimita d-diskrezzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ukoll ma hijiex sostnuta mill-mod li bih inħolqot id-direttiva. Kif tgħid il-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa ċar mill-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kordinament fil-qasam tal-pulizija u tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ara d-dokument tal-Kunsill 12955/14 tad-9 ta’ Settembru 2014, p. 2 et seq.), li l-Kummissjoni tkellmet favur li jkunu armonizzati r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2016/343 u fid-dritt tal-estradizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li, minkejja l-oqsma regolatorji differenti ta’ kull sett ta’ regoli, l-għan kien li jkunu stabbiliti rekwiżiti minimi għal proċeduri kriminali nazzjonali fit-territorju tal-Unjoni, u r-regoli, għalhekk, kienu intrinsikament relatati:

“Skont il-Kummissjoni, ir-regoli li japplikaw f’każ li l-persuna ma tkunx preżenti għall-proċeduri tagħha huma intrinsikament relatati mad-dritt ta’ dik il-persuna li tkun preżenti għall-proċeduri. Dan id-dritt u l-kriterji biex jiġu ġġudikati persuni suspettati u akkużati meta ma jidhrux għall-proċeduri jkunu ż-żewġ uċuħ tal-istess munita.” (p. 3).

63.      Madankollu, il-ħsieb tal-Kummissjoni ma reġġiex, għax ir-rappreżentanti tal-Istati Membri rreferew għall-oqsma u għall-għanijiet regolatorji differenti u, għalhekk, unanimament irrifjutaw l-estensjoni tal-abbozz tad-direttiva għad-dritt tal-estradizzjoni:

“Tfakkar li d-deċiżjoni qafas ntlaħqet f’kuntest legali ieħor (b’vot unanimu) u li kellha għan ieħor minn dak tal-abbozz kurrenti tad-direttiva (rikonoxximent reċiproku versus regoli minimi stabbiliti). Għalhekk, ma tkunx ħaġa mixtieqa li t-test tad-deċiżjoni qafas jkun traspost fl-abbozz tad-direttiva.” (p. 2).

64.      Għandu jiġi nnotat li d-dritt fundamentali li persuna tkun preżenti għal proċeduri skont l-Artikolu 47(2) tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) KEDB, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-QEDB, huwa kunsiderevolment iktar strett fl-iskop tiegħu meta mqabbel mad-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċeduri skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343. Huwa biss ir-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali iktar strett li wieħed ikun preżenti għal proċeduri, li jista’ jiġġustifika lill-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni li ttemm il-proċeduri ta’ konsenja u mhux l-iskop addizzjonali ta’ dak id-dritt previst mid-Direttiva.

65.      Billi ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, inkluż ksur tad-dritt fundamentali li wieħed ikun preżenti għal proċeduri, kif interpretat mill-QEDB, jista’ jiġġustifika li awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni “ttemm il-proċeduri ta’ [konsenja]”, fil-fehma tiegħi, riskju jew anki tagħrif li Stat Membru ieħor jista’ ma jkunx f’konformità sħiħa ma’ kull aspett tad-Direttiva 2016/343 fihom innifishom ma jiġġustifikawx it-tmiem tal-proċedura ta’ konsenja. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja tenniet b’mod konsistenti li limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għandhom jiġu interpretati ristrettivament (37).

66.      F’każ fejn l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jkollu diskrezzjoni skont l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kont insostni li tali nuqqas ta’ konformità magħruf jew possibbli tal-Istat Membru emittenti ma’ direttiva wkoll ma jillimitax, skont id-dritt tal-Unjoni, id-diskrezzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni milli jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew.

67.      Ir-rimedju għall-persuna kkonċernata, jekk id-dritt tagħha li tkun preżenti għal proċeduri skont id-Direttiva 2016/343 jinkiser b’mod li ma jkunx jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, stabbilit bl-Artikolu 47(2) tal-Karta, ikun dak ta’ proċeduri mill-ġdid fl-Istat Membru fejn il-persuna tkun ikkundannata in absentia. Dan huwa r-rimedju speċifikat fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343.

68.      Dan ma jfissirx li l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni jekk persuni kkundannati in absentia jingħatawx id-drittijiet kollha li huma jkollhom jedd għalihom skont id-Direttiva 2016/343 fl-Istat Membru emittenti, jekk jagħżel li jagħmel hekk. Ifisser biss li meta ma jkunx hemm ksur ta’ dritt fundamentali mħares mid-Direttiva 2016/343, tali kunsiderazzjoni tkun fid-diskrezzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

IV.    Konklużjoni

69.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, l-opinjoni tiegħi hija li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi magħmula mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg):

Fin-nuqqas ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali ma jillimitawx id-diskrezzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni fl-implimentazzjoni tiegħu tar-regoli dwar l-ineżekuzzjoni fakultattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2016, L 65, p. 1.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.


4      ĠU 2009, L 81, p. 24.


5      Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB).


6      BGBl. I p. 1537.


7      BGBl. I p. 2128.


8      Ara t-tieni taqsima tal-punt III(1)(a)(2)(a)(bb) tad-deċiżjoni tar-rinviju (“nach vorläufiger Bewertung glaubhafte und belastbare Angaben”).


9      Għalkemm id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija fformulata bħallikieku kienet dwar “estradizzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali”, huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li hija dwar iċ-ċediment tal-persuna inkwistjoni għall-fini ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li ċċaħħad il-libertà u dwar jekk tali ċediment huwiex legali skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Aktarx jidher li r-riferiment għal “proċeduri kriminali” (“Strafverfolgung”) minflok “biex tkun eżegwita sentenza ta’ li ċċaħħad il-libertà” (‘‘Strafvollstreckung”) huwa żball klerikali.


10      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11      Sentenza fil-kawża Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 79 u 80 u l-ġurisprudenza ċċitata.


12      Jiġifieri l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 qabel ma kienet emendata d-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584 bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2009/299.


13      Ara f’dan ir-rigward, il-premessa 3 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2009/299: “Is-soluzzjonijiet previsti minn dawn id-Deċiżjonijiet Kwadru [Qafas] mhumiex sodisfaċenti f’ każijiet meta l-persuna ma setgħetx tiġi informata bil-proċedimenti. […] Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri […] tippermetti lill-awtorità tal-eżekuzzjoni li titlob lill-awtorità emittenti sabiex tagħti assigurazzjoni meqjusa xierqa sabiex tiggarantixxi lill-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew li hi ser ikollha opportunità sabiex tapplika għal kawża mill-ġdid tal-każ fl-Istat Membru emittent u li tkun preżenti meta tingħata s-sentenza. Hija l-awtorità tal-eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kwisjoni kemm tali assigurazzjoni hi adegwata u għalhekk hu diffiċli li wieħed ikun jaf bl-eżatt meta l-eżekuzzjoni tistà tiġi miċħuda.”


14      Sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 81. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tupikas “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fil-kuntest ta’ proċeduri li jkunu seħħew f’diversi istanzi huwa “l-istanza li wasslet għall-aħħar [deċiżjoni], sakemm il-qorti inkwistjoni tkun iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata […] wara eżami ta’ fatt u ta’ dritt […] li jkun abbażi tal-provi kemm inkriminanti u skaġunanti […]”


15      Idem, punt 83.


16      Fakultattiv skont l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584.


17      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C‑399/11, EU:C:2013:107).


18      Il-punt 2 tad-dispożittiv jaqtagħha li “L-Artikolu 4a(1) […] huwa kompatibbli mar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta […]”.


19      Sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 and C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198); tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 44) u tal-25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 57). (Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona - Kawża Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:925, punti 39, 40 u 44).


20      Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet 2/13 (L-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191, u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 and C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 81) u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 70).


22      Sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 4 tad-dispożittiv, dwar ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta minħabba trattament inuman u degradanti kkawżat minn kundizzjonijiet fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni Rumeni u Ungeriżi, u tal-25 ta’ Lulju 2018Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 60 u 62).


23      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 104 tad-dispożittiv.


24      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018,Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, it-tieni u t-tielet subinċiż tad-dispożittiv).


25      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586.


26      L-istandard espress fis-sentenza Minister for Justice and Equality jeħtieġ “elementi li huma oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati”, mentri l-istandard espress fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru kien jeħtieġ “provi” li jissodisfaw dak l-istandard. L-indikazzjonijiet ta’ ksur ta’ dritt fundamentali fis-sentenza Aranyosi u Căldăraru kienu iktar konklużivi minn dawk fis-sentenza Minister for Justice and Equality, peress li dawk tal-ewwel kienu sentenzi tal-QEDB li kkonkludew li kien hemm ksur tal-Artikolu 3 KEDB tal-aħħar kienet proposta motivata mill-Kummissjoni li kkonkludiet li kien hemm ksur tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja.


27      Ara l-analiżi estensiva fil-punti 47-59 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586.


28      Il-proposta motivata tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2017 ippreżentata skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istat tad-dritt fil-Polonja (COM(2017) 835 final).


29      ĠU 2007, C 303, p. 17.


30      Ara f’dan ir-rigward anki s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, il-paragrafu 33 u l-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.


31      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 49); tat-13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 37); QEDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, § 86 (“la l-ittra u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ma jżomm persuna milli tirrinunzja volontarjament, b’mod espress jew taċitu, il-jedd għall-garanziji għal proċess imparzjali”); ara wkoll QEDB, 30 ta’ Novembru 2000, Kwiatkowska vs. L-Italja, CE:ECHR:2000:1130DEC005286899, fl-istess rigward.


32      QEDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs. L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, § 82 (enfasi miżjuda).


33      QEDB, 1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja,CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, § 98 u 99] Fi QEDB, 26 ta’ Jannar 2017, Lena Atanasova vs. Il-Bulgarija, CE:ECHR:2017:0126JUD005200907, § 52, Il-QEDB ikkonstatat li l-persuna akkużata kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li tkun preżenti għall-proċeduri, liema preżenza hija ggarantita bl-Artikolu 6(1) KEDB, f’ċirkustanzi fejn il-persuna kienet tkun ġiet mgħarrfa kif imiss li kien hemm il-proċeduri kriminali u l-akkużi miġjuba kontriha; hija tkun ikkonfermat iċ-ċirkustanzi fattwali u ddikjarat li hija nnifisha kienet lesta tiftiehem dwar it-termini tal-ħtija tagħha; u wara tkun telqet mill-indirizz li hija qabel kienet indikat lill-awtoritajiet mingħajr ma kkomunikat il-bidla fl-indirizz, u fejn l-awtoritajiet kienu għamlu sforzi raġjonevoli biex jiżguraw il-preżenza tagħha għall-proċeduri.


34      QEDB, 22 ta’ Frar 1984, Sutter vs L-Isvizzera, CE:ECHR:1984:0222JUD000820978, § 30.


35      QEDB, 6 ta’ Lulju 2004, Dondarini vs. San Marino, CE:ECHR:2004:0706JUD005054599 § 27.


36      Premessa 10 tad-Direttiva 2016/343.


37      Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑216/18 PPU, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:517, punt 73 u s-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).