Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Ġermanja) fis-27 ta’ Mejju 2020 – OC vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-222/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wiesbaden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: OC

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Domandi preliminari

L-Artikoli 21 u 67(2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 2(3) tal-Gesetzes über die Verarbeitung von Fluggastdaten zur Umsetzung der Richtlinie 2016/681 (il-Liġi dwar l-Ipproċessar tad-Data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri li Tittrasponi d-Direttiva 2016/681), tas-6 ta’ Ġunju 2017 (BGBl. I, p. 1484), kif emendata bl-Artikolu 2 tal-Gesetzes vom 6. Juni 2017 (il-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 2017) (BGBl, p. 1 484) (iktar ’il quddiem il-“FlugDaG”)) li, b’applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/681 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva PNR”), tipprovdi li t-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu data komprensiva dwar il-passiġġieri kollha, mingħajr ebda eċċezzjoni, anki fir-rigward ta’ titjiriet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, lill-unitajiet ċentrali responsabbli għad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri innominati mill-Istati Membri u dan f’sitwazzjoni fejn, bl-eċċezzjoni tar-riżervazzjoni tat-titjira, id-data tinħażen mingħajr ġustifikazzjoni u tintuża għal paragun ma’ databases u mudelli, u mbagħad ikollha tinżamm?

Mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li dispożizzjoni legali nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 4(1) tal-FlugDaG) li tittrasponi l-punt 9 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva PNR, ikkunsidrat flimkien mal-Anness II tagħha, għandha telenka b’mod eżawrjenti u definittiv id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt kriminali nazzjonali li japplikaw għar-reati msemmija fid-Direttiva PNR?

L-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ Stat Membru (f’dan il-każ l-Artikolu 6(4) tal-FlugDaG) li tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn iwettqu kompiti marbuta mal-prosekuzzjoni ta’ reati, jipproċessaw id-data PNR ikkomunikata anki għal għanijiet differenti mill-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, meta jkollhom intelligence, inkluża informazzjoni addizzjonali, li tiġġustifika suspett fir-rigward ta’ reat speċifiku ieħor?

Il-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva PNR li tippermetti dispożizzjoni legali nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 2(3) tal-FlugDaG) li tipprovdi li d-Direttiva PNR għandha tiġi applikata anki għal titjiriet fi ħdan l-Unjoni, b’tali mod li d-data PNR tinġabar darbtejn fi ħdan l-Unjoni (sa fejn kemm il-pajjiż tat-tluq u kemm il-pajjiż tal-wasla jiġbru d-data PNR), hija kompatibbli, fid-dawl tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Fil-każ li d-Direttiva PNR ma tiksirx liġi ta’ livell superjuri (ara d-digriet tal-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja) tat-13 ta’ Mejju 2020 bir-referenza 6 K 805/19.WI) u hija għalhekk applikabbli:

L-Artikolu 7(4) u (5) tad-Direttiva PNR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ Stat Membru (f’dan il-każ l-Artikolu 6(4) tal-FlugDaG) li tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn iwettqu kompiti marbuta mal-prosekuzzjoni ta’ reati, jipproċessaw id-data PNR ikkomunikata anki għal għanijiet differenti mill-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, meta jkollhom intelligence, inkluża informazzjoni addizzjonali, li tiġġustifika suspett fir-rigward ta’ reat speċifiku ieħor (l-hekk imsejħa “qabda inċidentali”)?

Hija kompatibbli mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva PNR prassi ta’ Stat Membru li tinvolvi l-inklużjoni fil-lista ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva PNR ta’ awtorità (f’dan il-każ il-Bundesamt für Verfassungsschutz (l-Uffiċċju Federali għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, il-Ġermanja)) li, skont id-dritt nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 5(1) flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-Gesetzes über die Zusammenarbeit des Bundes und der Länder in Angelegenheiten des Verfassungsschutzes und das Bundesamt für Verfassungsschutz (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Istat Federali u l-Länder fil-Qasam tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni u l-Uffiċċju Federali għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni)), ma għandhiex kompetenzi taż-żamma tal-ordni fid-dawl tar-rekwiżit tas-separazzjoni tal-poteri fuq livell nazzjonali?

____________

1 Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132).