Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2018 minn Päivi Leino-Sandberg mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-20 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-421/17, Leino-Sandberg vs Il-Parlament

(Kawża C-761/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Päivi Leino-Sandberg (rappreżentanti: O. W. Brouwer, advocaat, S. Schubert, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-421/17;

tagħmel użu mis-setgħa tagħha taħt it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti sentenza finali fil-kwistjoni, u

tordna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-proċedimenti, inklużi l-ispejjeż tal-intervenjenti kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: żbalji ta’ liġi fid-digriet ikkontestat fejn jgħid li ma hemmx iżjed skop għall-azzjoni, u għalhekk ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni. L-appellant isostni li d-digriet ikkontestat bi żball ma japplikax it-test legali stabbilit fil-Kawża C-57/16 P, Client Earth vs Il-Kummissjoni (EU:C:2018:660) li skontu imissu kkonkluda li billi l-Parlament Ewropew ma rtirax id-deċiżjoni kkontestata, l-iskop tal-azzjoni baqa’.

It-tieni aggravju: żbalji ta’ liġi u ta’ proċedura fid-digriet ikkontestat fejn jgħid li ma hemmx iktar interess li jinbdew il-proċedimenti. L-appellant isostni li d-digriet ikkontestat japplika b’mod żbaljat it-test legali mniżżel fil-ġurisprudenza stabbilita, inkluż il-Kawża C-57/16 P, fejn kien imissu kkonkluda li l-illegalità tista’ terġa’ sseħħ fil-futur, indipendentement miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, u li għalhekk baqa’ l-interess li jinbdew proċedimenti.

____________