Language of document : ECLI:EU:C:2013:661

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Ottubru 2013 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru  21/2004 – Sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini – Obbligu ta’ identifikazzjoni individwali elettronika – Obbligu li jinżamm reġistru tar-razzett – Validità – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑101/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Herbert Schaible

vs

Land Baden-Württemberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Schaible, minn M. Winkelmüller, Rechtsanwalt,

–        għall-Land Baden-Württemberg, minn C. Taubald, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Candat, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn p. Mahnič Bruni, Z. Kupčová u R. Wiemann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u B. Burggraaf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikoli 3(1), 4(2), 5(1) kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, tas-17 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 91/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 56), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/2008, tat-23 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 256, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 21/2004”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Schaible u l-Land Baden-Württemberg fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet mad-dritt primarju tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikoli 1 u 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138), it-tneħħija tal-kontrolli msemmija fil-fruntieri bejn l-Istati Membri teħtieġ li l-annimali jkunu identifikati b’mod konformi mal-ħtiġiet tar-regoli tal-Unjoni u rreġistrati b’tali mod li l-azjenda, ċentru jew organizzazzjoni ta’ oriġini jistgħu jiġu traċċati.

4        Il-premessi 1, 3, 7 u 11 tar-Regolament Nru 21/2004 jipprovdu:

“(1)      Permezz ta’ l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 90/425/KEE […], l-annimali għall-kummerċ intra-Komunitarju għandhom ikunu identifikati b’konformit mal-ħtiġiet tar-regoli tal-Komunità u għandhom ikunu rreġistrati b’tali mod hekk li l-qasam, iċ-ċentru jew l-organizzazzjoni oriġinali jew tat-transitu jistgħu jkunu ntraċċati. […]

[…]

(3)      Ir-regoli li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini kienu partikolarment ġew stabbiliti fid-Direttiva [tal-Kunsill 92/102/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1992, dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 232)]. Fir-rigward ta' l-annimali ovini u koprini, l-esperjenza, u partikolarment il-kriżi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, kienu wrew li l-implementazzjoni tad-Direttiva 92/102/KEE ma kienetx sodisfaċenti u teħtieġ li tkun imtejba. Fir-rigward ta’ l-annimali ovini u koprini, l-esperjenza, u partikolarment il-kriżi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, kienu wrew li l-implementazzjoni tad-Direttiva 92/102/KEE ma kienetx sodisfaċenti u teħtieġ li tkun imtejba. Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu stabbiliti regoli aktar stretti u speċifiċi, bħal ma diġa kien sar fil-każ ta’ l-annimali bovini bil-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini [u dwar l-ittikkettjar taċ-ċanga u l-prodotti taċ-ċanga, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 248)].

[…]

(7)      Fil-1998 il-Kummissjoni kienet nidiet proġett fuq skala kbira dwar l-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimali (IDEA), u r-rapport finali tagħha kien tlesta fit-30 ta’ April 2002. Il-proġett wera li titjib sostanzjali fis-sistema ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini tista tkun akwistata bl-użu ta’ l-identifikaturi elettroniċi għall-dawk l-annimali, basta li ċerti kondizzjonijiet li jikkonċernaw il-mużuri akkompanjatriċi jkunu ġew imwettqa.

[…]

(11)      L-Istati Membri b’popolazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini relattivament żgħira, l-introduzzjoni tas-sistema ta’ l-identifikazzjoni elettronika tista ben tajjeb ma tkunx ġustifikata; huwa għalhekk rakkommandabbli li dawn l-Istati Membri jitħallew li jgħamlu din is-sistema bħala voluntarja. Dispożizzjoni għandha ssir ukoll għall-proċedura mħaffa li taġġusta l-limiti demografiċi li permezz tagħhom l-identifikazzjoni elettronika tista tkun voluntarja.”

5        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 21/2004 jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

6        Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament:

“Is-sistema ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali għandha tkun tinkludi dawn l-elementi li ġejjin:

a)      il-meżżi ta’ l-identifikazzjoni dwar l-identità ta’ kull annimal;

b)      iż-żamma ta’ reġistri aġġornati f’kull qasam;

ċ)      id-dokumenti taċ-ċaqlieq;

d)      reġistru ċentrali jew database kompjuterizzata.”

7        L-Artikolu 4 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-annimali kollha fuq qasam li jkunu twieldu wara id-9 ta’ Lulju 2005 għandhom ikunu identifikati bi qbil mal-paragrafu 2 fiż-żmien il-perijodu determinat mill-Istat Membru sa mit-twelid ta’ l-annimal u fi kwalunkwe każ qabel l-annimal ma jħalli il-qasam li fih ikun twieled. […]

Bħala deroga, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perijodu, li ma jistgħax ikun, b’dana kollu, jeċċedi disa’ xhur, għall-annimali miżmuma f’kondizzjonijiet estensivi jew fi rziezet tat-tip free-range. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw lill-Kummisjoni bid-derogi mogħtija. Jekk meħtieġ, regoli implementattivi jistgħu jkunu stabbiliti bi qbil mal-proċedura referuta fl-Artikolu 13(2).

2.      a)      L-annimali għandhom ikunu identifikati bl-ewwel meżż ta’ l-identifikazzjoni li tkun konformi mal-ħtiġiet tas-Sezzjoni A.1 sa A.3 ta’ l-Anness, u,

b)      bit-tieni meżż ta’ l-identifikazzjoni li jkun approvat mill-awtorità kompetneti u li jkun konformi mall-karatteristiċi tekniċi elenkati fis-Sezzjoni A.4 ta’ l-Anness.

ċ)      B’dana kollu, sad-data referuta fl-Artikolu 9(3), it-tieni meżż ta’ l-identifikazzjoni jista jkun mibdul bis-sistema stabbilita fis-Sezzjoni A.5 ta’ l-Anness, apparti milli fil-każ ta’ l-annimali involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju.

[…]

3.      B’dana kollu għall-annimali ntiżi għall-qatla qabel l-età ta’ 12 il-xahar u ntiżi la għall-kummerċ intra-Komunitarju u l-anqas għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, il-metodu ta’ l-identifikazzjoni deskritt fis-Sezzjoni A.7 ta’ l-Anness jista jkun awtorizzat mill-awtorità kompetenti bħala meżż alternattiv ta’ l-identifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2.

[…]”

8        Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 21/2004, kull detentur tal-annimali, bl-eċċezzjoni tat-trasportatur, għandu jżomm reġistru aġġornat li jkun fih mill-anqas l-informazzjoni elenkata fis-Sezzjoni B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

9        L-Artikolu 9(3) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Mill- 31 ta’ Diċembru 2009, l-identifikazzjoni elettronika skond il-linji ta’ gwida msemmijin fil-paragrafu 1, u skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Taqsima A ta’ l-Anness, għandha tkun obbligatorja għall-annimali kollha.

B’dana kollu, l-Istati Membri li fihom in-numru totali ta’ annimali ovini u kaprini ikun ta’ 600000 jew anqas, jistgħu jagħmlu li tali identifikazzjoni elettronika tkun voluntarja għall-annimali li ma jkunux involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju.

L-Istati Membri li fihom in-numru totali ta’ annimali kaprini u ikun ta’ 160 000 jew anqas, jistgħu wkoll jagħmlu li tali identifikazzjoni elettronika tkun voluntarja għall-annimali kaprini li ma jkunux involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju.”

10      It-Taqsima A tal-Anness tar-Regolament Nru 21/2004, li jirreferi għaliha l-Artikolu 4 tiegħu li jirrigwarda l-identifikazzjoni individwali, tiddetermina l-mezzi tal-identifikazzjoni u tipprovdi, b’mod partikolari, li dawn il-mezzi għandhom ikunu maħsuba b’mod li mill-inqas jiżguraw marka viżibbli u marka li tista’ tinqara b’mod elettroniku kif ukoll il-karatteristiċi, l-informazzjoni pprovduta mill-kodiċijiet li juru dawn il-mezzi ta’ identifikazzjoni, il-kriterji li għandhom jissodisfaw l-ewwel u t-tieni mezzi tal-identifikazzjoni u l-kriterji tekniċi tad-dispożittivi elettroniċi.

11      It-Taqsima B tal-Anness tar-Regolament Nru 21/2004, li għaliha ssir riferenza fl-Artikolu 5 tiegħu li jirrigwarda r-reġistru tar-razzett, jelenka l-informazzjoni minima li għandu jinkludi fih dan ir-reġistru.

 Il-liġi Ġermaniża

12      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata b’mod konformi mar-Regolament Nru 21/2004, tipprovdi li kull annimal għandu jiġi identifikat, individwalment, permezz ta’ żewġ mezzi tal-identifikazzjoni u permezz ta’ kodiċi bi tnax-il ċifra. Dawn iż-żewġ mezzi tal-identifikazzjoni huma, minn naħa, lametta tal-widna b’kitba bl-iswed fuq sfond isfar u, min-naħa l-oħra, mezz ta’ identifikazzjoni elettronika b’lametta tal-widna jew bil-bolussi ruminali.

13      Barra minn hekk, il-mezzi tal-identifikazzjoni individwali tal-annimali għandhom jiġu rreġistrati f’reġistru tar-razzett li jkollu, b’mod partikolari, il-kodiċi tal-identifikazzjoni tar-razzett, dak tar-razzett tad-destinazzjoni f’dak li jikkonċerna lill-annimali li joħorġu, dak tar-razzett tal-oriġini f’dak li jikkonċerna l-annimali li deħlin, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal, is-sena tat-twelid u d-data tal-identifikazzjoni, is-sena u x-xahar tal-mewt jekk l-annimal ikun miet fir-razzett, kif ukoll ir-razza u, jekk ikun magħruf, il-ġenotip tal-annimal.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      H. Schaible, raħħal tal-ovini li għandu 450 nagħġa, ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju li bih talab id-dikjarazzjoni li huwa ma huwa suġġett la għall-obbligi ta’ identifikazzjoni individwali u ta’ identifikazzjoni elettronika individwali tal-annimali tiegħu, u lanqas għall-obbligu li jżomm reġistru tar-razzett skont ir-Regolament Nru 21/2004.

15      Il-Land Baden-Württemberg talab li r-rikors jiġi miċħud.

16      Billi kellha dubji dwar il-validità ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 21/2004, il-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-kawża u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      [L]-obbligu […] li jidentifika individwalment l-annimali skont l-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament […] Nru 21/2004,

2)      l-obbligu […] li individwalment jidentifika b’mod elettroniku l-annimali skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament […] Nru 21/2004 […],

3)      l-obbligu […] li jżomm reġistru tal-qasam […] skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1) u tal-punt 2 tal-Anness B tar-Regolament […] Nru 21/2004

huma kompatibbli mad-dritt superjuri tal-Unjoni u għalhekk validi?”

 Fuq it-talba ta’ ftuh mill-ġdid tal-proċedura orali

17      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2013, H. Schaible talab il-ftuh mill-ġdid tal-proċedura orali billi invoka l-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex informata biżżejjed fuq żewġ punti tal-argumentazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni li jistgħu jikkostitwixxu elementi essenzjali biex tkun tista’ tadotta s-sentenza tagħha.

18      Minn naħa, H. Schaible josserva li, kuntrarjament għal dak li sostnew dawn l-istituzzjonijiet waqt is-seduta u hekk kif jirriżulta mill-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Saħħa tal-Annimali [COM(2013) 260 finali], ebda riforma leġiżlattiva ma hija prevista biex tiġi estiża l-identifikazzjoni elettronika individwali anki għas-suwini. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li huwa possibbli li mill-imsemmija Proposta għal Regolament jiġi dedott li l-Kummissjoni ma għadhiex tqis li huma meħtieġa identifikazzjonijiet elettroniċi u individwali fil-ġlieda effettiva kontra l-mard epiżootiku u li din, li taf bid-diffikultajiet tekniċi assoċjati mal-identifikazzjoni elettronika tal-annimali li għad iridu jiġu solvuti, tipprevedi li ssir evalwazzjoni tal-fattibbiltà u evalwazzjoni tal-effetti qabel ma tipproċedi għal żvilupp tas-sistemi elettroniċi integrati li jiffaċilitaw it-traċċabbiltà tal-annimali.

19      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

20      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa biex tadotta deċiżjoni u li mit-talba ta’ H. Schaible ma jirriżulta la fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sentenza li għandha tingħata, u lanqas argument li għadu ma ġiex diskuss bejn il-partijiet li abbażi tiegħu għandha tiġi deċiża s-sentenza.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba ta’ H. Schaible intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq id-domandi preliminari

22      Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa l-validità tal-Artikoli 3(1), 4(2), 5(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) kif ukoll tal-punt 2 tal-Anness B tar-Regolament Nru 21/2004 fir-rigward tal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

23      Skont il-qorti msemmija, l-obbligi li huma suġġetti għalihom ir-raħħala li jrabbu l-ovini u l-kaprini abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 21/2004, jiġifieri l-identifikazzjoni individwali tal-annimali, l-identifikazzjoni individwali elettronika tagħhom u ż-żamma ta’ reġistru aġġornat (iktar ’il quddiem l-“obbligi kkontestati”) jistgħu, minn naħa, jiksru l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jistabbilixxi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, minħabba interferenza sproporzjonata fid-drittijiet tal-imsemmija raħħala u, min-naħa l-oħra, ikunu diskriminatorji.

 Fuq il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika

24      Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika hija rikonoxxuta b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

25      Il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Artikolu 16 tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-istess artikolu, li għandhom, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikoli 6(1) TUE u 52(7) tal-Karta, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, punt 42).

26      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 21/2004 inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissuġġettaw lir-raħħala li jrabbu l-ovini u l-kaprini għal obbligi relattivi għal identifikazzjoni individwali elettronika tal-annimali u għaż-żamma ta’ reġistru tar-razzett aġġornat. B’hekk, f’dak li jikkonċerna lir-raħħala li jrabbu annimali għal finijiet kummerċjali, id-dispożizzjonijiet imsemmija jistgħu jillimitaw l-eżerċizzju tal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika.

27      Madankollu, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti li jiġu imposti xi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet, bħal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu stabbiliti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u libertajiet imsemmija u sakemm, fl-osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità, dawn ikunu neċessarji u jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew fil-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punt 65, kif ukoll Sky Österreich, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

28      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta. Din tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-amministrazzjoni pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Sky Österreich, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jirrikjedi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C-343/09, Ġabra p. I-7027, punt 45; tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, punt 71, kif ukoll Sky Österreich, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

30      Qabel kollox, fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 21/2004 u tal-kwistjoni jekk il-mezzi implementati minn dan ir-Regolament humiex xierqa biex iwettquhom, għandhom fl-ewwel lok jitfakkru l-premessi 1 u 3 tiegħu, li minnhom jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jipprekludi l-possibbiltà tat-tifrix tal-mard infettiv, b’mod partikolari tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li kkawżat il-kriżi tal-2001 fil-popolazzjonijiet ovini u kaprini, fil-kuntest tal-istabbiliment tas-suq intern tal-iskambju ta’ dawn l-annimali u tal-prodotti tagħhom.

31      L-eliminazzjoni tar-riskji tal-mard epiżootiku tal-ovini u tal-kaprini kif ukoll l-implementazzjoni tas-suq intern fis-settur tagħhom kienu għadhom ma twettqux fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004.

32      Sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq tal-annimali u tal-prodotti tagħhom, id-Direttiva 90/425 eliminat l-ostakoli veterinarji u żootekniċi li kienu jostakolaw l-iżvilupp tal-iskambji intra-Komunitarji. Skont l-Artikoli 1 u 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, it-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri bejn l-Istati Membri tirrikjedi li l-annimali jiġu identifikati b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni u rreġistrati b’mod li jippermetti li jiġu identifikati ċ-ċentru jew l-organizzazzjoni ta’ oriġini jew ta’ passaġġ.

33      Inizjalment, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ispeċi ovina u kaprina kienu rregolati mid-Direttiva 92/102. Din is-sistema kienet ibbażata fuq l-identifikazzjoni tal-annimali skont ir-razzett. L-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva kien stabbilixxa li kull detentur ta’ annimali kellu jżomm reġistru fejn ikun indikat in-numru totali ta’ ovini u ta’ kaprini preżenti kull sena fir-razzett tiegħu, u l-Artikolu 5(3) tad-direttiva msemmija kien jeżiġi li l-ovini u l-kaprini jiġu mmarkati b’lametta tal-widna jew bi tpinġija li tippermetti li jinstab ir-razzett minn fejn jipprovjenu dawn l-annimali.

34      Madankollu, wara t-tixrid imdaqqas tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li seħħ matul l-2001, irriżulta li t-twettiq tal-għan doppju ta’ prevenzjoni tal-epidemiji li jolqtu lill-ovini u lill-kaprini kif ukoll ta’ stabbiliment ta’ suq intern ta’ dawn l-annimali li jopera mingħajr ostakli jista’ jintlaħaq biss jekk tissaħħaħ is-sistema stabbilita mid-Direttiva 92/102. Huwa f’din il-perspettiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004, sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ġdida tal-annimali tal-ispeċi ovina u kaprina.

35      Il-protezzjoni sanitarja, il-ġlieda kontra l-mard epiżootiku u l-benesseri tal-annimali, għanijiet li jiddependu fuq xulxin, jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali leġittimi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-istess bħall-kisba fis-suq ikkonċernat tas-suq intern agrikolu (ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-protezzjoni sanitarja, is-sentenzi tal-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-269/97, Ġabra p. I-2257, punt 48, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, punt 78, u, fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C‑37/06 u C‑58/06, Ġabra p. I-69, punt 22, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel, C-219/07, Ġabra p. I-4475, punt 27).

36      Wara din il-konstatazzjoni, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-mezzi implementati bir-Regolament Nru 21/2004 humiex xierqa biex jitwettqu dawn l-għanijiet.

37      Is-sistema introdotta mir-regolament imsemmi tipprevedi l-identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal bl-għajnuna ta’ żewġ mezzi tal-identifikazzjoni. Ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, dawn iż-żewġ identifikaturi huma t-tikketta tal-widna (tradizzjonali) u apparat elettroniku fil-forma ta’ tikketta tal-widna elettronika, bolussi ruminali, transponder injettabbli jew marka elettronika fuq il-pastur li tista’ tinqara b’readers elettroniċi speċifiċi. L-identità ta’ kull annimal għandha tiġi rreġistrata f’reġistru tar-razzett. Barra minn hekk, meta l-annimali joħorġu mir-razzett, il-movimenti tagħhom għandhom jiġu rreġistrati f’dokument li jakkumpanja lil dawn l-annimali. Barra minn hekk, kull Stat Membru huwa meħtieġ li jistabbilixxi reġistru ċentrali jew bażi ta’ data kompjuterizzata fejn l-irziezet kollha fit-territorju tiegħu jiġu rreġistrati u, f’intervalli regolari, jittieħed inventarju tal-annimali miżmumin f’dawk l-irziezet.

38      H. Schaible jqis li tali sistema ma hijiex xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ kontroll tal-mard epiżootiku. Barra minn hekk, dan josserva li din is-sistema hija ineffettiva, peress li 5 % tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika marbuta mal-annimali jintilfu matul iż-żmien jew jiżviluppaw difetti.

39      Fir-rigward tal-identifikazzjoni individwali tal-annimali, għandu jiġi kkonstatat li din tippermetti sistema ta’ kontroll u ta’ traċċabbiltà ta’ kull annimal, liema ħaġa hija essenzjali f’każ ta’ mard epiżootiku massiv. Mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jagħmel iktar effettiva l-ġlieda kontra l-mard kontaġġjuż peress li jiżgura affidabbiltà u rapidità ikbar fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

40      Fir-rigward tal-obbligu li jinżamm reġistru għal kull razzett, għandu jiġi rrilevat, skont il-Gvern Franċiż, li l-informazzjoni rreġistrata mill-identifikatur għandha tiġi rreġistrata f’dokument li jista’ jiġi aġġornat rapidament u li l-awtorità kompetenti tista’ taċċedi għalih faċilment fuq talba. B’hekk, din is-sistema tippermetti li jiġi stabbilit il-post ta’ provenjenza ta’ kull annimal u d-diversi postijiet li annimal ikun għadda minnhom. Fil-każ ta’ tixrid ta’ marda epiżootika, din l-informazzjoni tkun fundamentali biex isiru studji epidemijoloġi preċiżi, jiġu identifikati l-kuntatti perikolużi li jistgħu jxerrdu l-marda u, konsegwentement, biex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw it-tixrid ta’ tali marda kontaġġjuża. Fir-rigward tal-mard epiżootiku, għandu jingħad ukoll li, skont il-premessa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/50/KE, tal-11 ta’ Ġunju 2003, li temenda Direttiva 91/68/KEE dwar it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-moviment tan-nagħaġ u l-mogħoż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 236), il-moviment tan-nagħaġ kellu sehem kbir fit-tifrix tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’xi partijiet tal-Unjoni fit-tifqigħa ta’ l-2001.

41      F’dak li jikkonċerna l-allegazzjonijiet relattivi għan-nuqqasijiet tekniċi tas-sistema ta’ identifikazzjoni, anki jekk jitqies li l-perċentwali tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika mwaħħlin mal-annimali li jintilfu jew li jsiru difettużi jista’ jilħaq il-livell ikkomunikat minn H. Schaible, tali disfunzjonament ma jistax minnu nnifsu juri li s-sistema kkonċernata, b’mod sħiħ, ma hijiex adatta.

42      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-obbligi tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 21/2004 huma xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ kontroll tal-mard epiżootiku u li ma ġiet invokata ebda prova li tpoġġi indiskussjoni l-effettività ta’ din is-sistema b’mod sħiħ.

43      Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-mezzi implementati mir-Regolament Nru 21/2004 humiex neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnu, kif ukoll fir-rigward tal-kwistjoni ta’ eventwali karattru sproporzjonat tal-obbligi inkwistjoni, għandhom jiġu evalwati tliet sensiliet ta’ lmenti invokati minn H. Schaible.

44      L-ewwel nett, dan isostni li s-sistema l-antika ta’ identifikazzjoni tar-razzett, li kienet tippermetti traċċabbiltà effettiva tal-movimenti tal-annimali u ġlieda effettiva kontra l-mard epiżootiku, kienet diġà, fil-prattika, weriet l-effettività tagħha. H. Schaible jqis li l-epidemija tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer tal-2001 ma tpoġġix indiskussjoni din is-sistema, għaliex il-kawżi ta’ din l-epidemija ma jinsabux fl-imsemmija sistema stess, iżda fil-fatt li l-awtoritajiet wettqu l-kontrolli tagħhom b’mod mhux sodisfaċjenti. Konsegwentement, skontu, ma kienx neċessarju li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirrevedi s-sistema l-antika peress li implementazzjoni u applikazzjoni korretta tar-regoli inqas vinkolanti stabbiliti mid-Direttiva 92/102 kienu jkunu biżżejjed biex jiżguraw it-twettiq tal-għanijiet imfittxija.

45      It-tieni nett, H. Schaible josserva li l-obbligi kkontestati jiswew eċċessivament għar-raħħala li jrabbu l-annimali, minħabba l-materjal supplimentari li huma marbuta li jixtru, jiġifieri, b’mod partikolari, it-transponders u l-qarrejja elettroniċi, u minħabba l-ħafna xogħol li jeħtieġ l-użu ta’ dan il-materjal min-naħa tar-raħħala stess u tal-ispeċjalisti, jiġifieri t-tqegħid tat-transponder, id-daħla tal-kodiċijiet fir-reġistru tar-razzett, il-ġestjoni ta’ dan ir-reġistru, il-manutenzjoni tal-qarrejja kif ukoll l-ispejjeż ta’ intervenzjoni informatika u veterinarja.

46      It-tielet nett, H. Schaible jallega li l-obbligi kkontestati ma humiex kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw il-benesseri tal-annimali minħabba li t-tqegħid tat-transponders iwassal għal numru għoli ta’ annimali feruti. Huwa jfakkar li, fis-sistema preċedenti, kienet tiġi applikata fuq kull annimal marka ta’ identifikazzjoni waħda, li kienet tippermetti li jonqos b’50 % r-riskju ta’ feriti u li l-marki fil-widnejn mhux elettroniċi jipprovokaw ħafna inqas infjammazzjonijiet. Huwa jżid li l-bolussi ruminali jistgħu jiġu riġettati waqt ir-ruminazzjoni jew id-diġestjoni u li l-marki ta’ identifikazzjoni elettroniċi ffissati fuq l-għaksa tal-annimali permezz ta’ faxxa tal-plastik jistgħu jwasslu għal riskju partikolari ta’ feriti.

47      Fir-rigward tal-istħarriġ ġuridiku tal-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta evalwat il-proporzjonalità tal-mezzi implementati minn dawn id-dispożizzjonijiet, ammettiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat li ġew ikkonferiti lilu, ingħata setgħa diskrezzjonali ikbar fl-oqsma li jinvolvu l-għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali tiegħu, u li fihom huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C-58/08, Ġabra p. I-4999, punti 51 u 52).

48      Fil-qasam tal-agrikoltura, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddisponi b’mod partikolari minn tali setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi li jattribwulu l-Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat biex jivverifika jekk dan il-leġiżlatur qabiżx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, Ġabra p. I-1655, punt 80, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C-545/11, punt 43).

49      Ċertament, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa marbut li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-limitazzjonijiet marbuta ma’ diversi miżuri possibbli, għandu jeżamina jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura adottata humiex ta’ natura li jiġġustifikaw xi konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vodafone et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

50      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att, u ma tistax tiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effettività tiegħu. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun obbligat jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li tkun se tiġi adottata u l-effetti tagħha ma jistgħux ikunu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ biss tiġi kkritikata jekk din kienet tidher manifestament żbaljata fid-dawl tal-elementi li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I‑679, punt 38, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker, C-309/10, Ġabra p. I‑7333, punt 45).

51      Konsegwentement, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolament Nru 21/2004 għandu jsir f’dan il-kuntest.

52      F’dak li jikkonċerna l-allegat karattru adegwat tas-sistema l-antika, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kuntest żoosanitarju, epiżootiku, ekonomiku u soċjali li jikkaratterizza l-perijodu tal-preparazzjoni u l-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu raġun meta qies li, anki jekk jitqies li r-regoli tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 92/102 setgħu ġew implementati b’mod iktar korrett, dawn ir-regoli u din is-sistema kellhom bżonn li jiġu riveduti.

53      Matul il-firxa tal-marda epiżootika tal-2001, hekk kif ġie mfakkar mill-Kunsill, kien hemm bżonn li jinqatlu b’mod sistematiku diversi mljuni ta’ annimali, minħabba ovini mhux identifikati u n-nuqqas ta’ traċċabbiltà, biex wara ġie skopert li numru kbir minnhom ma kienx infettat. Kien neċessarju li jsir użu minn diversi restrizzjonijiet fi ħdan l-Unjoni u minn interdizzjoni fuq skala dinjija tal-esportazzjonijiet kollha mir-Renju Unit ta’ annimali, ta’ laħam u ta’ prodotti mill-annimali. Dawn il-miżuri wasslu għal-telf kunsiderevoli għas-settur agroalimentari kif ukoll għall-baġits tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

54      Mill-punt 9 tar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 8/2004 dwar il-ġestjoni u s-sorveljanza tal-Kummissjoni tal-miżuri meħuda biex jikkumbattu l-marda tal-ilsien u d-dwiefer u l-infiq konness mal-marda (ĠU 2005, C 54, p. 1) jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-kriżi tal-2001 biss, l-ammont globali tal-ispejjeż iddikjarati mill-Istati Membri bħala kumpens għall-qatla, għall-qerda tal-annimali, għad-disinfestazzjoni tal-irziezet u tal-materjal laħaq l-EUR 2 693,4 miljun. Dan ir-rapport jindika wkoll, fil-punt 36, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma kinitx tirrikjedi l-identifikazzjoni individwali tal-ovini u li, barra minn hekk, l-identifikazzjoni tagħhom skont il-lott kella lakuni, liema ħaġa kienet tostakola t-traċċabbiltà tal-annimali suspetti u b’hekk kienet iddewwem il-qatla tagħhom.

55      Barra minn hekk, diġà fl-1998, qabel il-marda epiżootika tal-2001, il-Kummissjoni kienet nediet il-proġett IDEA, ikkoordinat miċ-Ċentru Konġunt tar‑Riċerka tal-Unjoni, li r-rapport finali tiegħu tlesta fit-30 ta’ April 2002. Waħda mill-konklużjonijiet tar-rapport finali IDEA kienet li l-mard differenti tal-annimali li kien ġie ddikjarat fl-Unjoni kien irrivela li s-sistemi ta’ identifikazzjoni li kienu jintużaw dak iż-żmien ma kinux effettivi u affidabbli biżżejjed biex jippermettu traċċabbiltà u sorveljanza veterinarja korretta tal-ispeċi fl-irziezet. Kontroll iktar strett tal-annimali individwali u taċ-ċaqliq tagħhom kien tqies bħala kwistjoni kruċjali fir-rigward tal-kontroll sanitarju u ta’ sorveljanza tal-mard, liema ħaġa teħtieġ il-possibbiltà li jinstab, f’kull mument, il-post fejn jinsab kull annimal. Konsegwentement, sabiex is-sorveljanza tal-annimali kkunsidrati b’mod individwali tkun iktar effettiva, ġiet issuġġerita identifikazzjoni unika, tul il-ħajja ta’ kull annimal, permezz tat-tqegħid ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika.

56      Il-premessa 7 tar-Regolament Nru 21/2004 ssemmi li l-proġett IDEA wera li s-sistemi ta’ identifikazzjoni tal-annimali tal-ispeċi ovini u kaprini setgħu jittejbu b’mod kunsiderevoli bl-użu ta’ dispożittivi ta’ identifikazzjoni elettronika għal dawn l-annimali, sakemm ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-miżuri ta’ akkumpanjament. Għandu jingħad ukoll li, hekk kif indika ġustament il-Kunsill, identifikazzjoni individwali għadha ma tiżgurax it-traċċabbiltà kompleta, għaliex din tippermetti biss ġbir ta’ data għal użu ulterjuri, u li huwa r-reġistru li jikkostitwixxi l-element ċentrali tas-sistema ta’ traċċabbiltà.

57      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 sa 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tad-diversi studji mwettqa wara l-kriżi epiżootika tal-2001, ir-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 8/2004 u r-rapport finali IDEA bl-ebda mod ma kienu l-uniċi dokumenti li jissuġġerixxu reviżjoni fil-fond tal-kuntest leġiżlattiv tal-identifikazzjoni tal-annimali.

58      Fid-dawl tal-kuntest żoosanitarju, epiżootiku, ekonomiku u soċjali tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004 u tar-rapporti msemmija, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ leġittimament iqis, minn naħa, li, abbażi tal-obbligi inkwistjoni, l-annimali għandhom jiġu identifikati b’mod individwali u li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom aċċess għad-data li, permezz tad-dispożittivi ta’ identifikazzjoni elettronika u tar-reġistri tal-irziezet, tippermetti li jiġu adottati l-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni u għal-limitazzjoni tat-tixrid tal-mard kontaġġjuż fost l-ispeċi ovini u kaprini u, min-naħa l-oħra, li s-sistema l-antika ta’ identifikazzjoni tal-irziezet ma kinitx tikkostitwixxi mezz daqstant effettiv biex tiżgura l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 21/2004.

59      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligi kkontestati huma neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mill-imsemmi Regolament.

60      Fir-rigward ta’ eventwali karattru sproporzjonat tal-obbligi kkontestati, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jqiegħed f’bilanċ l-interessi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Volker und Markus Schecke u Eifert, punt 77, kif ukoll Sky Österreich, punt 59), jiġifieri, minn naħa, il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika tar-raħħala li jrabbu l-ovini u l‑kaprini u, min-naħa l-oħra l-interess ġenerali tal-ġlieda kontra l-mard epiżootiku tal-ovini u tal-kaprini.

61      F’dak li jikkonċerna l-allegat karattru eċċessiv tal-oneri finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi kkontestati, li studju tal-assoċjazzjoni tar-raħħala Ġermaniżi ta’ ovini (Vereinigung deutscher Landesschafzuchtverbände eV), invokat minn H. Schaible, jevalwa għal iktar minn EUR 20 kull sena u għal kull ovin, għandu jiġi indikat li, skont il-qorti tar-rinviju, dan l-istudju ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż li huma, f’kull każ, marbuta ma’ identifikazzjoni skont ir-razzett. Bl-istess mod, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, l-ispejjeż tal-marki tal-widna elettroniċi għandhom jonqsu biż-żmien u b’użu ikbar. Barra minn hekk, kif isostni l-Gvern Olandiż, l-ispejjeż attwali għandhom ikunu inqas mill-ispejjeż ta’ miżuri mhux selettivi, bħall projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet jew il-qtil preventiv ta’ bhejjem, f’każ li jkun hemm marda.

62      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ebda prova mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tpoġġi indiskussjoni l-allegazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li tgħid li l-aspetti finanzjarji tas-sistema l-ġdida stabbilita mir-Regolament Nru 21/2004 ġew dibattuti fit-tul matul il-proċess leġiżlattiv u li ġew evalwati l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ din is-sistema.

63      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 21/2004 fih diversi derogi għall-obbligu ta’ identifikazzjoni elettronika, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-vantaġġi tal-obbligi kkontestati u tal-oneri li jirriżultaw minnhom.

64      B’hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-annimali miżmuma f’kundizzjonijiet ta’ tkabbir estensiv jew fil-miftuh jiġu identifikati biss wara perijodu li jista’ jilħaq id-disa’ xhur minflok sitta. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu soluzzjoni differenti mill-identifikazzjoni elettronika għall-annimali intiżi biex jiġu mbiċċra qabel l-età ta’ tnax-il xahar u li ma humiex intiżi għal skambji intra-Komunitarji u lanqas għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 jipprovdi li l-identifikazzjoni elettronika hija obbligatorja biss għall-Istati Membri li fihom in-numru totali ta’ annimali jaqbeż ċertu livell.

65      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-ispejjeż tad-dispożittivi elettroniċi, tal-qarrejja u tal-apparat ta’ trattament tad-data kif ukoll tal-kalkoli mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Unjoni u minn diversi Stati Membri, ipproponiet introduzzjoni progressiva tal-obbligu ta’ identifikazzjoni elettronika, billi jingħata bidu għall-immarkar elettroniku, wara titniżżel ir-rabta tal-informazzjoni relatata mal-movimenti mal-kodiċi individwali tal-annimali, bil-għan li jiġu limitati l-ispejjeż matul il-fażi introduttorja tas-sistema, hekk kif jirriżulta mill-punt 2.3 tar-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2007, dwar l-implimentazzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika fin‑nagħaġ u l-mogħoż [COM(2007) 711 finali], kif ukoll mill-emendi tar-Regolament Nru 21/2004 magħmula bir-Regolament Nru 933/2008.

66      Finalment, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni taffa l-ispejjeż addizzjonali għar-raħħala li jrabbu l-annimali billi awtorizza lill-Istati Membri u lir-reġjuni li jagħtuhom, meta jkun xieraq, għajnuna finanzjarja mill-fondi tal-Unjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija Agrikola (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), ġie emendat ftit qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004. B’hekk, l-Artikolu 21(b)(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 338), jipprovdi li għajnuna temporanja intiża biex tikkumpensa parzjalment l-ispejjeż u t-telf ta’ qligħ tista’ tingħata lill-agrikolturi li għandhom japplikaw regoli vinkolanti bbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li għadhom kif ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din id-dispożizzjoni tapplika, b’mod partikolari, għar-raħħala li jkabbru annimali kkonċernati mill-obbligi kkontestati.

67      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jindika li din il-possibbiltà, għall-agrikolturi, li jiksbu għajnuna finanzjarja kienet fattur importanti li huwa ħa inkunsiderezzjoni fil-proċess deċiżjonali tiegħu. Dan jindika wkoll li l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) , (ĠU L 277, p. 1), regolament li ħassar ir-Regolament Nru 1257/99 u li huwa fis-seħħ bħalissa, ippreżerva l-qofol tad-dispożizzjoni msemmija.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma eżaminax b’mod xieraq l-oneru finanzjarju li jirriżulta mill-ispejjeż supplimentari li r-raħħala li jrabbu l-ovini u l-kaprini għandhom ibatu biex jikkonformaw mal-obbligi kkontestati u l-vantaġġi li dawn l-obbligi jippermettu li jinkisbu, u lanqas li dan wettaq żball ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tad-diversi interessi sabiex jiġi stabbilit bilanċ ġust.

69      Fir-rigward tal-argumentazzjoni li tgħid li l-applikazzjoni tal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika għandu l-konsegwenza li n-numru ta’ feriti jżid fost l-annimali u li l-feriti jsiru iktar gravi, għandu jiġi indikat li ċerti effetti negattivi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u l-benesseri tal-ovini u tal-kaprini ġew eżaminati u ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istudji li saru qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004.

70      B’mod partikolari, ir-rapport finali IDEA eżamina l-kawżi ewlenin ta’ feriti u mewt wara l-applikazzjoni ta’ dispożittiv ta’ identifikazzjoni elettronika u pprovda lil-leġiżlatur tal-Unjoni b’informazzjoni utli fuq il-mod kif id-diversi tipi ta’ apparat setgħu jaffettwaw is-saħħa tal-annimali.

71      Il-provi ppreżentati minn H. Schaible ma jpoġġux indiskussjoni l-evalwazzjonijiet u l-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li saru abbażi tal-istudji msemmija, waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004.

72      Il-fatt li għandhom jitwaħħlu fuq l-annimali żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni minflok mezz wieħed biss u l-fatt li l-mezzi tal-identifikazzjoni l-ġodda statistikament joħolqu iktar feriti u komplikazzjonijiet mid-dispożittivi tradizzjonali, minħabba l-intervent u l-post fejn jitwaħħlu dawn il-mezzi l-ġodda kif ukoll it-toqol tagħhom, ma humiex tali li jipprovaw li l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tal-vantaġġi tal-introduzzjoni tal-obbligu ta’ identifikazzjoni elettronika tal-ovini u tal-kaprini, kienet żbaljata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-benesseri tal-annimali.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sistema l-ġdida stabbilita bir-Regolament Nru 21/2004, li tippermetti identifikazzjoni iktar preċiża tal-annimali li kienu f’kuntatt ma’ xulxin matul il-mard epiżootiku, hija adatta biex tillimita t-tixrid tal-mard kontaġġjuż u b’hekk tippermetti li jiġi evitat li jkollhom jiġu deplorati annimali infettati. Għalhekk, l-obbligi kkontestati, minn din il-perspettiva, jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali.

74      Għalhekk, l-allegazzjonijiet invokati insostenn tal-invalidità tar-Regolament Nru 21/2004 minħabba l-firxa tal-impatt negattiv tal-obbligu ta’ identifikazzjoni elettronika tal-ovini u tal-kaprini stabbilit minn dan ir-Regolament fuq il-benesseri tal-annimali għandhom jiġu injorati.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ leġittimament jimponi l-obbligi kkontestati u jikkunsidra li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn dawn l-obbligi ma humiex eċċessivi meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 21/2004 u li dan la wettaq żball fl-evalwazzjoni tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi ta’ dawn l-obbligi fir-rigward tal-interessi inkwistjoni u lanqas, b’hekk, ma kiser il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika tar-raħħala li jrabbu l-ovini u l-kaprini.

 Fuq l-ugwaljanza fit-trattament

76      L-ugwaljanza fid-dritt, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C-313/04, Ġabra p. I-6331, punt 33).

77      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament tkun ġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit‑trattament ikkonċernat (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 47).

78      Peress li dan huwa att leġiżlattiv tal-Unjoni, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi mressqa bħala ġustifikazzjoni u li għandu jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minn din tal-eżistenza tal-kriterji msemmija (ara s-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

79      Fil-kawża prinċipali, il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 21/2004, minħabba n-natura diskriminatorja tagħhom, titqiegħed indiskussjoni diversi drabi. Minn naħa, huwa sostnut li d-deroga prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 (iktar ’il quddiem id-“deroga inkwistjoni”) tinkludi fiha differenza ta’ trattament li ma hijiex ġustifikata. Min-naħa l-oħra, l-obbligi kkontestati stabbiliti minn dan ir-Regolament jiddiskriminaw bejn ir-raħħala li jrabbu l-ovini u l-kaprini meta mqabbla mar-raħħala li jrabbu l-bovini u s-suwini.

 F’dak li jikkonċerna d-deroga inkwistjoni

80      H. Schaible josserva li d-deroga inkwistjoni, li tawtorizza lill-Istati Membri li għandhom numru ridott ta’ bhejjem ovini u kaprini li jgħamlu s-sistema ta’ identifikazzjoni elettronika fakultattiva, tikkostitwixxi diskriminazzjoni u tirriżerva vantaġġ kompetittiv lir-raħħala li jrabbu l-annimali tal-Istati Membri li ma introduċewx din is-sistema, meta mqabbla mar-raħħala l-oħra stabbiliti fl-Unjoni. Dan iqis li l-ispejjeż imposti fuq ir-raħħala huma identiċi fiż-żewġ kategoriji ta’ Stati Membri, l-istess bħar-riskji ta’ mard epiżootiku.

81      F’dak li jikkonċerna l-allegazzjonijiet ta’ H. Schaible, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deroga inkwistjoni tinvolvi trattament ġuridiku differenti tar-raħħala tal-annimali skont il-kategorija tal-Istat Membru li dawn huma stabbiliti fih.

82      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju li jikkostitwixxi l-bażi tad-deroga inkwistjoni għandu karattru oġġettiv u raġonevoli.

83      Fil-fatt, qabel kollox, il-livelli stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 jinvolvu kriterji totalment oġġettivi. B’hekk, l-Istati Membri li jissodisfaw dawn il-kriterji indipendentement mid-daqs ġeografiku assolut tagħhom u li jiddeċiedu li jadottaw id-deroga inkwistjoni jistgħu jintroduċu l-identifikazzjoni elettronika fil-ġejjieni jekk jinbidlu ċ-ċirkustanzi rilevanti, u huma saħansitra marbuta li jintroduċuha jekk il-popolazzjoni tal-annimali tagħhom taqbeż il-livelli rispettivi.

84      Sussegwentement, il-livelli stabbiliti mid-deroga inkwistjoni jidhru li huma raġonevoli u proporzjonati mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 21/2004, peress li, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, fil-każ ta’ numru ridott ta’ bhejjem li ma jkunux intiżi għal kummerċ intra-Komunitarju, ma jkunx possibbli li jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala fuq livell nazzjonali li jippermettu li jiġu koperti l-ispejjeż tas-sistema elettronika.

85      Fir-rigward tal-infiq u tal-ispejjeż, il-Kunsill ifakkar ġustament li, fl-Istati Membri li għandhom numru ridott ta’ bhejjem, l-oneru finanzjarju ta’ eradikazzjoni u ta’ eliminazzjoni f’każ ta’ mard epiżootiku kbir jista’ jkun inferjuri għall-ispejjeż ta’ implementazzjoni ta’ tali sistema ta’ identifikazzjoni elettronika. B’dan il-mod, anki jekk jitqies li jeżisti riskju mdaqqas ta’ kontaġju, dan ir-riskju huwa fil-prinċipju limitat għat-territorji tal-Istati Membri li, peress li ddeċidew li jużaw id-deroga inkwistjoni, jaċċettaw li għandhom jaffaċċjaw tali oneri finanzjarji fil-każ li tinfirex marda epiżootika.

86      Peress li d-deroga inkwistjoni tawtorizza lill-Istati Membri li jgħamlu fakultattiva l-identifikazzjoni elettronika individwali biss f’dak li jikkonċerna lill-annimali li ma humiex is-suġġett ta’ skambji intra-Komunitarji, għandu jiġi kkonstatat, skont il-Gvern Franċiż, li raħħal stabbilit fi Stat Membru fejn l-identifikazzjoni msemmija hija obbligatorja ma jbati ebda żvantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-effetti komuni ta’ dan l-obbligu u mid-deroga inkwistjoni. Fil-fatt, kull annimal destinat lejn dan l-Istat Membru għandu jkun neċessarjament identifikat elettronikament, anki jekk dan l-annimal ikun joriġina minn Stat Membru fejn, abbażi tad-deroga msemmija, ma tkunx obbligatorja identifikazzjoni elettronika individwali għall-annimali li ma humiex is-suġġett ta’ skambji intra-Komunitarji.

87      Finalment, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ma tirrigwardax l-eventwali disparitajiet ta’ trattament li jistgħu jirriżultaw, minn Stat Membru għal ieħor, mid-differenzi eżistenti bejn il-leġiżlazzjonijiet tad-diversi Stati Membri, peress li dawn il-liġijiet jolqtu bl-istess mod lill-persuni kollha li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, Ġabra p. I-6355, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għalkemm dan il-prinċipju ġie ċertament żviluppat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-konfront tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, madankollu, l-istess ma japplikax fir-rigward tal-validità tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni li abbażi tagħha huma jadottaw dawn il-leġiżlazzjonijiet differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C-373/11, punti 35 u 36).

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li ma tressqet ebda prova li tista’ tpoġġi indiskussjoni l-validità tad-deroga inkwistjoni minħabba l-karattru diskriminatorju tagħha.

 F’dak li jikkonċerna l-allegata diskriminazzjoni tar-raħħala li jrabbu l-ovini u l-kaprini meta mqabbla mar-raħħala li jrabbu l-bovini u s-suwini

89      H. Schaible jirrileva li l-obbligu li jiġi identifikat elettronikament kull annimal ma hijiex imposta fuq ir-raħħala li jrabbu l-bovini u s-suwini, minkejja l-fatt li l-annimali msemmija xorta huma esposti għal mard epiżootiku bħall-ovini u l-kaprini. Dan iqis li s-sistema ta’ identifikazzjoni tar-razzett tippermetti li jiġi miġġieled b’mod effettiv il-mard epiżootiku fost is-suwini. H. Schaible josserva li ma hijiex ikkunsidrata l-introduzzjoni ta’ sistema obbligatorja ta’ identifikazzjoni elettronika tal-bovini u li mill-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Awwissu 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga [COM(2011) 525 finali], jirriżulta li l-Kummissjoni tipproponi li jinżamm il-karattru fakultattiv tal-identifikazzjoni elettronika tal-bovini minħabba, b’mod partikolari, il-problemi li nstabu fil-kuntest tal-identifikazzjoni individwali obbligatorja tal-ovini u tal-kaprini. Huwa jqis li l-politiki tal-Unjoni f’dan il-qasam huma neqsin mill-koerenza u jqis li l-Unjoni qiegħda tesperimenta teknoloġija li ma hijiex lesta biex tiġi applikata f’settur fejn l-agrikolturi għandhom influwenza baxxa.

90      Il-Gvernijiet ta’ Franza u tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizzaw id-differenzi li jikkaratterizzaw, minn naħa, is-settur tal-ovini u tal-kaprini u, min-naħa l-oħra, is-setturi tal-bovini u tas-suwini. Dawn jenfasizzaw il-partikolaritajiet ta’ dawn it-tipi differenti ta’ annimali, f’dak li jikkonċerna t-tkabbir, it-trasport, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom kif ukoll il-mard u l-profili ta’ riskju li jhedduhom. B’mod partikolari, l-ovini u l-kaprini normalment ikunu iktar is-suġġett ta’ ċaqliq milli l-bovini u s-suwini, u huma iktar spiss, kuntrarjament għall-bovini u għas-suwini, skambjati fil-kuntest ta’ rkant fir-rigward ta’ lottijiet kbar ħafna. Barra minn hekk, il-gruppi ta’ ovini u ta’ kaprini jibdlu b’mod iktar frekwenti l-kompożizzjoni milli l-bovini u s-suwini. Fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, ir-riskju ta’ kontaġju huwa ikbar fost l-ovini u l-kaprini milli fost is-suwini. Dawn iċ-ċirkustanzi jagħmlu iktar diffiċli l-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ kull annimal ovin u kaprin.

91      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jissejjaħ biex jirristruttura jew joħloq sistema kumplessa, ikun mixtieq li dan jirrikorri għal approċċ fi stadji u li jimxi skont l-esperjenza miksuba, sakemm l-għażla tal-leġiżlatur tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-allegazzjonijiet imsemmija fil-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza relattivi għax-xebh u għad-differenzi li jikkaratterizzaw, minn naħa, lill-ovini u lill-kaprini u, min-naħa l-oħra, lill-bovini u lis-suwini, li jeżistu, minkejja ċertu xebh bejn dawn it-tipi differenti ta’ mammiferi, differenzi li jiġġustifikaw kuntest leġiżlattiv dedikat għal kull speċi ta’ annimal. Fid-dawl tal-kuntest storiku tal-kriżi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-2001, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ leġittimament jintroduċi, bir-Regolament Nru 21/2004, leġiżlazzjoni speċifika li tistabbilixxi l-identifikazzjoni elettronika tal-ispeċi partikolarment milquta minn din il-kriżi.

93      Konsegwentement, il-Kunsill ma kienx marbut li jirrifjuta l-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004, wara l-proposta tal-Kummissjoni, dwar l-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika tal-ovini u tal-kaprini, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kien limitat ħafna.

94      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-leġiżlatur seta’ leġittimament jibbaża ruħu fuq tali approċċ progressiv għall-introduzzjoni tal-identifikazzjoni elettronika, huwa għandu, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 21/2004, jikkunsidra n-neċessità li jwettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-miżuri stabbiliti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-karattru fakultattiv jew obbligatorju tal-identifikazzjoni elettronika (ara, b’analoġija, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

95      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-Regolament ma joħloq ebda diskriminazzjoni bejn ir-raħħala li jrabbu l-ovini u l-kaprini meta mqabbla mar-raħħala li jrabbu l-bovini u s-suwini.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li d-deroga u l-obbligi kkontestati stabbiliti mir-Regolament Nru 21/2004 jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

97      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-evalwazzjoni tad-domandi magħmula ma weriet ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 3(1), 4(2), 5(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) kif ukoll tal-punt 2 tal-Anness B tar-Regolament Nru 21/2004.

 Fuq l-ispejjeż

98      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-evalwazzjoni tad-domandi magħmula ma weriet ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikoli 3(1), 4(2), 5(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) kif ukoll tal-punt 2 tal-Anness B tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, tas-17 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ammiali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/2008, tat-23 ta’ Settembru 2008.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.