Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-63/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal, F. Tomat, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li bl-applikazzjoni ta’ tnaqqis fid-dazji tas-sisa abbażi tal-leġiżlazzjoni reġjonali adottata mir-Regione Friuli Venezia Giulia, li tipprevedi sistema ta’ kontribuzzjoni għall-petrol u għad-diesel użati bħala fjuwil għall-magni, fir-rigward tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lir-residenti tar-Regione Friuli Venezia Giulia, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skont l-Artikoli 4 u 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 .

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-leġiżlazzjoni reġjonali adottata mir-Regione Friuli Venezia Giulia introduċiet sistema ta’ kontribuzzjoni għall-petrol u għad-diesel użati bħala fjuwil għall-magni, fir-rigward tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lir-residenti tar-Regione Friuli Venezia Giulia. Essenzjalment, is-sistema tipprevedi li fil-mument tax-xiri tal-fjuwil mill-pompa, l-operaturi tal-istazzjonijiet tas-servizz għandhom jagħtu ammont fiss (għal kull litru) billi jnaqqsu l-prezz dovut għall-fjuwil. L-amministrazzjoni reġjonali għandha tirrimborsa lill-operaturi tal-istazzjonijiet tas-servizz l-ammont mogħti fuq ix-xiri ta’ fjuwil imwettaq mill-benefiċjarji.

L-istruttura tad-Direttiva 2003/96/KE, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, teżiġi livell ta’ tassazzjoni uniku, għal kull prodott u għal kull użu, għat-territorju kollu ta’ kull Stat Membru. Dan il-prinċipju jirriżulta mir-ratio globali tad-Direttiva, u b’mod partikolari mill-premessi 5 u 15 tagħha kif ukoll mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u minn interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet kollha tagħha. Ma tistax issir deroga mill-prinċipju li jgħid li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi livell uniku ta’ tassazzjoni għal kull prodott u għal kull użu fil-każijiet previsti espressament mid-Direttiva. Id-Direttiva 2003/96 tipprovdi sensiela ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li l-Istati Membri japplikaw tnaqqis, eżenzjonijiet jew differenzjazzjonijiet fil-livelli ta’ tassazzjoni għal ċerti prodotti jew għal ċerti użi. Dawn huma, b’mod partikolari, l-Artikoli 5, 7, 15, 16 u 17 kif ukoll l-Artikoli 18 u 19 tad-Direttiva. Dan it-tnaqqis, eżenzjonijiet jew differenzjazzjonijiet jista’ jiġi implimentat mill-Istati Membri skont il-metodi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jkollhom il-fakultà li jagħtu eżenzjonijiet jew tnaqqis direttament, taħt forma ta’ rata ta’ taxxa differenzjata, jew taħt il-forma ta’ rimbors totali jew parzjali tal-ammont tat-taxxa.

Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ jeżisti tnaqqis fid-dazju tas-sisa fuq il-fjuwil għall-magni mhux awtorizzat mid-Direttiva 2003/96/KE dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku.

Il-Kummissjoni b’hekk tqis li f’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha abbażi tal-Artikoli 4 u 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.