Language of document : ECLI:EU:F:2009:46

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

6 ta’ Mejju 2009

Kawża F-137/07

Giovanni Sergio et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Drittijiet u obbligi – Libertà ta’ sħubija f’sindakat – Protokoll ta’ Ftehim Kummissjoni-Organizzazzjonijiet Sindakali u Professjonali – Deċiżjonijiet individwali ta’ kollokament/rilaxx mis-servizz ibbażati fuq protokoll – Att li jikkawża preġudizzju – Locus standi – Uffiċjal li jaġixxi f’ismu u mhux f’isem organizzazzjoni sindakali – Inammissibbiltà – Notifika taċ-ċaħda tal-ilment lill-avukat tar-rikorrenti – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Sergio u erba’ uffiċjali oħra tal-Kummissjoni jitolbu, l-ewwel nett, l-annullament tal-Protokoll ta’ Ftehim bejn l‑Organizzazzjonijiet Sindakali u Professjonali (OSP) u d‑Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni” tal‑Kummissjoni dwar l-allokazzjoni ta’ riżorsi għar‑rappreżentanza tal-persunal għas-sena 2006, it-tieni nett, l‑annullament tad-deċiżjonijiet individwali ta’ rilaxx mis-servizz adottati favur rappreżentanti tas-sindakati Alliance u Fédération de la fonction publique européenne fuq il-bażi tal‑Protokoll 2006 u tar-regoli ta’ rappreżentanza tal-OSP, it-tielet nett, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad‑Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni”, tal-14 ta’ Novembru 2006, li tintegra mill-ġdid Marquez-Garcia mad‑direttorat ġenerali oriġinali tiegħu; barra minn dan, huma jitolbu li l-Kummissjoni tiġi kundannata tħallas lil kull wieħed minnhom EUR 1 simboliku bħala kumpens, minn naħa, għad‑danni morali u politiċi bħala rappreżentanti tal-Union syndicale fédérale u, min-naħa l-oħra, għad-danni morali u tal‑karriera bħala uffiċjali jew membri tal-persunal.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti huma kkundannati għall‑ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Ftehim bejn istituzzjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali dwar l-għoti ta’ vantaġġi lil dawn l-organizzazzjonijiet fuq il-bażi tar-rappreżentattività tagħhom – Esklużjoni – Deċiżjoni li tirrifjuta lil uffiċjal maħtur minn waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet skont il-ftehim il-benefiċċju ta’ kollokament sindakali – Inklużjoni

(Artikoli 230 KE u 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 10c, 24b, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Dritt sindakali – Limiti – Obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti lir-rappreżentanti sindakali eżenzjonijiet fit-tul u stabbiliti mit-twettiq tax-xogħol tagħhom fid-dipartimenti tagħhom – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24b)

3.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Rikors għal annullament ippreżentat minn membru ta’ organizzazzjoni sindakali jew professjonali – Talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jagħtu “kollokamenti sindakali” lill-membri ta’ organizzazzjoni oħra

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24b, 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Rikorsi – Interess ġuridiku – Kompetenza limitata tal-amministrazzjoni – Deċiżjoni ta’ integrazzjoni mill-ġdid fid-dipartiment tiegħu ta’ uffiċjal li bbenefika minn kollokament sindakali, iżda li ma għadux maħtur mill-organizzazzjoni sindakali tiegħu – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

5.      Uffiċjali – Rikorsi – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Ilment imressaq minn avukat, f’isem numru ta’ uffiċjali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

1.      Ftehim bejn istituzzjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali li jagħti vantaġġi lil dawn l-organizzazzjonijiet skont ir-rappreżentattività tagħhom, bħall‑possibbiltà li jibbenefikaw minn “kollokamenti sindakali”, l-allokazzjoni ta’ krediti u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal estern, huwa biss intiż sabiex jiġu rregolati r-relazzjonijiet kollettivi ta’ xogħol bejn l-amministrazzjoni u dawn l-organizzazzjonijiet, b’mod li dan ma jaqax fl-isfera tar-relazzjonijiet individwali ta’ xogħol bejn l-istituzzjoni u l-uffiċjal, iżda fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn din l-istituzzjoni u dawn l-organizzazzjonijiet. Għaldaqstant, għalkemm tali ftehim jista’ jippreġudika l-interessi funzjonali ta’ waħda minn dawn l‑organizzazzjonijiet, dan madankollu ma jistax jaffettwa s-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjali li jappartjenu għal din tal-aħħar, b’mod partikolari l‑eżerċizzju individwali ta’ wieħed mid-drittijiet sindakali mogħtija taħt l‑Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ dritt li jirriżulta minn ftehim bejn l-istituzzjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali.

Konsegwentement, uffiċjal li qed jaġixxi individwalment ma huwiex direttament ikkonċernat minn tali ftehim. Huma biss l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali li, f’dan il-qasam, huma individwalment ikkonċernati u li għalhekk jistgħu jagħmlu użu mir-rimedji disponibbli għalihom, abbażi tal-Artikolu 230 KE sabiex jipproteġu l-interessi funzjonali tagħhom stess. Huwa biss fil-każ li l‑pożizzjoni mdgħajfa ta’ waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet li tirriżulta minn tali ftehim tista’ tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-intensità tal-effetti tiegħu, bħala li ċċaħħad lill-membri ta’ din l-organizzazzjoni mill-eżerċizzju normali tad-drittijiet sindakali tagħhom, li uffiċjali li jaġixxu individwalment ikunu jistgħu jinvokaw interess ġuridiku abbażi tal-pożizzjoni mdgħajfa tal-organizzazzjoni li jappartjenu għaliha.

Madankollu, fil-każ fejn waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet tingħatalha kollokament permezz ta’ tali ftehim u din tkun ħatret nominattivament uffiċjal sabiex jibbenifika minnu, deċiżjoni eventwali tal-Awtorità tal-Ħatra li tirrifjuta lil dan l-uffiċjal il‑benefiċċju ta’ dan il-kollokament tkun ta’ dannu għal dan l-uffiċjal u għalhekk tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament ippreżentat minnu abbażi tal‑Artikolu 236 KE, li ma huwiex il-każ bil-ftehim innifsu.

(ara l-punti 51, 52, 56, 79 u 81 sa 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑34/03, ĠabraSP p. I‑A‑143 u II‑639, punt 46

2.      Għalkemm il-libertà ta’ sħubija f’sindakat tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tax‑xogħol li jimplika, b’mod partikolari, li r-rappreżentanti sindakali jibbenefikaw minn rilaxx mis-servizz sabiex jipparteċipaw fid-djalogu mal‑istituzzjonijiet, il‑kontenut tiegħu ma jistax jiġi estiż sabiex jinkludi l-obbligu tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jagħtu lir-rappreżentanti sindakali eżenzjonijiet fit-tul u stabbiliti mit‑twettiq tax-xogħol tagħhom fid-dipartimenti tagħhom, sabiex jiddedikaw ruħhom għal funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal. Il‑possibbiltà għal uffiċjal li jinvoka dritt individwali għal “kollokament sindakali” li jippermettilu jikkontesta miżura li twassal għall-għoti ta’ “kollokamenti sindakali” għalhekk tiddependi fuq dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprovdu għall-eżistenza ta’ tali dritt.

(ara l-punti 61 u 62)

3.      Talbiet imressqa fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjali li jappartjenu għal organizzazzjoni sindakali jew professjonali u intiż għall-annullament ta’ deċiżjonijiet li jagħtu “kollokamenti sindakali” lil uffiċjali jew membri oħra tal‑persunal li jappartjenu għal waħda mill-organizzazzjonijiet l-oħra għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, peress li tali deċiżjonijiet ma jkunux indirizzati lir‑rikorrenti, dawn ma jeffettwawx b’mod ċar is-sitwazzjoni tagħhom stess bħala uffiċjali jew membri tal-persunal. Barra minn dan, tali deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux restrizzjoni għall-eżerċizzju individwali tal-libertà ta’ sħubija f’sindakat tagħhom, billi, għalkemm jirrestrinġu l-possibbilitajiet tar-rikorrenti li jiksbu “kollokament sindakali”, huma ma humiex maħsuba sabiex jeskluduhom, fil‑prinċipju, mill-benefiċċju ta’ kull dritt għal tali kollokament. Konsegwentement, dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx effett dirett u immedjat fuq l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu, b’mod distint, is-sitwazzjoni legali tagħhom bħala uffiċjali jew membri tal-persunal.

(ara l-punti 92 sa 95)

4.      Istituzzjoni hija obbligata li terġa’ tintegra mill-ġdid fi ħdan dipartiment tagħha uffiċjal li ma jkunx baqa’ maħtur minn organizzazzjoni sindakali sabiex jibbenefika minn wieħed mill-kollokamenti mogħtija lilha skont protokoll li jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ riżorsi bejn l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali. Konsegwentement, il‑motivi kollha diretti kontra tali deċiżjoni ta’ integrazzjoni mill-ġdid huma inammissibbli sa fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetenza limitata – jiġifieri n‑nuqqas ta’ ħatra, mill-organizzazzjoni sindakali, tal-uffiċjal inkwistjoni abbażi ta’ kollokament li hija għandha – ikunu sodisfatti. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ma għandha l-ebda interess leġittimu tikseb l-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, billi din tista’ biss twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika, f’dak li jirrigwarda l-mertu, għad-deċiżjoni annullata.

(ara l-punti 103 u 104)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1996, Stott vs Il‑Kummissjoni, T‑99/95, Ġabra p. II‑2227, punti 31 u 32

5.      Fejn ikun ċar li lment qed jiġi ppreżentat minn avukat f’isem uffiċjali jew membri tal-persunal, l-amministrazzjoni tista’ ġustament tikkunsidra li huwa jkun sar id-destinatarju tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront ta’ dan l-ilment. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji rċevuti mill-amministrazzjoni qabel in-notifika tar‑risposta tagħha, din in-notifika, indirizzata lill-avukat, tkun ekwivalenti għal notifika lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal li huwa jirrappreżenta u għalhekk minn dakinhar jibda jiddekorri t‑terminu ta’ tliet xhur previst fl‑Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors.

F’dan ir-rigward, meta lment jitressqa minn avukat f’isem diversi uffiċjali jew membri tal-persunal, in-notifika mill-istituzzjoni tar-risposta tagħha lil dan l‑avukat tiggarantixxi ċertezza legali għall-istituzzjoni, iżda wkoll għall‑avukat tar-rikorrenti li għalhekk ikollu data waħda li minnha jikkalkola t-terminu għall‑preżentata ta’ rikors eventwali f’isem l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li huwa jirrappreżenta.

Sabiex isostnu li r-rikors tagħhom ma huwiex tardiv, ir-rikorrenti ma jistgħux utilment jinvokaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-avukat, dwar il‑mandat, li jkunu jgħidu li l‑eżistenza ta’ mandat li jippermetti lil avukat iressaq att proċedurali, b’mod partikolari, rikors, bl-ebda mod ma timplika l-eżistenza ta’ mandat li jippermettilu jkun id-destinatarju tar‑risposta ta’ dan ir-rikors, għaliex l‑ilment amministrattiv imressaq minn uffiċjal ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni formali u d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal‑Persunal ma jimponux li, sabiex jitressaq tali lment, l-uffiċjal għandu jkun irrappreżentat minn avukat.

Barra minn dan, għalkemm, fil-qasam tar-rikorsi ġudizzjarji, id-dispożizzjonijiet tat-tielet u tar‑raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness tiegħu, jipprovdu li “[p]artijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat [u li a]vukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti”, id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jwettqux tali referiment għad‑dritt tal-Istati Membri.

Fl-aħħar nett, sabiex ma jkunx hemm ksur tal-prinċipji ta’ konsistenza tad-dritt Komunitarju u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali, l-applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-ilment minn qabel li l‑uffiċjal għandu jressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra qabel il-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju ma tistax tiddependi fuq il-kwalifikazzjoni li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jagħtu lill‑kunċett ta’ mandat.

Fi kwalunkwe każ, meta uffiċjali jieħdu l-inizjattiva, sabiex iressqu lment, li jiġu rrappreżentati minn avukat, u jkunu naqsu milli jipprovdu lill-amministrazzjoni b’dettalji li jindikaw li dan tal-aħħar ma huwiex id-destinatarju tar-risposta għal dan l-ilment, huma dawn l-uffiċjali li għandhom jiżguraw, fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti fil‑qasam tal-mandat, li l-avukat tagħhom ikun jista’ jirċievi r-risposta għall‑ilment li huwa ressaq f’isimhom.

(ara l-punti 125, 126 u 131 sa 134)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Efstathopoulos vs Il‑Parlament, F‑144/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 37