Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (ir-Rumanija) fl-4 ta’ Ottubru 2019 – ITH Comercial Timişoara SRL vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti – Administraţia Sector 1 a Finanţelor Publice

(Kawża C-734/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ITH Comercial Timişoara SRL

Konvenuti: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Bucureşti – Administraţia Sector 1 a Finanţelor Publice

Domandi preliminari

1.1.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , u b’mod partikolari l-Artikoli 167 u 168, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jippermettu jew jipprekludu li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata ma’ spejjeż ta’ investiment, magħmula mill-persuna taxxabbli bl-intenzjoni li tallokahom għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni taxxabbli, għandu jintilef fil-każ li l-investiment ippjanat jiġi abbandunat sussegwentement?

1.2.    L-istess disposizzjonijiet u prinċipji jippermettu jew jipprekludu li d-dritt għal tnaqqis, fil-każ ta’ abbandun ta’ investiment, jiġi kkontestat ukoll f’ċirkustanzi li ma jikkostitwixxux abbuż jew frodi mwettqa mill-persuna taxxabbli?

1.3.    L-istess disposizzjonijiet u prinċipji jippermettu jew jipprekludu interpretazzjoni fis-sens li ċ-ċirkustanzi, li fihom id-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi kkonstestat fil-każ ta’ abbandun ta’ investiment, ikunu jinkludu:

1.3.1.        li sussegwentement iseħħ riskju li jwassal li l-investiment ma jitwettaqx, riskju li jkun magħruf mill-persuna taxxabbli meta jitwettqu l-ispejjeż tal-investiment, bħall-fatt li awtorità pubblika ma tapprovax pjan urban meħtieġ għat-twettiq tal-investiment inkwistjoni?

1.3.2.        bdil fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi matul iż-żmien, li jwassal li l-investiment ikun mistenni jitlef il-profittabilità li kellu fil-mument li nbeda?

1.4.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ abbandun ta’ investiment:

1.4.1.        hemm preżunzjoni ta’ abbuż jew ta’ frodi li tiġġustifika li d-dritt għal tnaqqis jiġi kkontestat jew dan għandu jiġi pprovat mill-awtoritajiet tat-taxxa?

1.4.2.        il-prova tal-abbuż jew tal-frodi tista’ ssir permezz ta’ preżunzjonijiet sempliċi, jew teħtieġ prova oġġettiva?

1.5.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew jippermettu jew jipprekludu li, fil-każ ta’ abbandun ta’ investiment, l-abbuż jew il-frodi li jiġġustifikaw il-kontestazzjoni tad-dritt għal tnaqqis għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ tuża l-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun tnaqqset il-VAT għal kwalunkwe skop, inkluż għal dan il-għan skop purament privat?

1.6.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ abbandun ta’ investiment, ċirkustanzi sussegwenti għat-twettiq tal-ispejjeż tal-investiment mill-persuna taxxabbli, bħal (i) is-seħħ ta’ kriżi ekonomika jew (ii) is-seħħ ta’ riskju li jwassal li l-investiment ma jitwettaqx, riskju li jkun jeżisti fiż-żmien meta jitwettqu l-ispejjeż tal-investiment (pereżempju, il-fatt li awtorità pubblika ma tapprovax pjan urban meħtieġ għat-twettiq tal-investiment inkwistjoni) jew (iii) il-bdil fl-estimi dwar il-profittabbiltà tal-investiment, huma ċirkustanzi meqjusa li jkunu barra mill-kontroll tal-persuna taxxabbli li jistgħu jitqiesu tiġi stabbilita l-bona fide tagħha?

1.7.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, u b’mod partikolari l-Artikoli 184 u 185, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-abbandun ta’ investiment huwa każ ta’ aġġustament tal-VAT?

Fi kliem ieħor, il-kontestazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT relatat mal-ispejjeż tal-investiment magħmula mill-persuna taxxabbli bl-intenzjoni li tallokahom għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni taxxabbli, fil-każ ta’ abbandun sussegwenti ta’ investiment, isir permezz tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-VAT?

1.8.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 jippermettu jew jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata mal-abbandun ta’ investiment esklużivament f’żewġ sitwazzjonijiet, b’dawn ikunu identifikati b’riferiment fil-qosor għal żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja: (i) meta, f’ċirkustanzi li ma jiddependux mill-kontroll tagħha, il-persuna taxxabbli qatt ma tagħmel użu minn dawn il-prodotti/servizzi għall-attività ekonomika tagħha, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Jannar 1998, État Belge vs Ghent Coal Terminal (C-37/95, EU:C:1998:1) kif ukoll (ii) f’każijiet oħra fejn ix-xiri ta’ prodotti/servizzi li għalihom id-dritt għal tnaqqis ikun ġie eżerċitat ma jintużawx għall-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, għal raġunijiet oġġettivi, li jkunu barra mill-kontroll tiegħu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Frar 1996, Intercommunale voor zeewaterontzilting (INZO) vs État Belge (C-110/94, EU:C:1996:67)?

1.9.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippermettu jew jipprekludu lill-awtoritajiet tat-taxxa milli jirtiraw awtorizzazzjoni, ukoll f’rapporti ta’ kontrolli fiskali preċedenti jew f’deċiżjonijiet preċedenti fuq ilmenti amministrattivi:

1.9.1.        fejn il-persuna inkwistjoni tkun xtrat prodotti u servizzi bl-intenzjoni li tallokahom għal tranżazzjoni taxxabbli?

1.9.2.        fejn is-sospensjoni jew l-abbandun ta’ proġett ta’ investiment ikun ġie ddeterminat minn xi ċirkustanza barra mill-kontroll tal-persuna taxxabbli?

2.1.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, u b’mod partikolari l-Artikolu 28, jippermettu jew jipprekludu l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu li jirregola l-ikkummissjonar fl-assenza ta’ kuntratt ta’ mandat mingħajr rappreżentanza?

2.2.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, u b’mod partikolari l-Artikolu 28, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-mekkaniżmu li jirregola l-ikkummissjonar jkun applikabbli meta persuna taxxabbli twettaq kostruzzjoni konformement mal-ħtiġijiet u mar-rekwiżiti tal-attività ta’ persuna ġuridika oħra, bl-intenjoni li żżomm il-kostruzzjoni bħala proprjetà tagħha, u ladarba titlesta tikriha lil din il-persuna ġuridika l-oħra?

2.3.    Dawn l-istess disposizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq, min jibni għandu l-obbligu li jiffattura l-ispejjeż tal-investiment marbuta mal-kostruzzjoni tal-bini lill-persuna ġuridika li lilha jkun biħsiebu jikrija ladarba titlesta, u jiġbor mingħand din il-persuna l-VAT korrispondenti?

2.4.    Dawn l-istess disposizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq, min jibni għandu l-obbligu li jiffattura l-ispejjeż tal-investiment u li jiġbor il-VAT korrispondenti anki meta x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jieqfu b’mod permanenti minħabba t-tnaqqis drastiku tal-attività ekonomika tal-persuna li lilha kellha tinkera din il-kostruzzjoni, tnaqqis li jkun ikkawżat mill-insolvenza imminenti ta’ din tal-aħħar?

2.5.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jikklassifikaw mill-ġdid it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuni taxxabbli, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli tal-kuntratti konklużi minnhom, anki jekk dawn il-kuntratti ma jkunux abbużivi?

2.6.    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jippermettu jew jipprekludu lill-awtoritajiet tat-taxxa milli jirtiraw awtorizzazzjoni ta’ dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-persuna taxxabbli, ukoll f’rapporti ta’ kontrolli fiskali preċedenti jew f’deċiżjonijiet preċedenti fuq ilmenti amministrattivi?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.