Language of document : ECLI:EU:F:2009:44

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Mejju 2009

Kawża F-27/08

Manuel Simões Dos Santos

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2003 – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti Komunitarja – Tħassir ta’ punti ta’ mertu mingħajr bażi legali – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti Komunitarji – Ksur tal-awtorità ta’ res judicata – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kundanna ex officio għall-ħlas ta’ danni – Danni morali”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu, M. Simões Dos Santos jitlob l-annullament, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni PERS‑01‑07 tal-President tal-UASI, tas-6 ta’ Ġunju 2007, li tagħtih punti ta’ promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2003, tad-Deċiżjoni ADM‑07‑17, tas-6 ta’ Ġunju 2007, li tinterpreta d-Deċiżjoni ADM‑03‑35 dwar il-karriera u l-promozzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju u tal-ittra tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-15 ta’ Ġunju 2007, dwar l-għoti definittiv tal-punti ta’ mertu għall-proċedura 2007.

Deċiżjoni: Id-Deċiżjoni PERS‑01‑07 u l-ittra tal-UASI, tal-15 ta’ Ġunju 2007, sa fejn jimplikaw il-konstatazzjoni tat-tħassir tal-bqija tal-punti ta’ mertu tar-rikorrenti, kif irrikonoxxut mid-Deċiżjoni PERS‑PROM‑39‑03rev1, dwar il-promozzjoni, tat-30 ta’ Marzu 2004, huma annullati. L-UASI huwa kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 12 000. Il-bqija tar-rikors huwa miċħud. L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati kwart tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni konfermatorja – Inammissibbiltà – Kundizzjoni – Deċiżjoni kkonfermata li kisbet natura definittiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali –Rikorsi – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Suġġett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti –Annullament, minħabba nuqqas ta’ bażi legali, ta’ att Komunitarju – Adozzjoni ta’ deċiżjoni retroattiva intiża sabiex tkopri l-illegalità inizjali – Ammissibbiltà eċċezzjonali – Kundizzjonijiet

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE)

4.      Uffiċjali – Rikorsi – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata

(Artikolu 233 KE)

5.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu

6.      Uffiċjali – Rikorsi – Ġurisdizzjoni sħiħa – Possibbiltà li l-istituzzjoni konvenuta tiġi kkundannata ex officio għall-ħlas ta’ kumpens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1)

1.      Rikors għal annullament ippreżentat minn uffiċjal kontra deċiżjoni konfermatorja, ikun ammissibbli biss jekk id-deċiżjoni kkonfermata tkun saret definittiva fir-rigward tal-parti kkonċernata, sakemm ma tkunx is-suġġett ta’ rikors ippreżentat fit-termini stabbiliti. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-parti kkonċernata għandha dritt tikkontesta kemm id-deċiżjoni kkonfermata, kemm id-deċiżjoni konfermatorja, u kif ukoll it-tnejn li huma.

(ara l-punt 73)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 27 ta’ Ottubru 1994, Chavane de Dalmassy et vs Il‑Kummissjoni, T-64/92, ĠabraSP p. I‑A‑227 u II‑723, punt 25; 25 ta’ Ottubru 2005, Salazar Brier vs Il-Kummissjoni, T‑83/03, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑1407, punt 17

2.      L-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tobbliga lill-uffiċjal jippreżenta minn qabel ilment distint għal kull deċiżjoni amministrattiva li huwa jikkontesta. Bl-istess mod li huwa possibbli għal uffiċjal jippreżenta diversi lmenti kontra l-istess deċiżjoni, sakemm jagħmel dan fit-terminu stabbilit ta’ tliet xhur, l-ebda test ma jipprekludi li uffiċjal jikkontesta, permezz ta’ lment wieħed, diversi deċiżjonijiet li jikkonċernawh, hekk kif jirriżulta minn prattika stabbilita fi ħdan l-istituzzjonijiet.

(ara l-punt 76)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 17 ta’ Mejju 1995, Kratz vs Il-Kummissjoni, T‑10/94, ĠabraSP p. I‑A‑99 u II‑315, punti 19 u 20; 8 ta’ Novembru 2000, Ghignone et vs Il‑Kunsill, T‑44/97, ĠabraSP p. I‑A‑223 u II‑1023, punt 39

3.      Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali jipprekludi l-punt ta’ tluq tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ att Komunitarju milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, jista’, eċċezzjonalment, jiġri mod ieħor meta l-għan li jrid jintlaħaq hekk jitlob u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati. B’hekk huwa possibbli għall-amministrazzjoni, wara annullament ikkontestat, li tadotta att li għandu portata retroattiva, sakemm il-kundizzjonijiet kollha jiġu sodisfatti.

B’dan il-mod, tkun ivvizzjata b’illegalità deċiżjoni li, wara annullament mill-qorti Komunitarja ta’ deċiżjoni amministrattiva minħabba nuqqas ta’ bażi legali, ikollha portata retroattiva, filwaqt li l-għan li għandu jintlaħaq invokat mill-istituzzjoni ma jiġġustifikax tali retroattività u li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati mill-imsemmi att ma jkunux ġew irrispettati.

(ara l-punti 100, 101, 104 sa 106, 113 u 117)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 17

4.      Skont l-Artikolu 233 KE, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex teżegwiha b’mod sħiħ, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jkunu wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li jkun ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tissostitwixxi l-att annullat. Barra minn hekk, l-Artikolu 233 KE jorbot lill-istituzzjoni kkonċernata sabiex tevita li kull att intiż sabiex jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament.

B’hekk, istituzzjoni tkun qed tikser l-awtorità ta’ res judicata jekk, sabiex teżegwixxi sentenza ta’ annullament, tagħti interpretazzjoni ta’ att direttament kuntrarja għal dik adottata mill-qorti Komunitarja fl-imsemmija sentenza ta’ annullament.

(ara l-punti 120 u 124)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il‑Kummissjoni, T‑283/03, ĠabraSP p. I‑A‑235 u II‑1075, punti 50 u 51

5.      L-Awtorità tal-Ħatra tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-uffiċjali li għandhom jiġu promossi. Minn dan jirriżulta li, anki jekk jiġi stabbilit li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet xi illegalitajiet waqt il-proċedura ta’ promozzjoni bi ħsara għal uffiċjal, dawn l-elementi, fihom infushom, ma jistgħux ikun suffiċjenti, taħt piena li tiġi miċħuda s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fir-rigward tal-promozzjonijiet, sabiex jiġi konkluż li, fin-nuqqas ta’ tali illegalitajiet, l-uffiċjal kien ikun effettivament promoss u li, għaldaqstant, id-dannu materjali allegat huwa ċert u attwali. Fil-fatt, l-Istatut ma jagħti l-ebda dritt għal promozzjoni, anki fir-rigward tal-uffiċjali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġu promossi.

(ara l-punt 133)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 22 ta’ Frar 2000, Rose vs Il-Kummissjoni, T‑22/99, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑115, punt 37

6.      Il-qorti Komunitarja tista’, sabiex tiżgura l-effett utli ta’ sentenza ta’ annullament, li l-eżekuzzjoni tagħha tippreżenta xi diffikultajiet partikolari, tagħmel użu mill-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kawżi ta’ natura pekunjarja u tikkundanna, jekk ikun il-każ anki ex officio, lill-konvenut għall-kumpens tad-danni kkawżati minħabba l-iżball fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu.

(ara l-punti 142 u 144)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 214