Language of document : ECLI:EU:C:2018:390

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet ta’ impjieg’ – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Kumpens inqas imħallas mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’”

Fil-Kawża C‑574/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

Grupo Norte Facility SA

vs

Angel Manuel Moreira Gómez,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev (Relatur), M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Grupo Norte Facility SA, minn A. I. López Fernández u E. Orusco Almazán, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Grupo Norte Facility SA (iktar ’il quddiem “Grupo Norte”) u Angel Manuel Moreira Gómez, dwar it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ sostituzzjoni li kien jorbot lil dan tal-aħħar ma’ din il-kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70:

“Il-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

4        Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa “li jġib fis-seħħ [il-Ftehim qafas] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP)”.

5        It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.”

6        Skont it-tielet paragrafu ta’ dan il-preambolu:

“[Il-Ftehim qafas] jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

7        Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

8        Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. [...]”

9        Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

 Id-dritt Spanjol

10      L-Artikolu 12(6) u (7) tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (it-Test Irriformulat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprevedi:

“6.      Sabiex il-ħaddiem ikun jista’ jkollu aċċess għall-irtirar parzjali, [...] huwa għandu jiftiehem mal-impriża tiegħu dwar tnaqqis fil-ħin tax-xogħol u tas-salarju ta’ minn tal-inqas 25 % u ta’ mhux iktar minn 75 %, [...] filwaqt li l-impriża għandha fl-istess ħin tikkonkludi kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu segwenti, sabiex jiġi kopert il-ħin tax-xogħol illiberat mill-ħaddiem li jkun qiegħed jirtira parzjalment. Kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’ jista’ jiġi konkluż ukoll sabiex jiġu sostituti l-ħaddiema li jkunu qegħdin jirtiraw parzjalment wara li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena.

It-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol u tas-salarju jista’ jilħaq 85 % meta l-kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’ ikun konkluż fuq bażi full-time u għal żmien indeterminat [...]

L-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol fuq bażi part-time u r-remunerazzjoni tiegħu huma kompatibbli mal-pensjoni tal-irtirar mogħtija mis-sigurtà soċjali lill-ħaddiem fil-kuntest tal-irtirar parzjali.

Ir-relazzjoni ta’ xogħol tintemm meta l-ħaddiem jirtira b’mod sħiħ.

7.      Il-kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’ għandu josserva r-regoli segwenti:

(a)      Dan il-kuntratt għandu jiġi konkluż ma’ ħaddiem qiegħed jew li jkollu diġà kuntratt għal żmien determinat mal-impriża.

(b)      Ħlief fil-każ previst fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6, it-tul tal-kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’ konkluż b’riżultat ta’ rtirar parzjali għandu jkun indeterminat jew, minn tal-inqas, għandu jkun daqs iż-żmien li jkun fadal sabiex il-ħaddiem issostitwit jilħaq l-età ta’ 65 sena. Jekk, fil-mument li fih jilħaq din l-età, il-ħaddiem irtirat parzjalment jibqa’ fl-impriża, il-kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’ konkluż għal żmien determinat jista’ jiġi estiż, bi qbil bejn il-partijiet, minn sena għal sena; fi kwalunkwe każ, dan il-kuntratt jintemm fi tmiem il-perijodu li jikkorrispondi għas-sena li matulha l-ħaddiem ‘issostitwit’ jirtira b’mod sħiħ.

Fil-każ li l-ħaddiem jirtira parzjalment wara li jkun laħaq l-età ta’ 65 sena, it-tul tal-kuntratt ta’ ‘sostituzzjoni’ li jista’ jiġi konkluż mill-impriża sabiex jiġi kopert il-ħin ta’ xogħol illiberat minn dan il-ħaddiem jista’ jkun indeterminat jew annwali. F’dan il-każ tal-aħħar, il-kuntratt għandu jiġi estiż awtomatikament minn sena għal sena u għandu jintemm bil-mod deskritt fis-subparagrafu preċedenti.

[...]

(d)      Il-pożizzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiem ‘sostitut’ tista’ tkun l-istess bħal dik tal-ħaddiem issostitwit jew pożizzjoni simili, jiġifieri pożizzjoni li l-kompiti tagħha jaqgħu taħt l-istess grupp professjonali jew taħt kategorija ekwivalenti.

[...]”

11      L-Artikolu 15(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat. Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jiġi konkluż fil-każijiet segwenti:

(a)      meta l-ħaddiem ikun irreklutat sabiex iwettaq kompitu partikolari, li jkun awtonomu u separabbli mill-bqija tal-attività tal-impriża u li t-twettiq tiegħu, filwaqt li jkun limitat fiż-żmien, ikun bħala prinċipju għal tul ta’ żmien li ma jkunx ċert. [...]

(b)      meta dan ikun meħtieġ miċ-ċirkustanzi tas-suq, minn akkumulazzjoni tax-xogħol jew minn volum kbir ta’ ordnijiet, anki fil-kuntest tal-attività normali tal-impriża. [...]

(c)      fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiema li jkunu intitolati jżommu l-pożizzjoni tax-xogħol tagħhom, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ta’ xogħol jispeċifika l-isem tal-ħaddiem issostitwit u r-raġuni tas-sostituzzjoni.”

12      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(6) ta’ dan l-istatut, il-ħaddiema temporanji u għal żmien determinat għandhom igawdu mill-istess drittijiet bħall-ħaddiema għal żmien indeterminat, bla ħsara għall-karatteristiċi partikolari speċifiċi għal kull waħda mill-modalitajiet kuntrattwali fil-qasam ta’ xoljiment tal-kuntratt, u għal dawk espliċitament previsti fil-liġi fir-rigward tal-kuntratti ta’ taħriġ.

13      L-Artikolu 49(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm:

[...]

(b)      minħabba r-raġunijiet indikati b’mod validu fil-kuntratt, sakemm dawn ma jikkostitwixxux abbuż ta’ dritt manifest min-naħa tal-persuna li timpjega;

(c)      mal-iskadenza tal-perijodu miftiehem jew mat-twettiq tal-kompitu jew tas-servizz li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. Meta jintemm il-kuntratt, ħlief fil-każijiet ta’ kuntratti ta’ tranżizzjoni u ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat jirċievi kumpens ta’ ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi għal tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, jew il-kumpens previst, jekk ikun il-każ, fil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli fil-qasam;

[...]

(l)      minħabba raġunijiet oġġettivi legalment ammissibbli;

[...]”

14      Skont l-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” li jistgħu jiġġustifikaw ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol l-inkompetenza tal-ħaddiem, magħrufa jew skoperta wara d-dħul effettiv tiegħu fl-impriża; in-nuqqas tal-ħaddiem li jadatta ruħu għall-bidliet tekniċi raġonevoli mwettqa fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu; raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni, meta n-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol eliminati jkun inqas minn dak meħtieġ sabiex ix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol jiġi kklassifikat bħala “tkeċċija kollettiva”, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, assenzi repetuti mix-xogħol, anki jekk iġġustifikati.

15      Konformement mal-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 ta’ dan l-istatut jagħti lok għall-ħlas lill-ħaddiem, fl-istess mument bħan-notifika bil-miktub, ta’ kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, kumpens li huwa kkalkolat pro rata fuq il-bażi tan-numru ta’ xhur maħduma fir-rigward ta’ perijodi ta’ inqas minn sena, iżda mhux iktar minn tnax-il salarju mensili.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fl-1 ta’ Novembru 2012, A. M. Moreira Gómez ikkonkluda ma’ Grupo Norte kuntratt ta’ xogħol ta’ sostituzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 12(6) tal-Istatut tal-Ħaddiema, sabiex jeżerċita impjieg bħala assistent tat-tindif għal perijodu ta’ 28.12 siegħa fil-ġimgħa, jiġifieri 75 % tal-ħin tax-xogħol ordinarju, fi ħdan il-Hospital Montecelo de Pontevedra, fejn Grupo Norte kienet responsabbli għas-servizz tat-tindif. Il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt kienet maħsuba sabiex jinstab sostitut, fir-rigward ta’ dan l-impjieg, għal omm A. M. Moreira Gómez, li kienet irtirat parzjalment u li kienet naqqset il-ħin tax-xogħol tagħha kif ukoll is-salarju tagħha b’75 %. Il-partijiet fl-imsemmi kuntratt kienu ftiehmu li dan kellu jintemm fit-18 ta’ Settembru 2015, id-data li fiha omm A. M. Moreira Gómez kellha tirtira kompletament.

17      Fit-18 ta’ Settembru 2015, Grupo Norte informat lil A. M. Moreira Gómez li l-kuntratt tiegħu kien intemm u waqfet milli tiżgura l-kopertura tiegħu mas-sigurtà soċjali.

18      A. M. Moreira Gómez ippreżenta, kontra Grupo Norte, rikors minħabba tkeċċija abbużiva quddiem il-Juzgado de lo Social n° 2 de Pontevedra (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Pontevedra, Spanja). Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa sostna li fi ħdan il-Hospital Montecelo de Pontevedra kien hemm l-użanza li, meta ħaddiem issostitwit li jkun jeżerċita l-impjieg ta’ assistent tat-tindif jirtira kompletament, il-ħaddiem li jissostitwixxih jiġi rreklutat fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat mill-impriża responsabbli għat-tindif tal-istabbiliment.

19      Grupo Norte kkontestat l-eżistenza ta’ tali użanza, filwaqt li indikat li l-prinċipju ta’ libertà ta’ intrapriża kien jippermettilha tirrekluta l-persuna tal-għażla tagħha għall-pożizzjoni inkwistjoni. Din il-kumpannija sostniet ukoll li, peress li l-kuntratt ta’ A. M. Moreira Gómez kien intemm fid-data miftiehma, jiġifieri d-data li fiha l-ħaddiema ssostitwita rtirat kompletament, dan il-kuntratt kien intemm legalment.

20      Il-Juzgado de lo Social n° 2 de Pontevedra (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Pontevedra) iddeċidiet li A. M. Moreira Gómez kien is-suġġett ta’ tkeċċija abbużiva u kkundannat lil Grupo Norte sabiex, skont l-għażla tagħha, tirreklutah mill-ġdid jew tħallsu kumpens.

21      Grupo Norte appellat mis-sentenza tal-Juzgado de lo Social n° 2 de Pontevedra (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Pontevedra) quddiem il-qorti tar-rinviju.

22      Din il-qorti tal-aħħar tqis li l-estinzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ sostituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija legali sa fejn dan il-kuntratt jissodisfa l-kundizzjonijiet legali kollha, sa fejn Grupo Norte temmet dan il-kuntratt fid-data prevista fih u sa fejn ma kien jirriżulta ebda obbligu fuq il-bażi ta’ użanza għal din il-kumpannija li tirrekluta, fi tmiem l-imsemmi kuntratt, lil A. M. Moreira Gómez fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

23      Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Spanjol, kull ħaddiem, irrispettivament minn jekk ikunx ġie rreklutat fuq il-bażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat, jista’ jitkeċċa minħabba waħda mir-raġunijiet “oġġettivi” previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema u jirċievi f’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità. Filwaqt li kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jintemm ukoll minħabba ċirkustanzi oġġettivi, jiġifieri l-fatt li tkun intlaħqet data preċiża, it-tlestija tal-kompitu li jkun is-suġġett tal-kuntratt jew il-fatt li jseħħ avveniment partikolari, il-kumpens mogħti f’tali każ jammonta biss, skont l-Artikolu 49(1)(c) tal-imsemmi statut, għal tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità. F’dan il-każ, il-kuntratt ta’ A. M. Moreira Gómez intemm mal-iskadenza tal-perijodu previst fih, jiġifieri d-data li fih il-ħaddiema ssostitwita rtirat kompletament.

24      Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-raġunijiet għal tkeċċija previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema huma imprevedibbli, punt dan li jiġġustifika d-differenza bejn l-ammonti tal-kumpens, fejn il-kumpens previst fl-Artikolu 53 tal-imsemmi statut huwa intiż li jikkumpensa l-waqfien tal-kuntratt qabel iż-żmien previst minħabba r-rieda ta’ waħda mill-partijiet biss.

25      Barra minn hekk, meta stabbilixxa l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ sostituzzjoni, il-leġiżlatur Spanjol idderoga mill-prinċipju ta’ stabbiltà tal-impjieg, u dan kemm sabiex jippermetti lill-impriżi jimpjegaw ħaddiem temporanju u jiffissaw il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat it-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u kemm sabiex jagħtihom mezz sabiex jinfirdu minn ħaddiem komparabbli rreklutat bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Madankollu, it-tmiem ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ sostituzzjoni u dak ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jagħtu lok għall-ħlas ta’ ammonti ta’ kumpens differenti.

26      Dawn id-diversi punti wasslu lit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja) sabiex ikollha dubji dwar jekk din id-differenza tikkostitwixxix differenza fit-trattament ipprojbita mill-Ftehim qafas.

27      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali differenza fit-trattament tistax titqies li hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ politika soċjali.

28      Fil-każ li d-differenza fit-trattament ma tkunx tista’ titqies li hija ġġustifikata minn għanijiet ta’ politika soċjali, il-qorti tar-rinviju tindika li jkun impossibbli li l-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema jiġi interpretat b’mod konformi mal-Ftehim qafas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti għandha dubju dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ mis-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709), tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21), tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573), u tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278), il-projbizzjoni ta’ differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u għal żmien indeterminat tirriżultax ukoll mill-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

29      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ekwivalenza bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti, għandu jitqies li x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol minħabba ‘ċirkostanzi oġġettivi’ skont l-Artikolu 49(1)(c) [tal-Istatut tal-Ħaddiema] u x-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol minħabba ‘raġunijiet oġġettivi’ previsti fl-Artikolu 52 [tal-Istatut tal-Ħaddiema] jikkostitwixxu ‘sitwazzjonijiet paragunabbli’ u li, għaldaqstant, il-kumpensi differenti mħallsa f’każ jew f’ieħor jikkostitwixxu differenza fit-trattament bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti li hija pprojbita mid-Direttiva [1999/70]?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, hemm lok li jitqies li l-għanijiet ta’ politika soċjali li ġġustifikaw il-ħolqien tal-‘contrato de relevo’ [kuntratt ta’ sostituzzjoni] jiġġustifikaw ukoll, skont il-Klawżola 4(1) tal-[Ftehim qafas], id-differenza fit-trattament li tikkonsisti fil-ħlas ta’ kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt tax-xogħol li jkun inqas favorevoli fil-każ li l-impriża tiddeċiedi liberament li l-imsemmi ‘contrato de relevo’ jkun għal żmien determinat?

3)      Għall-finijiet li tiġi ggarantita l-effettività tad-Direttiva 1999/70, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni raġonevoli konformi mal-Klawżola 4(1) [tal-istess direttiva,] id-differenza fit-trattament bejn ħaddiema temporanji u ħaddiema permanenti, prevista fil-leġiżlazzjoni Spanjola msemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tal-kumpens imħallas fil-każ tax-xoljiment tal-kuntratt, tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21 tal-[Karta] sa fejn din tmur kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li jifformaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni?”

30      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2017, il-Gvern Spanjol talab, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala l-Awla Manja.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

31      Grupo Norte tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domanda. Fil-fatt, hija ssostni li l-ewwel domanda tikkonċerna l-paragun ta’ diversi raġunijiet li, skont id-dritt Spanjol, jistgħu jwasslu għat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol. B’hekk, il-qorti tar-rinviju qiegħda tipprova tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u mhux tad-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, Grupo Norte ssostni li bit-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qiegħda tipprova biss tikseb stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-raġunijiet ta’ politika soċjali li ġġustifikaw il-ħolqien, mil-leġiżlatur Spanjol, tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ sostituzzjoni. Għaldaqstant, hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi.

32      F’dan id-dawl, huwa minnu li skont ġurisprudenza stabbilita ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn tali interpretazzjoni taqa’ effettivament fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel u t-tieni domanda, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju, ma jikkonċernawx l-interpretazzjoni tad-dritt Spanjol iżda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif espress b’mod konkret fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li dawn id-domandi huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

35      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kumpens imħallas lill-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi kopert il-ħin ta’ xogħol illiberat minn ħaddiem li jirtira parzjalment, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi, huwa inqas mill-kumpens mogħti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat meta l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt minħabba raġuni oġġettiva.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt (a) tal-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika li dan il-ftehim qafas “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika li l-għan tal-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta’ natura li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 47; tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 40, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 22).

37      Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li jimplimenta l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat bil-għan li jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 23).

38      Fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Ftehim qafas, kif imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti, il-klawżola 4 tiegħu għandha tinftiehem fis-sens li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38).

39      Għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi projbizzjoni dwar it-trattament, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

40      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, peress li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ A. M. Moreira Gómez kellu jintemm f’data preċiża, dan tal-aħħar huwa “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas.

41      Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-għoti ta’ kumpens mill-persuna li timpjega minħabba l-estinzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol jaqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 25).

42      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-perijodu ta’ avviż minn qabel applikabbli fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 29).

43      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-imsemmi kunċett il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat twassal sabiex jiġi llimitat, bi ksur tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 27).

44      Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasposti kompletament għall-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, sa fejn tali kumpens jingħata minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li kien hemm bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 31).

45      Minn dan isegwi li kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

46      Għandu jitfakkar, fit-tielet lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat permezz tal-Ftehim qafas fir-rigward biss tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31).

49      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk A. M. Moreira Gómez, meta ġie rreklutat minn Grupo Norte fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ sostituzzjoni, kienx jinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-impjegati rreklutati għal żmien indeterminat minn din l-istess persuna li timpjega matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 67; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32).

50      B’dan premess, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li A. M. Moreira Gómez, meta kien irreklutat minn Grupo Norte fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, kien jokkupa l-istess pożizzjoni ta’ “assistent tat-tindif” fi ħdan il-Hospital Montecelo de Pontevedra bħalma kienet tokkupa l-ħaddiema li huwa kien qiegħed jissostitwixxi parzjalment sakemm din tirtira kompletament, pożizzjoni din li, barra minn hekk, ma teħtieġx rekwiżiti ta’ taħriġ speċifiċi.

51      Għaldaqstant, bla ħsara għall-evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, għandu jitqies li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat bħalma huwa A. M. Moreira Gómez kienet komparabbli għal dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat irreklutat minn Grupo Norte sabiex iwettaq l-istess kompiti ta’ assistent tat-tindif.

52      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika li l-fatt li kuntratt għal żmien determinat ta’ sostituzzjoni jkun wasal fit-tmiem tiegħu jagħti lok għall-ħlas lill-ħaddiem għal żmien determinat ikkonċernat ta’ kumpens inqas minn dak li jirċievi ħaddiem għal żmien indeterminat meta dan tal-aħħar jitkeċċa minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata għar-raġuni li din id-differenza hija prevista f’regola ġenerali jew astratta, bħalma hija liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 57, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 54, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 62).

54      Skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 53, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 45, kif ukoll digriet tat-22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 65).

55      F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol jinvoka d-differenza li tikkaratterizza l-kuntest li fih isir il-ħlas ta’ kumpens, bħal dak previst fl-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema, meta jintemm kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat bħall-kuntratt għal żmien determinat ta’ sostituzzjoni, fil-konfront tal-kuntest li fih isir il-ħlas tal-kumpens ogħla previst fil-każ ta’ tkeċċija minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-imsemmi statut, bħalma huma raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni tal-persuna li timpjega, meta n-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol eliminati jkun inqas minn dak meħtieġ sabiex ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol jiġi kklassifikat bħala “tkeċċija kollettiva”. L-imsemmi gvern jenfasizza essenzjalment li, għalkemm il-leġiżlatur Spanjol introduċa l-ewwel kumpens sabiex jiġi evitat l-użu eċċessiv tal-impjieg temporanju u sabiex isaħħaħ l-istabbiltà tal-impjieg, dan il-kumpens jitħallas meta jkun hemm avveniment li seta’ jiġi antiċipat mill-ħaddiem fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Għaldaqstant, għall-kuntrarju tat-tieni kumpens, dan il-kumpens ma huwiex intiż li jikkumpensa l-ksur tal-aspettattivi leġittimi ta’ ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol kienet ser tkompli, li jirriżulta mit-tkeċċija tiegħu minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 52. Din id-differenza tippermetti li jiġi spjegat għaliex il-livell tal-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba l-estinzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ma huwiex ekwivalenti fiż-żewġ każijiet.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ħlas ta’ kumpens bħal dak dovut minn Grupo Norte fl-okkażjoni tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ A. M. Moreira Gómez, liema kuntratt kien previst, sa mill-konklużjoni tiegħu, li jintemm meta tirtira kompletament il-ħaddiema li kien qiegħed jissostitwixxi, jaqa’ f’kuntest kunsiderevolment differenti, minn perspettiva fattwali u legali, mill-kuntest li fih il-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat ikun ġie xolt minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

57      Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt għal żmien determinat” li tinsab fil-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas jirriżulta li kuntratt ta’ dan it-tip ma jibqax ikollu effetti fil-futur malli jintlaħaq it-tmiem li jkun assenjat lil dan il-kuntratt, liema tmiem jista’ jkun ikkostitwit mit-tlestija ta’ kompitu determinat, mill-fatt li jseħħ avveniment partikolari jew, bħal f’dan il-każ, mill-fatt li tintlaħaq data preċiża. B’hekk, il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jafu, sa mill-konklużjoni tiegħu, id-data jew l-avveniment li jiddeterminaw it-tmiem tiegħu. Dan it-tmiem jillimita t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-partijiet jesprimu r-rieda tagħhom f’dan ir-rigward wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

58      Mill-banda l-oħra, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega, jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ ċirkustanzi li ma kinux previsti fid-data tal-konklużjoni tiegħu u li jfixklu kompletament l-iżvolġiment normali tar-relazzjoni ta’ xogħol. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol imfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza u kif enfasizzat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa preċiżament sabiex tiġi kkumpensata din in-natura imprevista tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba tali raġuni u, għaldaqstant, il-ksur tal-aspettattivi leġittimi li l-ħaddiem seta’ kellu f’dik id-data fir-rigward tal-istabbiltà tal-imsemmija relazzjoni, li l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jeħtieġ f’dan il-każ il-ħlas lill-imsemmi ħaddiem imkeċċi ta’ kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

59      F’dan il-każ tal-aħħar, id-dritt Spanjol ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, sa fejn l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi kumpens legali ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża favur il-ħaddiem, irrispettivament minn jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kienx għal żmien determinat jew indeterminat.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jitqies li l-għan distint tal-kumpens previst rispettivament fl-Artikolu 49(1)(c) u fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li l-ħlas tiegħu jsir f’kuntesti fundamentalment differenti, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kumpens mogħti lill-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi kopert il-ħin ta’ xogħol illiberat minn ħaddiem li jirtira parzjalment, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi, huwa inqas mill-kumpens mogħti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat meta l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt minħabba raġuni oġġettiva.

 Fuq it-tielet domanda

62      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, essenzjalment, li t-tielet domanda qiegħda ssir biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal dawn iż-żewġ domandi tal-aħħar, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet waħda.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kumpens mogħti lill-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex jiġi kopert il-ħin ta’ xogħol illiberat minn ħaddiem li jirtira parzjalment, bħalma huwa l-kuntratt ta’ sostituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi, huwa inqas mill-kumpens mogħti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat meta l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt minħabba raġuni oġġettiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.