Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-637/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Petersen u K. Talabér-Ritz, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13(1), fir-rigward tal-Anness XI, tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa 1 , billi naqset milli tosserva, b’mod sistematiku u persistenti, kull sena mill-1 ta’ Jannar 2005, il-valur limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10 fiż-żoni ta’ Budapest (HU0001) u tal-wied ta’ Sajó (HU0008).

tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu13 (1), fir-rigward tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, billi naqset milli tosserva, kull sena mill-11 ta’ Ġunju 2011 – bl-eċċezzjoni tal-2014 –, b’mod sistematiku u persistenti, il-valuri limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ PM10 madwar iż-żona ta’ Pécs (HU0006).

tiddikjara li l-Ungerija, mill-11 ta’ Ġunju 2010, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha stabbilit fl-Artikolu 23(1) fir-rigward tal-Anness XV tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, previst, b’mod partikolari, fit-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu, li l-perijodu li jeċċedi l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-1 ta’ Jannar 2005, il-valur limitu ta’ kuljum ta’ PM10 inqabeż f’żewġ żoni ta’ kwalità tal-arja u, mill-11 ta’ Ġunju 2011, f’żona oħra. Minkejja dan il-ksur tal-Artikolu 13(1), fir-rigward tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, l-Ungerija, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ma adottat l-ebda miżura xierqa fil-pjanijiet tal-kwalità tal-arja sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu jkun qasir kemm jista’ jkun.

L-ineffikaċja tal-miżuri inkwistjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu, mil-livell u l-evoluzzjoni tagħhom u mill-eżami ddettaljat tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja adottati mill-awtoritajiet Ungeriżi.

____________

1 ĠU 2008, L 152, p. 1.