Language of document : ECLI:EU:F:2011:42

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (It-Tieni Awla)

13 ta’ April 2011

Kawża F-32/10

Christian Wilk

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Rimbors ta’ spejjeż — Allowance tal-installazzjoni — Installazzjoni mal-familja fil-post tal-assenjazzjoni — Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament — Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Wilk, wara li rċieva l-allowance tal-installazzjoni prevista fl-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea b’rata doppja, dik għall-installazzjoni tal-konjuġi tiegħu fil-post tal-assenjazzjoni tiegħu, jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija rata doppja, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni allegatament subiti.

Deċiżjoni:      Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rimbors ta’ spejjeż — Allowance tal-installazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Uffiċjali li għandhom familja

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 5)

2.      Uffiċjali — Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament — Kundizzjonijiet — Irregolarità evidenti tal-ħlas — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85; Anness VII, Artikolu 5)

3.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

4.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni ppreżentat fl-assenza ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Il-mument rilevanti sabiex tiġi ddeterminata r-residenza ta’ konjuġi ta’ uffiċjal għall-għoti tal-allowance tal-installazzjoni b’rata doppja, u b’mod partikolari jekk l-imsemmi konjuġi huwiex effettivament installat mal-uffiċjal fil-post ta’ assenjazzjoni ta’ dan, kif meħtieġ mill-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-għada tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova tal-uffiċjal, li jikkorrispondi għad-data tal-ħatra bħala uffiċjal permanenti skont din id-dispożizzjoni.

Barra minn hekk, il-post fejn il-konjuġi tal-uffiċjal ikun stabbilixxa ċ-ċentru tal-interessi tiegħu jirriżulta mill-għażla personali tiegħu u ma jistax jiddependi esklużivament u awtomatikament mill-post ta’ assenjazzjoni tal-uffiċjal. Issa, il-fatt li l-uffiċjal ikun beda l-proċeduri sabiex il-konjuġi tiegħu tikseb permess ta’ residenza jipprova biss il-volontà tiegħu stess li jikseb tali awtorizzazzjoni għall-konjuġi tiegħu.

(ara l-punti 26 u 28)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 29 ta’ Settembru 2005, Thommes vs Il‑Kummissjoni, T‑195/03, punt 73

2.      Skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull somma mħallsa indebitament għandha tiġi rkuprata, b’mod partikolari jekk l-irregolarità tal-ħlas kienet tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jindunax biha.

Jikkostitwixxi tali irregolarità l-ħlas tal-allowance tal-installazzjoni b’rata doppja, skont l-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, lil uffiċjal li l-konjuġi tiegħu ma tkunx effettivament stabbilixxiet ruħha miegħu fil-post ta’ assenjazzjoni tiegħu jew viċin dan il-post fil-mument tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova tiegħu. Fil-fatt, din l-irregolarità hija tant evidenti li ma tista’ taħrab lill-ebda uffiċjal normalment diliġenti li għandu jkun jaf ir-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni tiegħu.

(ara l-punt 29)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Jannar 1989, Stempels vs Il‑Kummissjoni, 310/87, punt 10

3.      Fir-rigward ta’ tilwima dwar l-applikazzjoni konkreta ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal f’kuntest magħruf sew ta’ rikorrent, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu tissodisfa l-eżiġenza ta’ motivazzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn hija ta’ natura li tippermetti lill-persuna kkonċernata li tifhem ampjament il-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll li tevalwa l-opportunità li tippreżenta rikors u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Settembru 2003, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni, T‑221/02, punt 61; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 7 ta’ Novembru 2007, Hinderyckx vs Il‑Kunsill, F‑57/06, punt 27; 8 ta’ April 2008, Bordini vs Il‑Kummissjoni, F‑134/06, punt 62

4.      Fl-ipoteżi fejn uffiċjal jakkuża istituzzjoni b’illegalità li jkollha l-oriġini tagħha, mhux f’deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, iżda f’aġir, huwa għandu jippreċedi r-rikors tiegħu b’talba fejn jitlob lill-amministrazzjoni tħallas għad-dannu li jirriżulta mill-aġir inkwistjoni kif ukoll b’ilment li jikkontesta l-fondatezza taċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba, u fin-nuqqas ta’ dan, it-talbiet tiegħu għal danni intiżi kontra l-aġir għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punt 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Lulju 1993, Camara Alloisio et vs Il‑Kummissjoni, T‑17/90, T‑28/91 u T‑17/92, punt 47