Language of document : ECLI:EU:C:2008:312

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Ġunju 2008 (*)

“Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat minn vapuri – Direttiva 2005/35/KE – Validità – Konvenzjoni ta’ Montego Bay – Konvenzjoni Marpol 73/78 – Effetti legali – Invokabbiltà – Negliġenza serja – Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-kawża C-308/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2006, fil-kawża

The Queen, fuq talba ta’:

International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko),

International Association of Dry Cargo Shipowners (Intercargo),

Greek Shipping Co-operation Committee,

Lloyd’s Register,

International Salvage Union

vs

Secretary of State for Transport,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, J. Malenovský (Relatur), A. Ó Caoimh, P. Lindh u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali, u C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko), l-International Association of Dry Cargo Shipowners (Intercargo), il-Greek Shipping Co-operation Committee, il-Lloyd’s Register u l-International Salvage Union, minn C. Greenwood, QC, u M. H. Mercer, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn C. Lewis u S. Wordsworth, barristers,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou, S. Chala u G. Karipsiadis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, L. Butel u C. Jurgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Lysandrou u N. Charalampidou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Malti, minn S. Camilleri, bħala aġent,

–        għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand u A. Falk, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn M. Gómez-Leal u J. Rodrigues, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u E. Chaboureau, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Simonsson, H. Ringbom u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, p. 11, rettifiki, ĠU L 33, 2006, p. 87 u ĠU L 105, 2006, p. 65).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, l-International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko), l-International Association of Dry Cargo Shipowners (Intercargo), il-Greek Shipping Co‑operation Committee, il-Lloyd’s Register u l-International Salvage Union u, min-naħa l-oħra, is-Secretary of State for Transport (il-Ministeru tat-Trasport) dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2005/35.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay (il-Ġamajka) fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Hija ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1).

4        L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jirreferi għar-regoli ġuridiċi dwar il-baħar territorjali fit-termini segwenti:

“1.      Is-sovranità ta’ Stat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ilmijiet interni tiegħu u, fil-każ ta’ Stat arċipelagu, l-ilmijiet arċipelaġiċi tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritt[a] bħala l-baħar territorjali.

[…]

3.      Is-sovranità fuq il-baħar territorjali hija eżerċitata bla ħsara għal[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali.”

5        Skont l-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni:

“Bla ħsara għal[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], il-vapuri ta’ l-Istati kollha, sew jekk kostali jew li m’għandhomx aċċess dirett għall-baħar, igawdu d-dritt tal-passaġġ innoċenti matul il-baħar territorjali.”

6        L-Artikolu 34 tal-imsemmija konvenzjoni jispeċifika r-regoli ġuridiċi dwar l-ilmijiet tal-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali kif ġej:

“1.      Ir-reġim tal-passaġġ matul mogħdijiet [stretti] użati għal navigazzjoni internazzj[o]nali stabbiliti f’din il-parti m’għandhomx f’aspetti oħrajn jaffettwaw l-istatus legali ta’ l-ilmijiet li jifformaw mogħdijiet [stretti] bħal dawk jew l-eżerċitar mill-Istati bi fruntieri fuq dawk il-mogħdijiet [l-istretti] tas-sovranità tal-ġurisdizzjoni tagħhom fuq dawk l-ilmijiet jew l-ispazju ta’ l-ajru tagħhom, tal-qiegħ jew ta’ l-istrati ta’ taħt l-art.

2.      Is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati bi fruntieri fuq il-mogħdijiet [l-istretti] huma eżerċitati bla ħsara għall din il-parti u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali.”

7        L-Artikolu 42 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jgħid:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni, l-Istati bi fruntieri fuq il-mogħdijiet [l-istretti] jistgħu jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti li jirrigwardaw il-passaġġ tat-transitu matul il-mogħdijiet [l-istretti], fir-rigward ta’ kollha jew ta’ uħud minn dawn li ġejjin:

[…]

(b)      il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s], billi jdaħħlu b’effett [jagħtu effett l]ir-regolamenti internazzjonali applikabbli fir-rigward tar-rimi taż-żejt, skart taż-żejt jew sustanzi perikolużi oħrajn fil-mogħdija [fl-istrett];

[…]”

8        Il-Parti V ta’ din il-konvenzjoni tipprovdi regoli ġuridiċi speċifiċi li għalihom hija suġġetta ż-żona ekonomika esklużiva.

9        F’din il-parti, l-Artikolu 56(1) tal-imsemmija konvenzjoni jgħid:

“1.      Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu:

(a)       id-drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin jew mhux ħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ [li jinsab fuq il-qiegħ] tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet l-oħrajn għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ekonomika taż-żona, bħal ma hija l-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-ilma, mill-kurrenti jew mill-irjieħ;

[…]”

10      L-Artikolu 58(1) tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istati kollha, kemm jekk kostali jew li m’għandhom aċċess dirett għall-baħar, igawdu, suġġett għad-disposizzjonijiet relevanti ta[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], il-libertajiet msemmija fl-Artikolu 87, tan-navigazzjoni u t-titjiriet u tat-tqegħid ta’ fili u pajpijiet sottomarini, u ta’ l-użu internazzjonali legali l-ieħor tal-baħar relatati ma dawk il-libertajiet, bħal dawk assoċjati ma l-operazzjoni ta’ vapuri, ajruplani u fili u pajpijiet sottomarini, u kompatibbli mad-disposizzjonijiet l-oħrajn ta[…]l-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay].”

11      Skont l-Artikolu 79(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay:

“L-Istati kollha huma ntitolati li jqiegħdu fili u pajpijiet sottomarini fuq is-sikka kontinentali, b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

12      Skont l-Artikolu 89 ta’ din il-konvenzjoni:

“L-ebda Stat ma jista’ validitament [validament] jipproponi li jissuġġetta xi parti mill-baħar internazzjonali [mill-ibħra miftuħa] għas-sovranità tiegħu.”

13      L-Artikolu 90 tal-imsemmija konvenzjoni jgħid:

“Kwalunkwe Stat, sew jekk kostali jew li m’għandux aċċess dirett għall-baħar, għandu d-dritt li jbaħħar il-vapuri li jtajjru l-bandiera tiegħu matul l-ibħra internazzjonali [l-ibħra miftuħa].”

14      L-Artikolu 116 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprovdi:

“L-Istati kollha għandhom id-dritt għaċ-ċittadini tagħhom li jinvolvu rwieħhom fis-sajd f’ibħra internazzjonali [fl-ibħra miftuħa] […]”.

15      Il-Parti XII ta’ din il-konvenzjoni hija ddedikata għall-protezzjoni u l-preżervazzjoni tal-ambjent marittimu.

16      F’din il-Parti XII, l-Artikolu 211 tal-imsemmija konvenzjoni jgħid:

“1.      L-Istati, li jaġixxu permezz ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta’ konferenza diplomatika ġenerali, għandhom jistabbilixxu regoli u normi [standards] internazzjonali sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu minn vapuri u jħeġġu l-adozzjoni, bl-istess mod, kull meta xieraq, ta’ sistemi ta’ rotot ġodda ddisinjati biex jimminizzaw it-theddida ta’ inċidenti li jistgħu joħolqu tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu, inkluża l-kosta, u l-ħsara bit-tniġġi[s] relatata ma’ l-interessi ta’ l-Istati kostali. Regoli u normi [standards] bħal dawn għandhom, bl-istess mod, ikunu eżaminati mill-ġdid minn żmien għal żmien skond ma jkun meħtieġ.

2.      L-Istati għandhom jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti għall-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu minn vapuri li jtajjru il-bandiera tagħhom jew tar-registru tagħhom. Liġijiet u regolamenti bħal dawn għandhom mill-anqas ikollhom l-istess effett bħal dawk ir-regoli u n-normi [l-istandards] internazzjonali ġeneralment aċċettati kif stabbiliti permezz ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta’ konferenza diplomatika ġenerali.

[…]

4.      L-Istati kostali jistgħu, fl-eżerċitar tas-sovranità tagħhom fi ħdan il-baħar territorjali tagħhom, jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti għall-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] marittimu minn vapuri barranin, inklużi vapuri li jeżerċitaw id-dritt tal-passaġġ innoċenti. Liġijiet u regolamenti bħal dawn għandhom, b’konformità mal-Parti II, is-Sezzjoni 3, ma jfixklux il-passaġġ innoċenti tal-vapuri barranin.

5.      L-Istat[i] kostali, għall-iskop ta’ l-infurzar kif hemm provvediment dwar dan fis-Sezzjoni 6, jistgħu fir-rigward taż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom, jadottaw liġijiet u regolamenti għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] minn vapuri li jkunu konformi ma’, u li jagħtu effett għar-regoli u n-normi [l-istandards] internazzjonali ġeneralment aċċettati kif stabbiliti permezz ta’ l-organizzazzjonijiet [l-organizzazzjoni] internazzjonali kompetenti jew minn konferenza diplomatika ġenerali.

[...]”

17      Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Marpol 73/78”), tistabbilixxi regoli għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ambjent marittimu.

18      Ir-regoli dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis miż-żejt huma stabbiliti fl-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78.

19      Skont ir-Regolament 9 ta’ dan l-anness, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 10 u 11 ta’ dan l-anness u l-paragrafu (2) ta’ dan ir-regolament, kwalunkwe rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlitiet żejtnin minn vapuri li għalihom japplika dan l-anness għandu jkun ipprojbit ħlief meta ċerti kundizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti huma sodisfatti.

20      Ir-Regolament 10 tal-imsemmi Anness I jipprovdi l-metodi għall-prevenzjoni ta’ tniġġis taż-żejt minn vapuri waqt li joperaw f’żoni speċjali.

21      Skont ir-Regolament 11 ta’ dan l-istess anness, intitolat “Eċċezzjonijiet”:

“Ir-Regolamenti 9 u 10 ta’ dan l-Anness ma għandhomx japplikaw għal:

(a)      rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlita żejtnija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ vapur jew li tiġi salvata l-ħajja umana fuq il-baħar; jew

(b)      rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlita żejtnija li tirriżulta minn ħsara għal vapur jew it-tagħmir tiegħu:

(i)      bil-kundizzjoni li l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli ttieħdu wara li ġrat il-ħsara jew wara li r-rimi ġie skopert sabiex jiġi prevenut jew minimizzat; u

(ii)      ħlief fil-każ li s-sid jew il-kaptan aġixxew jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara; jew

(ċ)      ir-rimi fil-baħar ta’ sustanzi li jkun fihom i[ż]-żejt, approvat mill-Amministrazzjoni [tal-Istat tal-bandiera], meta dawn is-sustanzi jintużaw għall-iskop tal-ġlieda kontra inċidenti speċifiċi ta’ tniġġi[s] sabiex titnaqqas il-ħsara minn dan it-tniġġi[s]. Kwalunkwe rimi ta’ dan it-tip għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe Gvern li għandu ġurisdizzjoni fil-post li fih ir-rimi ser isir.”

22      Ir-regoli dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis minn sustanzi likwidi noċivi huma stabbiliti fl-Anness II tal-Konvenzjoni Marpol 73/78.

23      Ir-Regolament 5 ta’ dan l-anness jipprojbixxi r-rimi fil-baħar tas-sustanzi msemmija fl-imsemmi anness, ħlief meta ċerti kundizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti huma sodisfatti. Ir-Regolament 6(a)(ċ) tal-istess anness jirriproduċi, f’termini analogi, l-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament 11(a)(ċ) tal-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78.

 Id-dritt Komunitarju

24      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/35:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika, bi qbil mal-liġi internazzjonali, għal rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u:

(a)      fl-ilmijiet interni, inklużi portijiet, ta’ Stat Membru, sakemm ir-reġim Marpol huwa applikabbli;

(b)      fil-baħar territorjali ta’ Stat Membru;

(ċ)      fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali li huma suġġetti għar-reġim ta’ passaġġ bi transitu, kif stipulat fil-Parti III, sezzjoni 2, tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], sakemm Stat Membru jeżerċita ġurisdizzjoni fuq tali stretti;

(d)      fiż-żona ekonomika esklussiva jew żona ekwivalenti ta’ Stat Membru, stabbilita skond il-liġi internazzjonali; u

(e)      bejn sema u ilma [l-ibħra miftuħa].”

25      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u minn vapuri fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ikun ikkunsidrat bħala ksur jekk isiru b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja. Dan il-ksur huwa meqjus bħala offiża [reat] kriminali skond, u fiċ-ċirkustanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI li tissupplimenta din id-Direttiva.”

26      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/35:

“1.      Ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) m’għandux jitqies bħala ksur jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolamenti 9, 10, 11(a) jew 11(ċ) jew fl-Anness II, Regolamenti 5, 6(a) jew 6(ċ) tal-[Konvenzjoni] Marpol 73/78.

2.      Ir-rimi ta’sustanzi li jniġġ[s]u fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (ċ), (d) u (e) m’għandux jitqies bħala ksur min-naħa tas-sid, tal-kmandant [kaptan] jew ta’ l-ekwipaġġ meta jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tal-kmandant [kaptan] jekk ir-rimi jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolament 11(b) jew fl-Anness II, Regolament 6(b) tal-[Konvenzjoni] Marpol 73/78.”

27      Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/35:

“1.       Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur imsemmi fl-Artikolu 4 ikun suġġett għal penali effettivi, proporzjonati u disważivi, li jistgħu jinkludu penali kriminali jew amministrattivi.

2.       Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-penali msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għal kwalunkwe persuna li tinstab responsabbli ta’ ksur kif imsemmi fl-Artikolu 4.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jifformaw grupp ta’ organizzazzjonijiet fis-settur tat-trasport marittimu li jirrappreżentaw parti sostanzjali minn dan is-settur. Huma ressqu rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) fir-rigward tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2005/35 quddiem il-qorti tar-rinviju.

29      B’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Dwar l-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali, iż-żona ekonomika esklużiva jew iż-żona ekwivalenti ta’ Stat Membru u l-ibħra miftuħa: l-Artikolu 5(2) tad-[Direttiva 2005/35/KE] huwa null safejn jillimita l-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament 11(b) tal-Anness I u fir-Regolament 6(b) tal-Anness II ta[l-Konvenzjoni] Marpol 73/78 għas-sidien, għall-kaptani u għall-membri tal-ekwipaġġ?

2)      Dwar l-ibħra territorjali ta’ Stat Membru:

a)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2005/35] huwa null safejn jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw in-negliġenza serja bħala kriterju ta’ responsabbiltà għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu; u/jew

b)      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [2005/35] huwa null safejn jeskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament 11(b) tal-Anness I u fir-Regolament 6(b) tal-Anness II ta[l-Konvenzjoni] Marpol 73/78?

3)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva [2005/35], li jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali li jinkludu n-negliġenza serja bħala kriterju ta’ responsabbiltà u li jippenalizzaw ir-rimi fl-ibħra territorjali, jikser id-dritt ta’ passaġġ innoċenti rikonnoxut fil-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], u jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 4 huwa null f’dan ir-rigward?

4)      L-użu tal-espressjoni ‘negliġenza serja’ fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2005/35] jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 4 huwa null f’dan ir-rigward?”

 Fuq l-ammissibbiltà

30      Il-Gvern Franċiż għandu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi, skontu, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx iċ-ċirkustanzi li fihom hija ġiet adita. B’kuntrast ma’ kawżi bħal dik li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I-11453), l-imsemmija talba ma tispeċifikax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali riedu jeżerċitaw azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex tiġi kkontestata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/35 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar dan il-punt hijiex neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala regola, li tiddeċiedi [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata].

32      Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta, b’mod partikolari, jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, quddiem il-High Court of Justice, proċeduri għall-istħarriġ tal-legalità intiżi sabiex tiġi kkontestata t-traspożizzjoni fir-Renju Unit tad-Direttiva 2005/35, u li jistgħu jeżerċitaw tali azzjoni ġudizzjarja minkejja li, fid-data li fiha tressqet din l-azzjoni, it-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx għadu skada u ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija ma kienet ġiet adottata.

34      Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi magħmula huma rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, għaliex l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jittrasponu direttiva fis-sistema legali tar-Renju Unit tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li din id-direttiva hija valida [ara s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37].

35      Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2005/35, mitluba mill-qorti tar-rinviju, m’għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

36      Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35 fid-dawl tar-Regolamenti 9 u 11(b) tal-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 u tar-Regolament 6(b) tal-Anness II ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju, mill-Istati kostali, ta’ wħud mid-drittijiet tagħhom fid-diversi żoni tal-baħar.

37      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Elleniku, il-Gvern Ċiprijott u l-Gvern Malti, jsostnu li, minn diversi aspetti, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35 la jirrispettaw il-Konvenzjoni Marpol 73/78 u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. B’mod partikolari, bil-fatt li jipprovdu għal grad ta’ responsabbiltà li jikkorrispondi għal negliġenza serja, dawn l-artikoli jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà li huma iktar stretti għar-rimi aċċidentali mir-regoli previsti fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Marpol 73/78, moqri flimkien mar-Regolamenti 9 u 11(b) tal-Anness I ta’ din il-konvenzjoni u mar-Regolamenti 5 u 6 tal-Anness II ta’ din tal-aħħar.

38      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-gvernijiet fuq imsemmija jitilqu mill-premessa li l-legalità tad-Direttiva 2005/35 tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, billi din tal-aħħar tifforma parti mis-sistema legali Komunitarja minħabba li l-Komunità hija parti f’din il-konvenzjoni.

39      Skonthom, il-legalità tal-imsemmija direttiva tista’ tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78. Fil-fatt, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tiddefinixxi u tirregola l-portata tal-kompetenza tal-partijiet kontraenti fil-kuntest ta’ azzjoni tagħhom fl-ibħra miftuħa, fiż-żona ekonomika esklużiva u fl-istretti internazzjonali. Għalhekk, il-Komunità mhijiex kompetenti sabiex tadotta leġiżlazzjoni li tapplika għar-rimi minn vapuri li ma jtajrux il-bandiera ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, sakemm mhux fil-limiti li fihom il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tagħti lill-Komunità d-dritt li tadotta tali leġiżlazzjoni. Issa skont din il-konvenzjoni, il-partijiet kontraenti huma kompetenti biss sabiex jadottaw leġiżlazzjoni li timplementa r-regoli u l-istandards internazzjonali f’tali żoni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Marpol 73/78. Din il-kompetenza hija speċifikata fir-rigward tal-ibħra miftuħa fl-Artikolu 211(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, fir-rigward tal-istretti internazzjonali fl-Artikoli 42(1)(b) u 45 ta’ din il-konvenzjoni u fir-rigward taż-żona ekonomika esklużiva fl-Artikolu 211(5) ta’ din tal-aħħar. L-istess japplika fir-rigward tal-baħar territorjali permezz tal-Artikolu 2(3) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

40      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jgħidu wkoll li l-legalità tad-Direttiva 2005/35 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78, għar-raġuni, ukoll, li l-leġiżlatur Komunitarju jixtieq jittrasponi din tal-aħħar fid-dritt Komunitarju permezz ta’ din id-direttiva.

41      Barra minn hekk, il-qasam tat-trasport marittimu huwa qasam li fih il-Komunità għandha rwol ta’ regolatur tal-implementazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri. Is-sitwazzjoni hija analoga għal dik li kienet tipprevali taħt il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tat-30 ta’ Ottubru 1947 (iktar ’il quddiem il-“GATT tal-1947”), qabel il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, sitwazzjoni li fiha l-Komunità, mingħajr ma saret parti fl-ewwel wieħed minn dawn il-ftehim, kienet issuċċediet lill-Istati Membri fl-obbligi tagħhom minħabba l-attività tagħha fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni. L-oqsma koperti mill-GATT tal-1947 għalhekk kienu daħlu fil-kamp tal-kompetenza tal-Komunità u d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim kellhom l-effett li jorbtu lil din tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Mill-Artikolu 300(7) KE jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Komunità huma marbuta bil-ftehim konklużi minn din tal-aħħar u, għaldaqstant li dawn il-ftehim igawdu s-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C-311/04, Ġabra p. I-609, punt 25).

43      Minn dan isegwi li l-validità ta’ att Komunitarju sekondarju tista’ tiġi affettwata mill-fatt li dan tal-aħħar ikun inkompatibbli ma’ tali regoli tad-dritt internazzjonali. Meta din l-invalidità tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tivverifika, b’applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE, il-validità tal-att Komunitarju kkonċernat fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt internazzjonali, iżda żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti.

44      L-ewwel nett, il-Komunità trid tkun marbuta b’dawn ir-regoli (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, punt 7).

45      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina l-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fid-dawl ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar ma jipprekludux tali eżami u meta, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, li huma inkondizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 39).

46      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex sodisfatti f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni Marpol 73/78 u l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

47      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni Marpol 73/78, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li l-Komunità mhijiex parti kontraenti f’din tal-aħħar.

48      Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li, bis-saħħa tat-Trattat KE, il-Komunità ħadet f’idejha l-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Marpol 73/78, u lanqas ma jidher, għaldaqstant, li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom l-effett li jorbtu lill-Komunità (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C-379/92, Ġabra p. I-3453, punt 16). Għalhekk f’dan ir-rigward, hemm distinzjoni bejn il-Konvenzjoni Marpol 73/78 u l-GATT tal-1947 li fil-kuntest tiegħu l-Komunità progressivament ħadet f’idejha kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri, liema fatt kellu l-konsegwenza li rabatha bl-obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza International Fruit Company et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 10 sa 18). Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza dwar il-GATT tal-1947 ma tistax tiġi applikata għall-Konvenzjoni Marpol 73/78.

49      Huwa minnu li l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni Marpol 73/78. Madankollu, fin-nuqqas ta’ trasferiment sħiħ lill-Komunità tal-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri, din tal-aħħar ma tistax, sempliċement minħabba li dawn l-Istati kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni Marpol 73/78, tkun marbuta bir-regoli li jinsabu f’din tal-aħħar, li hija stess m’approvatx.

50      Ladarba l-Komunità mhijiex marbuta bil-Konvenzjoni Marpol 73/78, is-sempliċi fatt li d-Direttiva 2005/35 għandha l-għan li tinkorpora fid-dritt Komunitarju ċerti regoli li jinsabu f’din tal-aħħar, lanqas mhuwa suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun obbligata tistħarreġ il-legalità ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-imsemmija konvenzjoni.

51      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huwa minnu li l-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati b’rispett għad-dritt internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali safejn huma jikkodifikaw regoli konswetudinarji stabbiliti bid-dritt internazzjonali ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C-286/90, Ġabra p. I-6019, punti 9 u 10; tal-24 ta’ Novembru 1993, Mondiet, C-405/92, Ġabra p. I-6133, punti 13 sa 15; u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punt 45. Madankollu, ma jidhirx li r-Regolamenti 9 u 11(b) tal-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 u r-Regolamenti 5 u 6(b) tal-Anness II ta’ din il-konvenzjoni jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ regoli konswetudinarji stabbiliti bid-dritt internazzjonali ġenerali.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-validità tad-Direttiva 2005/35 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 minkejja li l-Istati Membri huma marbutin biha. Madankollu, din iċ-ċirkustanza tal-aħħar jista’ jkollha konsegwenzi għall-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Marpol 73/78. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju konswetudinarju tal-bona fides, li jifforma parti mid-dritt internazzjonali ġenerali, u tal-Artikolu 10 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni Marpol 73/78.

53      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, din tal-aħħar ġiet iffirmata mill-Komunità u approvata permezz tad-Deċiżjoni 98/392, fatt li l-konsegwenza tiegħu hija li rabat lill-Komunità u għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali mis-sistema legali Komunitarja (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-459/03, Ġabra p. I-4635, punt 82).

54      Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk in-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-għan, mill-preambolu u mit-termini ta’ din tal-aħħar, ma jipprekludux l-eżami tal-validità tal-atti Komunitarji fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

55      Il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay għandha l-għan prinċipali li tikkodifika, tispeċifika u tiżviluppa r-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali dwar il-kooperazzjoni paċifika tal-komunità internazzjonali fl-esplorazzjoni, fl-użu u fl-isfruttament tal-ispazji marittimi.

56      Għal dan il-għan, skont il-preambolu ta’ din il-konvenzjoni, il-partijiet kontraenti xtaqu jistabbilixxu, permezz ta’ din tal-aħħar, sistema legali għall-ibħra u l-oċeani li tiffaċilita n-navigazzjoni internazzjonali, li tqis l-interessi u l-ħtiġijiet tal-umanità kollha kemm hi u, b’mod partikolari, l-interessi u l-ħtiġijiet speċjali tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u li ssaħħaħ il-paċi, is-sigurtà, il-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija fost in-nazzjonijiet kollha.

57      F’din il-perspettiva, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tistabbilixxi r-regoli ġuridiċi dwar il-baħar territorjali (Artikoli 2 sa 33), dwar l-ilmijiet tal-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali (Artikoli 34 sa 45), dwar l-ilmijiet arċipelaġiċi (Artikoli 46 sa 54), dwar iż-żona ekonomika esklużiva (Artikoli 55 sa 75), dwar is-sikka kontinentali (Artikoli 76 sa 85) u dwar l-ibħra miftuħa (Artikoli 86 sa 120).

58      Għal dawn l-ispazji marittimi kollha, din il-konvenzjoni tfittex li tistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Istati fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati kostali u l-interessi tal-Istati fil-kapaċità tagħhom ta’ Stati tal-bandiera, liema interessi jistgħu jkunu kontra xulxin. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni, bħall-Artikoli 2, 33, 34(2), 56 jew 89 ta’ din tal-aħħar, il-partijiet kontraenti jaħsbu biex jistabbilixxu l-limiti sostantivi u territorjali tad-drittijiet sovrani rispettivi tagħhom.

59      Min-naħa l-oħra, l-individwi, bħala regola, ma jgawdux drittijiet u libertajiet awtonomi bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. B’mod partikolari, huma jistgħu jgawdu l-libertà tan-navigazzjoni biss jekk jistabbilixxu rabta mill-qrib bejn il-vapur tagħhom u Stat li jagħtih in-nazzjonalità tiegħu u jsir l-Istat tal-bandiera tiegħu. Din ir-rabta trid tiġi kkostitwita permezz tad-dritt intern tal-imsemmi Stat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91 ta’ din il-konvenzjoni jispeċifika li kull Stat għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-vapuri, għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri fit-territorju tiegħu u għad-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu, bil-kundizzjoni li għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn dan l-Istat u l-imsemmija vapuri. Skont l-Artikolu 92(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, il-vapuri għandhom ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Stat wieħed biss u vapur ma jistax jibdel il-bandiera tiegħu matul vjaġġ jew waqt f’port fi żjara, apparti fil-każ ta’ trasferiment reali tal-proprjetà jew kambjament tar-reġistru.

60      Malli vapur ma jaqax taħt xi Stat, la huwa u lanqas il-persuni li jkunu abbord ma jgawdu l-libertà tan-navigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tipprovdi b’mod partikolari, fl-Artikolu 110(1) tagħha, li vapur tal-gwerra li jiltaqa’ ma’ vapur barrani fl-ibħra miftuħa jista’ jtella’ nies fuqu jekk ikollu bażi raġonevoli sabiex jissuspetta li l-vapur huwa mingħajr nazzjonalità.

61      Huwa minnu li l-kliem użat f’ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, bħall-Artikoli 17 110(3) u 111(8) tagħha, jidher li jorbot id-drittijiet mal-vapuri. Madankollu minn dan ma jsegwix li dawn id-drittijiet huma hekk mogħtija lill-individwi marbuta ma’ dawn il-vapuri, bħalma huma l-proprjetarji ta’ dawn tal-aħħar, billi l-istatus legali internazzjonali tal-vapur jiddependi mill-Istat tal-bandiera u mhux mill-fatt li l-vapur jappartjeni lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

62      Bl-istess mod, huwa fuq l-Istat tal-bandiera li l-imsemmija konvenzjoni timponi li għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi assigurata s-sigurtà fuq il-baħar u, għaldaqstant, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-Istati l-oħra. Għalhekk dan l-Istat jista’ wkoll jitqies responsabbli, fil-konfront tal-Istati l-oħra, għad-danni kkawżati lill-ispazji marittimi li jinsabu taħt is-sovranità ta’ dawn tal-aħħar minn vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, meta dawn id-danni jirriżultaw minn ksur tal-obbligi tal-Istat tal-bandiera.

63      L-analiżi magħmula hawn fuq mhijiex invalidata mill-fatt li l-Parti XI tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tassoċja l-persuni fiżiċi u ġuridiċi mal-esplorazzjoni, mal-użu u mal-isfruttament ta’ qiegħ il-baħar u tal-istrata tal-art taħt qiegħ il-baħar lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali, billi din il-kawża b’ebda mod ma tikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti XI.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma tistabbilixxix regoli intiżi sabiex japplikaw direttament u immedjatament għall-individwi u sabiex jagħtu lil dawn tal-aħħar drittijiet jew libertajiet li jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-Istati, indipendentement mill-attitudni tal-Istat tal-bandiera tal-vapur.

65      Minn dan isegwi li n-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tkun tista’ tevalwa l-validità ta’ att Komunitarju fid-dawl ta’ din tal-aħħar.

66      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-validità tad-Direttiva 2005/35 la tista’ tiġi evalwata:

–        fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol 73/78,

–        u lanqas fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

 Fuq ir-raba’ domanda

67      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 huwiex invalidu għar-raġuni li, billi juża l-espressjoni “negliġenza serja”, huwa jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

68      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Elleniku jikkunsidraw li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li jeżiġi li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tissuġġetta r-responsabbiltà tal-persuni li jarmu sustanzi li jniġġsu għall-kriterju tan-negliġenza serja li b’ebda mod mhuwa definit bid-Direttiva 2005/35 u li, għaldaqstant, huwa kkaratterizzat minn nuqqas ta’ ċarezza. B’hekk, il-persuni kkonċernati ma jistgħux ikunu jafu l-grad ta’ severità tal-leġiżlazzjoni li għaliha huma suġġetti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif (ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 30, u IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

70      Barra minn hekk, meta jobbliga l-Istati Membri jikkunsidraw ċerti komportamenti bħala reati u jissanzjonawhom, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, għandu wkoll jirrispetta l-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li fuqhom huma bbażati t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 49) u li huwa espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

71      Il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni jimplika li r-regoli Komunitarji jiddefinixxu b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun hemm bżonn, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha li tingħata mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Advocaten voor de Wereld, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2000-VII, § 145).

72      Huwa minnu li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, jobbliga lill-Istati Membri li jissanzjonaw ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri jekk dan isir “b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi dawn il-kunċetti.

73      Madankollu għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li dawn id-diversi kunċetti, b’mod partikolari dak tan-“negliġenza serja” li għalih jirreferu d-domandi magħmula, jikkorrispondu għal kriterji li jirregolaw ir-responsabbiltà, li huma intiżi sabiex japplikaw għal numru indefinit ta’ sitwazzjonijiet li huwa impossibbli li jiġi kkontemplat bil-quddiem, u mhux għal komportamenti speċifiċi li jistgħu jiġu indikati bid-dettall f’att leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt nazzjonali.

74      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunċetti huma kompletament integrati u użati fis-sistemi legali rispettivi tal-Istati Membri.

75      B’mod partikolari, dawn is-sistemi kollha jirrikorru għall-kunċett ta’ negliġenza li jirreferi għal azzjoni jew ommissjoni involontarja li biha l-persuna responsabbli tikser l-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

76      Barra minn hekk, kif previst minn diversi sistemi legali nazzjonali, il-kunċett ta’ negliġenza “serja” tista’ tirreferi biss għal ksur serju ta’ tali obbligu ta’ diliġenza.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “negliġenza serja” fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 għandu jinftiehem li jimplika azzjoni jew ommissjoni involontarja li biha l-persuna responsabbli tikser, b’mod serju, l-obbligu ta’ diliġenza li hija kien imissha u setgħet tirrispetta fid-dawl tal-istatus tagħha, tal-għarfien tagħha, tal-kapaċitajiet tagħha u tas-sitwazzjoni individwali tagħha.

78      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 249 KE, id-Direttiva 2005/35 għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri fis-sistemi legali rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, id-definizzjoni nfisha tar-reati li għalihom jirreferi l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-pieni applikabbli huma dawk li jirriżultaw mir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, ma jiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali safejn jimponi fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri li jsir b’“negliġenza serja”, mingħajr ma jiddefinixxi dan il-kunċett.

80      Minn dan isegwi li mill-eżami tar-raba’ domanda ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-validità tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur, la tista’ tiġi evalwata:

–        fid-dawl tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978,

–        u lanqas fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982.

2)      Mill-eżami tar-raba’ domanda ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.